EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1749

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1749 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA)

ST/12543/2019/INIT

OJ L 268, 22.10.2019, p. 73–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1749/oj

22.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/73


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1749

tal-14 ta’ Ottubru 2019

dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-talba mill-Gvern tal-Irlanda, bl-ittra tiegħu lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ April 2019, biex jieħu sehem f’ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif speċifikat f’dik l-ittra,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/192/KE (1) l-Kunsill awtorizza lill-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-kondizzjonijiet imniżżla f’dik id-Deċiżjoni.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, komunement magħrufa bħala eu-LISA, sabiex tiżgura t-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-Eurodac u ta’ ċerti aspetti tal-infrastrutturi ta’ komunikazzjoni tagħhom u potenzjalment dik ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, abbażi ta’ atti legali separati tal-Unjoni, ibbażati fuq l-Artikoli 67 sa 89 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

Bid-Deċiżjoni 2012/764/UE (3) l-Kunsill awtorizza lill-Irlanda biex tieħu sehem fir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 sal-miżura li dan hu relatat mat-tmexxija operattiva tal-VIS u l-partijiet tas-SIS II, li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem.

(4)

Fl-14 ta’ Novembru 2018, ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġie adottat li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011. Ir-Regolament (UE) 2018/1726 jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-Lisa) (“l-Aġenzija”), li tissostitwixxi u tissuċċedi l-aġenzija kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1077/2011. F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li tħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (UE) 2018/1726 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness għal dak ir-Regolament.

(5)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, l-Aġenzija hija responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), tal-VIS u tal-Eurodac. L-Aġenzija hija responsabbli wkoll għat-tħejjija, l-iżvilupp jew it-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), DubliNet u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS). L-Aġenzija tista’ wkoll tingħata r-responsabbiltà għat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jekk dan ikun previst fl-atti legali rilevanti tal-Unjoni ibbażati fuq l-Artikoli 67 sa 89 tat-TFUE.

(6)

Is-SIS hija parti mill-acquis ta’ Schengen. Ir-Regolamenti (UE) 2018/1861 (5) u (UE) 2018/1862 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirregolaw l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri u, rispettivament, fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2018/1860 (7) jirregola l-użu tas-SIS għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali. Ladarba jkunu applikabbli, ir-Regolamenti (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862 ser jissostitwixxu r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (9) li attwalment japplikaw f’dawk il-materji. Madankollu, l-Irlanda ħadet sehem biss fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u tar-Regolament (UE) 2018/1862 li jiżviluppaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2002/192/KE.

(7)

Il-VIS hija wkoll parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE (10), ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI (12) li jirregolaw l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-VIS, u mhix marbuta b’dawn l-atti.

(8)

L-Eurodac mhix parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda ħadet sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) li jirregola l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-Eurodac, u hi marbuta b’dan ir-Regolament.

(9)

L-EES hija parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) li jirregola l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-EES, u mhix marbuta b’dan ir-Regolament.

(10)

L-ETIAS hija wkoll parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) li jirregola l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tal-ETIAS, u mhix marbuta b’dan ir-Regolament.

(11)

DubliNet mhuwiex parti mill-acquis ta’ Schengen. L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 (16) li jistabbilixxi DubliNet, mezz separat ta’ trasmissjoni elettronika sigura.

(12)

Minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurodac u f’DubliNet u l-parteċipazzjoni parzjali tagħha fis-SIS II, l-Irlanda għandha d-dritt li tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Aġenzija, sa fejn l-Aġenzija hija responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II kif irregolata mir-Regolament (UE) 2018/1862, il-Eurodac u DubliNet.

(13)

L-Aġenzija għandha personalità ġuridika unika u hija kkaratterizzata mill-unità tal-istruttura organizzattiva u finanzjarja tagħha. Għaldaqstant, u f’konformità mal-Artikolu 288 tat-TFUE, l-Aġenzija ġiet stabbilita permezz ta’ strument leġislattiv uniku li hu applikabbli fl-intier tiegħu fl-Istati Membri marbuta bih. Dan jeskludi l-possibbiltà ta’ applikabbiltà parzjali għall-Irlanda. Konsegwentement, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li r-Regolament (UE) 2018/1726 fl-intier tiegħu ikun applikabbli għall-Irlanda.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill permezz tal-ittri tat-12 ta’ April 2019, bl-intenzjoni tagħha li taċċetta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1726 li jirrigwardaw il-Eurodac u DubliNet.

(15)

F’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni kkonfermat, bid-Deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2019, l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1726 għall-Irlanda sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw il-Eurodac u DubliNet. Dik id-Deċiżjoni tipprevedi li r-Regolament (UE) 2018/1726 jidħol fis-seħħ għall-Irlanda fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna t-talba tal-Irlanda li tieħu sehem fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1726 li jirrigwardaw is-SIS, kif irregolat mir-Regolament (UE) 2018/1861 li ser jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1987/2006, u mir-Regolament (UE) 2018/1860, u li jirrigwardaw il-VIS, l-EES u l-ETIAS.

(16)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2019, l-ewwel prekondizzjoni biex l-Irlanda tieħu sehem fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1726 hija ssodisfata.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-Trattati u l-Protokolli applikabbli, u fl-istess ħin jiġu ssalvagwardjati l-unità u l-konsistenza tar-Regolament (UE) 2018/1726, l-Irlanda talbet, permezz tal-ittra tat-12 ta’ April 2019 lill-Kunsill, biex tieħu sehem fir-Regolament (UE) 2018/1726 skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll ta’ Schengen”) sa fejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1726 jirreferu għar-responsabbiltà tal-Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-SIS kif irregolata mir-Regolament (UE) 2018/1861 li ser jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bir-Regolament (UE) 2018/1860, u tal-VIS, l-EES u l-ETIAS.

(18)

Il-Kunsill jirrikonoxxi d-dritt tal-Irlanda li, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Schengen, tagħmel talba biex tieħu sehem fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1726, sa fejn l-Irlanda mhix ser tieħu sehem f’dak ir-Regolament għal raġunijiet oħra.

(19)

Il-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2018/1726 hi mingħajr preġudizzju għall-fatt li fil-preżent l-Irlanda ma tieħux sehem u ma tistax tieħu zsehem fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-politika dwar il-viżi u l-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2018/1726 fih dispożizzjonijiet speċifiċi li jirriflettu din il-pożizzjoni speċjali tal-Irlanda, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ votazzjoni limitati fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija.

(20)

Il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dan tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (17), ġie infurmat dwar it-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim.

(21)

Il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (18), ġie infurmat dwar it-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’segwitu għad-Deċiżjonijiet 2002/192/KE u 2012/764/UE, l-Irlanda għandha tieħu sehem fir-Regolament (UE) 2018/1726 sa fejn jirrigwarda t-tmexxija operattiva tal-VIS, il-partijiet tas-SIS II li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem u l-EES u l-ETIAS.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEPPÄ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/764/UE tas-6 ta’ Diċembru 2012 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 337, 11.12.2012, p. 48).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fiż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l- Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3).

(17)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(18)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.


Top