EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1153

Direttiva (UE) 2019/1153tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI

PE/64/2019/REV/1

OJ L 186, 11.7.2019, p. 122–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1153/oj

11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/122


DIRETTIVA (UE) 2019/1153TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal- -Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-iffaċilitar tal-użu ta’ informazzjoni finanzjarja huwa meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati serji.

(2)

Sabiex tissaħħaħ is-sigurtà, titjieb il-prosekuzzjoni ta’ reati finanzjarji, jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus u jiġu evitati reati fiskali fl-Istati Membri u madwar l-Unjoni, jeħtieġ li jitjieb l-aċċess għal informazzjoni mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (“UIF”) u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati serji, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet finanzjarji u titjieb il-kooperazzjoni bejniethom.

(3)

Skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni u -l-Istati Membri jeħtieġ li jassistu lil xulxin. Jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom ukoll li jikkooperaw b’mod leali u rapidu.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Frar 2016 dwar “Pjan ta” Azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu’, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora l-possibbiltà ta’ strument legali distint u awtonomu sabiex twessa’ l-aċċess għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji u ta’ pagament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mill-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, mill-awtoritajiet tat-taxxa u mill-awtoritajiet kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, dak il-Pjan ta’ Azzjoni appella wkoll għall-immappjar tal-ostakli għall-aċċess għall-informazzjoni u għall-iskambju u l-użu tagħha kif ukoll għall-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-UIF.

(5)

Il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, inkluż il-frodi finanzjarja u l-ħasil tal-flus, tibqa’ prijorità għall-Unjoni.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jew sistemi għall-irkupru tad-data li jippermettu l-identifikazzjoni f’waqtha tal-persuni li għandhom kontijiet bankarji u ta’ pagament u kaxxiforti tad-depożitu.

(7)

Skont id-Direttiva (UE) 2015/849, l-informazzjoni miżmuma f’tali reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji trid tkun direttament aċċessibbli għall-UIF u tkun aċċessibbli wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati assoċjati u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

(8)

Aċċess immedjat u dirett għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji spiss huwa indispensabbli għas-suċċess ta’ investigazzjoni kriminali jew għall-identifikazzjoni, l-intraċċar u l-iffriżar f’waqthom ta’ assi relatati bil-ħsieb tal-konfiska tagħhom. Aċċess dirett huwa l-aktar tip ta’ aċċess immedjat għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jagħtu aċċess dirett għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji għall-awtoritajiet innominati tal-Istati Membri kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Meta Stat Membru jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ sistema elettronika ċentrali ta’ rkupru ta’ data, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jiżgura li l-awtorità li topera s-sistema ta’ rkupru tirrapporta r-riżultati tat-tiftix b’mod immedjat u mhux iffiltrat lill-awtoritajiet kompetenti nnominati. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax kanali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti jew is-setgħat tagħhom biex jiksbu informazzjoni minn entitajiet obbligati skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Kwalunkwe aċċess għal informazzjoni miżmuma f’reġistri ċentrali mill-awtoritajiet nazzjonali għal finijiet oħra minbarra dawk ta’ din id-Direttiva jew fir-rigward ta’ reati kriminali għajr dawk koperti minn din id-Direttiva ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(9)

Peress li f’kull Stat Membru hemm diversi awtoritajiet jew korpi li huma kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, u sabiex jiġi żgurat aċċess proporzjonat għal informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jinnominaw liema awtoritajiet jew korpi jingħataw is-setgħa li jkollhom aċċess għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji u li jkunu kapaċi jitolbu informazzjoni mill-UIF għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li, waqt li jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri jieħdu kont tan-natura, l-istatus organizzattiv, il-kompiti u l-prerogattivi ta’ tali awtoritajiet u korpi kif stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, inkluż mekkaniżmi eżistenti għall-protezzjoni tas-sistemi finanzjarji kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(10)

L-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi jenħtieġ li jiġu nnominati minn fost l-awtoritajiet kompetenti u jkollhom aċċess dirett għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji meta jipprevjenu, jidentifikaw jew jinvestigaw reat kriminali serju speċifiku jew jappoġġjaw investigazzjoni kriminali speċifika, inkluż l-identifikazzjoni, l-intraċċar u l-iffriżar tal-assi.

(11)

Sakemm l-awtoritajiet tat-taxxa u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni jkunu kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali skont il-liġi nazzjonali, jenħtieġ li dawn jitqiesu wkoll bħala awtoritajiet li jistgħu jiġu nnominati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-investigazzjonijiet amministrattivi għajr dawk imwettqa mill-UIF fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Direttiva.

(12)

L-awturi ta’ reati kriminali, b’mod partikolari l-gruppi kriminali u t-terroristi, spiss joperaw fi Stati Membri differenti u l-assi tagħhom, inkluż il-kontijiet bankarji, spiss ikunu jinsabu fi Stati Membri oħra. Minħabba d-dimensjoni transkonfinali ta’ reati serji, inkluż it-terroriżmu, u tal-attivitajiet finanzjarji relatati, spiss ikun meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjonijiet kriminali fi Stat Membru wieħed biex jaċċessaw informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji miżmuma fi Stati Membri oħra.

(13)

L-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet kompetenti minn reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet bankarji tista’ tiġi skambjata mal-awtoritajiet kompetenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor, skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (4), id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(14)

Id-Direttiva (UE) 2015/849 tejbet b’mod sostanzjali l-qafas legali tal-Unjoni li jirregola l-attività u l-kooperazzjoni tal-UIF, inkluż l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ. L-istatus legali tal-UIF ivarja bejn l-Istati Membri minn status amministrattiv jew tal-infurzar tal-liġi għal oħrajn ibridi. Is-setgħat tal-UIF jinkludu d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u dwar l-infurzar tal-liġi li huma jeħtieġu biex jipprevjenu, jidentifikaw u jiġġieldu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, il-liġi tal-Unjoni ma tistabbilixxix l-għodod u l-mekkaniżmi speċifiċi kollha li l-UIF jenħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jaċċessaw dik l-informazzjoni u jwettqu l-kompiti tagħhom. Peress li l-Istati Membri huma kompletament responsabbli biex jistabbilixxu u jiddeċiedu dwar in-natura organizzattiva tal-UIF, UIF differenti għandhom gradi differenti ta’ aċċess għall-bażijiet tad-data regolatorji, li jwassal għal skambju insuffiċjenti ta’ informazzjoni bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi jew ta’ prosekuzzjoni u l-UIF.

(15)

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-effettività operazzjonali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli biex issaħħaħ il-kapaċità tal-UIF li jikkondividu l-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja mal-awtoritajiet kompetenti nnominati fl-Istati Membri tagħhom għar-reati kriminali serji kollha. Aktar preċiżament, jenħtieġ li l-UIF jkunu meħtieġa jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti nnominati tal-Istati Membri tagħhom u jkunu kapaċi jwieġbu, f’waqthom, għal talbiet motivati għal informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja minn dawk l-awtoritajiet kompetenti nnominati, fejn dik l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja tkun meħtieġa, fuq bażi ta’ każ b’każ u meta tali talbiet ikunu motivati minn tħassib relatat mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji, soġġett għall-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 32(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ma jipprekludix l-awtonomija tal-UIF skont id-Direttiva (UE) 2015/849. B’mod partikolari, f’każijiet fejn l-informazzjoni mitluba toriġina minn UIF ta’ Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jkun hemm konformità ma’ kwalunkwe restrizzjoni u kondizzjoni imposta minn dik l-UIF għall-użu ta’ dik l-informazzjoni. Kwalunkwe użu għal finijiet li jmorru lil hinn minn dawk oriġinarjament approvati jenħtieġ li jkun soġġett għall-kunsens minn dik l-UIF. L-UIF jenħtieġ li jispjegaw b’mod adatt kwalunkwe ċaħda li tiġi mwieġba talba għal informazzjoni jew analiżi. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tal-UIF skont id-Direttiva (UE) 2015/849, inkluż l-awtonomija tal-UIF li spontanjament ixerrdu informazzjoni fuq inizjattiva tagħhom stess għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(16)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll qafas legali ddefinit b’mod ċar sabiex tippermetti lill-UIF jitolbu data rilevanti maħżuna mill-awtoritajiet kompetenti nnominati fl-Istati Membri tagħhom sabiex ikunu jistgħu jipprevjenu, jidentifikaw u jiġġieldu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod effettiv.

(17)

L-UIF jenħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiskambjaw l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja minnufih f’każijiet eċċezzjonali u urġenti, fejn tali informazzjoni jew analiżi tkun relatata mat-terroriżmu jew ma’ kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu.

(18)

Jenħtieġ li tali skambju ma jxekkilx ir-rwol attiv ta’ UIF skont id-Direttiva (UE) 2015/849 fit-tixrid tal-analiżi tagħha lil UIF oħrajn fejn dik l-analiżi tiżvela fatti, imġiba jew suspett ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu ta’ interess dirett għal dawk l-UIF l-oħrajn. L-analiżi finanzjarja tkopri analiżi operazzjonali li tiffoka fuq każijiet individwali u miri speċifiċi jew fuq informazzjoni magħżula xierqa, skont it-tip u l-volum tad-divulgazzjonijiet riċevuti u l-użu mistenni tal-informazzjoni wara t-tixrid, kif ukoll analiżi strateġika li tindirizza x-xejriet u t-tendenzi tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-istatus organizzattiv u r-rwol mogħti lill-UIF skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

(19)

Minħabba s-sensittività tad-data finanzjarja li trid tiġi analizzata mill-UIF u s-salvagwardji meħtieġa tal-protezzjoni tad-data, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi speċifikament it-tip u l-ambitu tal-informazzjoni li jistgħu jiġu skambjati bejn l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti nnominati u bejn l-awtoritajiet kompetenti nnominati tal-Istati Membri differenti. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tibdilx il-metodi ta’ ġbir tad-data miftiehma attwalment. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jwessgħu l-ambitu tal-informazzjoni finanzjarja u tal-informazzjoni tal-kontijiet bankarji li jistgħu jiġu skambjati bejn l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti nnominati. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiffaċilitaw ukoll l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti nnominati għall-informazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni tal-kontijiet bankarji għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali minbarra reati kriminali serji. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tidderogax mir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(20)

Skont il-kompetenzi u l-kompiti speċifiċi tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif stabbilit f’dak ir-Regolament, l-Europol tipprovdi appoġġ għall-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Istati Membri fl-attivitajiet tal-ħasil tal-flus ta’ organizzazzjonijiet kriminali transnazzjonali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Europol tinnotifika lill-Istati Membri bi kwalunkwe informazzjoni u konnessjoni bejn ir-reati kriminali li jikkonċernaw lil dawk l-Istati Membri. Skont dak ir-Regolament, l-unitajiet nazzjonali tal-Europol huma l-korpi ta’ kollegament bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti biex jinvestigaw reati kriminali. Sabiex il-Europol tingħata l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha, jenħtieġ li kull Stat Membru jippermetti lill-UIF tiegħu li twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni finanzjarja u analiżi finanzjarja magħmula mill-Europol permezz tal-unità nazzjonali tal-Europol ta’ dak l-Istat Membru jew, fejn xieraq, permezz ta’ kuntatti diretti. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu wkoll li l-unità nazzjonali tal-Europol tagħhom u, fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti nnominati tagħhom, ikunu intitolati li jwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-Europol. It-talbiet magħmula mill-Europol jenħtieġ li jiġu debitament iġġustifikati. Jenħtieġ li dawn isiru fuq bażi ta’ każ b’każ, fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltajiet tal-Europol u għat-twettiq tal-kompiti tagħha. Jenħtieġ li l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tal-UIF ma jkunux kompromessi u d-deċiżjoni dwar jekk tingħatax l-informazzjoni jew l-analiżi mitluba jenħtieġ li tibqa’ f’idejn l-UIF. Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida u effikaċi, jenħtieġ li l-UIF iwieġbu fil-ħin għat-talbiet tal-Europol. F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794, jenħtieġ li l-Europol tkompli l-prattika attwali tagħha li tipprovdi reazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-użu li sar mill-informazzjoni jew l-analiżi pprovduti skont din id-Direttiva.

(21)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tqis ukoll il-fatt li, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (7), il-Prosekuturi Delegati Ewropej tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekuzzjoni Pubblika (UPPE) ikollhom is-setgħa li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali tal-investigazzjoni kriminali u tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll reġistri rilevanti oħra tal-awtoritajiet pubbliċi, inklużi r-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji u s-sistemi għall-irkupru tad-data taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw taħt il-liġi nazzjonali f’każijiet simili.

(22)

Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UIF, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fil-futur qrib sabiex tevalwa l-possibbiltà u l-adegwatezza tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ, bħal “UIF tal-UE”.

(23)

Sabiex jinkiseb bilanċ xieraq bejn l-effiċjenza u livell għoli tal-protezzjoni tad-data, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jiżguraw li l-ipproċessar ta’ informazzjoni finanzjarja sensittiva li tista’ tiżvela data sensittiva ta’ persuna li tikkonċerna r-razza jew l-oriġini etnika, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin filosofiku, is-sħubija fi trade union, jew ta’ data li tikkonċerna s-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, għandu jkun permess biss minn persuni speċifikament awtorizzati u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 TUE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-libertà tat-twettiq ta’ negozju, id-dritt għal rimedju effettiv u proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità ta’ reati kriminali u ta’ pieni, kif ukoll id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji previsti fil-liġi internazzjonali u ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma partijiet, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

(25)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva jirrispetta bis-sħiħ id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Kwalunkwe pproċessar bħal dan huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 (8) u għad-Direttiva (UE) 2016/680 (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom. Sa fejn jikkonċerna l-aċċess tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi għar-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji u għas-sistemi għall-irkupru tad-data, tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680, filwaqt li ma japplikax l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI (10). Fir-rigward tal-Europol, japplika r-Regolament (UE) 2016/794. F’din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji u kondizzjonijiet speċifiċi u addizzjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data personali fir-rigward tal-mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar ta’ data sensittiva u rekords ta’ talbiet għal informazzjoni.

(26)

Kwalunkwe data personali miksuba skont din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi pproċessata biss f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data mill-awtoritajiet kompetenti fejn ikun meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reat serju.

(27)

Barra minn hekk, sabiex jiġi rispettat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza, u biex jiġi limitat l-impatt tal-aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji u f’ sistemi għall-irkupru tad-data, huwa essenzjali li jiġu previsti kondizzjonijiet li jillimitaw tali aċċess. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li politiki u miżuri xierqa dwar il-protezzjoni tad-data japplikaw għall-aċċess għal data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-persunal awtorizzat biss ikollu aċċess għal informazzjoni li fiha data personali li tista’ tinkiseb mir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jew permezz ta’ proċessi ta’ awtentikazzjoni. Jenħtieġ li l-persunal li jingħata aċċess għal data sensittiva bħal din jingħata taħriġ dwar il-prattiki ta’ sigurtà fir-rigward tal-iskambju u t-trattament tad-data.

(28)

It-trasferiment ta’ data finanzjarja lejn pajjiżi terzi u sħab internazzjonali, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jkun permess biss taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil- Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679 jew il-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680.

(29)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tliet snin wara d-data tat-traspożizzjoni tagħha, u kull tliet snin wara dan. Skont il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11) il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq ukoll evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ speċifiċi sabiex tivvaluta l-effetti attwali tad-Direttiva u l-ħtieġa ta’ kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

(30)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li jiġu adottati regoli biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu pprovduti b’livell ogħla ta’ sigurtà billi tiġi evitata u miġġielda l-kriminalità, skont l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Minħabba n-natura transnazzjonali tiegħu, it-theddid terroristiku u kriminali jaffettwa l-Unjoni kollha kemm hi u jeħtieġ rispons mal-Unjoni kollha. Il-kriminali jistgħu jisfruttaw, u jibbenefikaw min-nuqqas ta’ użu effiċjenti ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u informazzjoni finanzjarja fi Stat Membru, li jista’ jkollu konsegwenzi fi Stat Membru ieħor.

(31)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni mill-UIF u l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati serji, li jtejjeb l-abbiltà tagħhom li jmexxu investigazzjonijiet finanzjarji u li jtejjeb il-kooperazzjoni bejniethom,ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-efetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(32)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, rigward awtorizzazjonijiet tal-Istati Membri sabiex japplikaw proviżorjament jew jikkonkludu ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li huma partijiet kontraenti taż-Żona Ekonomika Ewropea, dwar materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(33)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI jenħtieġ li titħassar billi s-suġġett tagħha huwa regolat minn atti oħra tal-Unjoni u ma hemmx iktar bżonn tagħha.

(34)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(35)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(36)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u ta opinjoni fil-10 ta’ Settembru 2018,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal u l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji. Hija tistabbilixxi wkoll miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (“UIF”) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ta’ reati predikati assoċjati u tal-finanzjament tat-terroriżmu u miżuri biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-UIF.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju:

(a)

għad-Direttiva (UE) 2015/849 u d-dispożizzjonijiet relatati tal-liġi nazzjonali, inkluż l-istatus organizzattiv mogħti lill-UIF skont il-liġi nazzjonali kif ukoll l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tagħhom;

(b)

għall-kanali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti jew is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali biex jiksbu informazzjoni minn entitajiet obbligati;

(c)

għar-Regolament (UE) 2016/794;

(d)

għall-obbligi li jirriżultaw minn strumenti tal-Unjoni dwar assistenza legali reċiproka jew dwar rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet rigward materji kriminali u mid-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji” tfisser il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentrali, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali ta’ rkupru ta’ data, stabbiliti skont l-Artikolu 32a(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(2)

“Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi” tfisser l-uffiċċji nazzjonali stabbiliti jew innominati minn kull Stat Membru skont id-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI;

(3)

“Unità tal-Intelligence Finanzjarja (‘UIF’)” tfisser UIF kif stabbilita skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(4)

“entitajiet obbligati” tfisser l-entitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(5)

“informazzjoni finanzjarja” tfisser kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data, bħal data dwar assi finanzjarji, movimenti ta’ fondi jew relazzjonijiet kummerċjali finanzjarja, li diġà hija miżmuma mill-UIF biex jipprevjenu, jidentifikaw u jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(6)

“informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi” tfisser:

(i)

kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data diġà miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

(ii)

kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-entitajiet privati fil-kuntest tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u li hija disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jittieħdu miżuri repressivi skont il-liġi nazzjonali;

tali informazzjoni tista’ tkun, fost oħrajn, rekords kriminali, informazzjoni dwar investigazzjonijiet, informazzjoni dwar l-iffriżar jew is-sekwestru ta’ assi jew dwar miżuri investigattivi jew proviżorji oħrajn u informazzjoni dwar kundanni u konfiski;

(7)

“informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji” tfisser l-informazzjoni li ġejja dwar il-kontijiet bankarji u tal-pagamenti u l-kaxxiforti tad-depożitu li tinsab fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji:

(i)

fir-rigward tad-detentur tal-kont tal-klijent u kwalunkwe persuna li tidher li taġixxi f’isem il-klijent: l-isem, ikkomplementat jew b’data tal-identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew b’numru tal-identifikazzjoni uniku;

(ii)

fir-rigward tas-sid benefiċjarju tad-detentur tal-kont tal-klijent: l-isem, ikkomplementat jew b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jew b’numru tal-identifikazzjoni uniku;

(iii)

fir-rigward tal-kont bankarju jew il-kont ta’ pagament: in-numru tal-IBAN u d-data tal-ftuħ u l-għeluq tal-kont;

(iv)

fir-rigward tal-kaxxaforti tad-depożitu: l-isem tal-lokatorju, ikkomplementat b’data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew numru tal-identifikazzjoni uniku u d-durata tal-perjodu tal-kirja;

(8)

“ħasil tal-flus” tfisser l-imġiba ddefinita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(9)

“reati predikati assoċjati” tfisser ir-reati msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1673;

(10)

“finanzjament tat-terroriżmu” tfisser l-imġiba ddefinita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(11)

“analiżi finanzjarja” tfisser ir-riżultati tal-analiżi operazzjonali u strateġika li diġà twettqet mill-UIF fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2015/849;

(12)

“reati kriminali serji” tfisser il-forom ta’ kriminalità elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2016/794.

Artikolu 3

Nomina tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina, fost l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-awtoritajiet kompetenti li għandhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu fir-reġistru ċentrali nazzjonali tal-kontijiet bankarji tiegħu. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu mill-inqas l-Uffiċċji għall-Irkurpu tal-Assi.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina, fost l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, l-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jitolbu u jirċievu informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja mill-UIF.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tiegħu nnominati skont il-paragrafi 1 u 2 sat-2 ta’ Diċembru 2021, u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda għal dan. Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-notifiki f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU II

AĊĊESS MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI GĦAL INFORMAZZJONI DWAR IL-KONTIJIET BANKARJI

Artikolu 4

Aċċess għal u tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti nnominati skont l-Artikolu 3(1) jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji jew l-appoġġ ta’ investigazzjoni kriminali dwar reat kriminali serju, inkluż l-identifikazzjoni, l-intraċċar u l-iffriżar tal-assi relatati ma’ tali investigazzjoni. L-aċċess u t-tiftix għandhom jiġu kkunsidrati bħala diretti u immedjati, fost l-oħrajn, meta l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jibagħtu b’mod rapidu l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ mekkaniżmu awtomatizzat lill-awtoritajiet kompetenti, dment li l-ebda istituzzjoni intermedjarja ma tkun tista’ tinterferixxi fir-rigward tad-data mitluba jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

2.   L-informazzjoni addizzjonali li l-Istati Membri jikkunsidraw bħala essenzjali u jinkludu fir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 32a(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 ma għandhiex tkun aċċessibbli u li tista’ tiġi mfittxija mill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva.

Artikolu 5

Kondizzjonijiet għall-aċċess u għat-tiftix mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-aċċess għal u t-tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 4 għandhom jitwettqu biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-persunal f’kull awtorità kompetenti li jkun ġie innominat u awtorizzat speċifikament biex iwettaq dawk il-kompiti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtoritajiet kompetenti nnominati jżomm standards professjonali għoljin ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data, li jkun ta’ integrità għolja u li jkollu ħiliet xierqa.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiżguraw is-sigurtà tad-data għal standards teknoloġiċi għolja għall-finijiet tal-eżerċizzju mill-awtoritajiet kompetenti tas-setgħa ta’ aċċess u tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Monitoraġġ tal-aċċess u t-tiftix mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jiżguraw li jinżammu reġistrazzjonijiet ta’ kull darba li l-awtoritajiet kompetenti nnominati jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

ir-referenza tal-fajl nazzjonali;

(b)

id-data u l-ħin tad-domanda jew tat-tiftix;

(c)

it-tip ta’ data użata għat-tnedija tad-domanda jew tat-tiftix;

(d)

l-identifikatur uniku tar-riżultati;

(e)

l-isem tal-awtorità kompetenti nnominata li tikkonsulta r-reġistru;

(f)

l-identifikatur uniku tal-utent tal-uffiċjal li għamel id-domanda jew li wettaq it-tiftix u, fejn applikabbli, tal-uffiċjal li ordna d-domanda jew it-tiftix u, sa fejn ikun possibbli, l-identifikatur uniku tal-utent ta’ min jirċievi r-riżultati tad-domanda jew tat-tiftix.

2.   L-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data għar-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji għandhom jivverifikaw ir-reġistrazzjonijiet b’mod regolari. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom isiru disponibbli, fuq talba, lill-awtorità superviżorja kompetenti stabbilita skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680.

3.   Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluż il-verifika tal-ammissibbiltà ta’ talba u tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data, u għall-iżgurar tas-sigurtà tad-data. Dawn għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru ħames snin wara li jinħolqu, sakemm ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li diġà għaddejjin.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri ċentrali tal-kontijiet bankarji jieħdu l-miżuri xierqa sabiex il-persunal ikun konxju mil-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli, inkluż ir-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data. Tali miżuri għandhom jinkludu programmi ta’ taħriġ speċjalizzati.

KAPITOLU III

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI BEJN L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-UIF, U BEJN L-UIF

Artikolu 7

Talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti lil UIF

1.   Soġġett għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-UIF nazzjonali tiegħu tkun meħtieġa tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti nnominati tiegħu msemmija fl-Artikolu 3(2) u tkun kapaċi twieġeb, f’waqtu, għal talbiet motivati għal informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja minn dawk l-awtoritajiet kompetenti nnominati fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, fejn dik l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja hija meħtieġa fuq bażi ta’ każ b’każ, u fejn it-talba tkun motivata minn tħassib relatat mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji.

2.   Fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex jiġi preżunt li l-għoti ta’ tali informazzjoni jkollu impatt negattiv fuq investigazzjonijiet jew analiżi li jkunu għaddejjin, jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta jkun jidher ċar li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-interessi leġittimi ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew irrelevanti fir-rigward tal-finijiet li għalihom tkun intalbet, l-UIF ma għandha tkun taħt l-ebda obbligu li tissodisfa t-talba għall-informazzjoni.

3.   Kwalunkwe użu għal finijiet li jmorru lil hinn minn dawk oriġinarjament approvati għandu jkun soġġett għall-kunsens minn qabel ta’ dik l-UIF. L-UIF għandhom jispjegaw b’mod adatt kwalunkwe ċaħda li tiġi mwieġba talba magħmula skont il-paragrafu 1.

4.   Id-deċiżjoni biex wieħed jipproċedi għat-tixrid ta’ informazzjoni għandha tibqa’ f’idejn l-UIF.

5.   L-awtoritajiet kompetenti nnominati jistgħu jipproċessaw l-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja riċevuta mill-UIF għall-finijiet speċifiċi ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji għajr il-finijiet li għalihom id-data personali tinġabar skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680.

Artikolu 8

Talbiet għal informazzjoni minn UIF lil awtoritajiet kompetenti

Soġġett għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali u flimkien mal-aċċess għal informazzjoni mill-UIF, kif previst fl-Artikolu 32(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti nnominati tiegħu huma meħtieġa jwieġbu, f’waqthom, għat-talbiet għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi magħmula mill-UIF nazzjonali, fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 9

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF ta’ Stati Membri differenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’każijiet eċċezzjonali u urġenti, l-UIF tagħhom ikunu intitolati li jiskambjaw informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja li tista’ tkun rilevanti għall-ipproċessar jew l-analiżi ta’ informazzjoni relatata mat-terroriżmu jew ma’ kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u soġġett għal-limitazzjonijiet operazzjonali tagħhom, l-UIF jagħmlu l-almu tagħhom biex jiskambjaw din l-informazzjoni fil-pront.

Artikolu 10

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti

1.   Soġġett għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu nnominati skont l-Artikolu 3(2) ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja miksuba mill-UIF tal-Istat Membru tagħhom, fuq talba u fuq bażi ta’ każ b’każ, ma’ awtorità kompetenti nnominata fi Stat Membru ieħor, fejn dik l-informazzjoni finanzjarja jew l-analiżi finanzjarja tkun meħtieġa għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti nnominati tiegħu jużaw l-informazzjonifinanzjarja jew l-analiżi finanzajrja skambjata skont dan l-Artikolu biss għall-fini li għalih tkun intalbet jew ingħatat.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe tixrid ta’ informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja miksuba mill-awtoritajiet kompetenti nnominati tiegħu mingħand l-UIF ta’ dak l-Istat Membru lil kwalunkwe awtorità, aġenzija jew dipartiment oħra jew kwalunkwe użu ta’ dik l-informazzjoni għal finijiet oħra għajr dawk oriġinarjament approvati jsir soġġett għall-kunsens minn qabel tal-UIF li tipprovdi l-informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li talba li ssir skont dan l-Artikolu u t-tweġiba tagħha jiġu trasmessi bl-użu ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi siguri li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tad-data.

KAPITOLU IV

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI MAL-EUROPOL

Artikolu 11

Għoti ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji lill-Europol

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu intitolati li jwieġbu, permezz tal-unità nazzjonali tal-Europol jew, jekk dawn ikunu permessi minn dak l-Istat Membru, permezz ta’ kuntatti diretti mal-Europol, għal talbiet debitament iġġustifikati relatati mal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji magħmula mill-Europol fuq bażi ta’ każ b’każ fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltajiet tagħha u għat-twettiq tal-kompiti tagħha. L-Artikolu 7(6) u 7(7) tar-Regolament (UE) 2016/794 japplika.

Artikolu 12

Skambju ta’ informazzjoni bejn il-Europol u l-UIF

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-UIF tiegħu tkun intitolata li twieġeb għat-talbiet debitament ġustifikati magħmula mill-Europol permezz tal-unità nazzjonali tal-Europol jew, jekk dawn ikunu permessi minn dak l-Istat Membru, permezz ta’ kuntatti diretti bejn l-UIF u l-Europol. Dawn it-talbiet għandhom ikunu relatati mal-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja u jsiru fuq bażi ta’ każ b’każ fil-limiti tar-responsabbiltajiet tal-Europol u għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

2.   L-Artikolu 32(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-Artikolu 7(6) u 7(7) tar-Regolament (UE) 2016/794 japplikaw għall-iskambji li jsiru skont dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ talba jkun spjegat b’mod adatt.

Artikolu 13

Arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-Direttiva jsiru skont ir-Regolament (UE) 2016/794 b’mod elettroniku permezz ta’:

(a)

SIENA jew is-suċċessur tagħha fil-lingwa applikabbli għas-SIENA; jew

(b)

fejn applikabbli, FIU.Net jew is-suċċessur tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 12 isir f’waqtu u li f’dak ir-rigward it-talbiet għal informazzjoni magħmula mill-Europol ikunu ttrattati bħallikieku joriġinaw minn UIF oħra.

Artikolu 14

Rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data

1.   L-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, l-informazzjoni finanzjarja u l-analiżi finanzjarja msemmija fl-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-Direttiva għandu jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/794 u biss mill-persunal tal-Europol li jkunu ġew innominati u awtorizzati speċifikament biex iwettqu dawk il-kompiti.

2.   Il-Europol għandha tinforma lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2016/794 ta’ kull skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 11, 12 u 13 ta’ din id-Direttiva.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ADDIZZJONALI RELATATI MAL-IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

Artikolu 15

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika biss għall-awtoritajiet kompetenti nnominati u l-UIF fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni skont il-Kapitolu III u fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja u analiżi finanzjarja li jinvolvu l-unitajiet nazzjonali tal-Europol skont il-Kapitolu IV.

Artikolu 16

Ipproċessar ta’ data personali sensittiva

1.   L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela r-razza jew l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew is-sħubija fi trade union jew ta’ data li tikkonċerna s-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna ta’ persuna fiżika għandu jkun permess biss soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-soġġett tad-data f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   Huwa biss il-persunal li jkunu ġew imħarrġa speċifikament u li ġew awtorizzati speċifikament mill-kontrollur li jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data msemmija fil-paragrafu 1 skont il-gwida tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

Artikoli 17

Rekords ta’ talbiet għal informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu rekords relatati mat-talbiet għal informazzjoni skont din id-Direttiva. Dawk ir-rekords għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni u tal-membru tal-persunal li jitlob l-informazzjoni u, sa fejn ikun possibbli, ta’ min jirċievi r-riżultati tad-domanda jew tat-tiftix;

(b)

ir-referenza għall-każ nazzjonali li fir-rigward tiegħu tintalab l-informazzjoni;

(c)

is-suġġett tat-talbiet; u

(d)

kwalunkwe miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ tali talbiet.

Ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta’ ħames snin wara l-ħolqien tagħhom u għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali. L-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jagħmlu r-rekords kollha disponibbli lill-awtorità superviżorja nazzjonali fuq talba tagħha.

Artikolu 18

Restrizzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data

L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, kompletament jew parzjalment, id-dritt tas-suġġett tad-data ta’ aċċess għal data personali relatata magħhom ipproċessata skont din id-Direttiva, f’konformità mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680, kif applikabbli.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-effettività tas-sistemi tagħhom sabiex jiġu miġġielda r-reati kriminali serji billi jżommu statistika komprensiva.

2.   Sal-1 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatt ta’ din id-Direttiva.

Dak il-programm għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, ser tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ evidenza oħra.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data u evidenza oħra meħtieġa għall-monitoraġġ.

3.   Fi kwalunkwe każ, l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd ta’ tiftix imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 4;

(b)

data li tkejjel il-volum tat-talbiet maħruġa minn kull awtorità skont din id-Direttiva, is-segwitu mogħti lil dawk it-talbiet, l-għadd ta’ każijiet investigati, l-għadd ta’ persuni mħarrka u l-għadd ta’ persuni li nstabu ħatja għal reati kriminali serji, fejn tali informazzjoni hija disponibbli;

(c)

data li tkejjel iż-żmien li awtorità teħtieġ biex twieġeb għal talba wara l-wasla tat-talba;

(d)

jekk disponibbli, data li tkejjel il-kost tar-riżorsi umani jew tal-IT li huma ddedikati għal talbiet domestiċi jew transkonfinali li jaqgħu taħt din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tal-istatistika u għandhom jittrasmettu l-istatistika msemmija fil-paragrafu 3 lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Artikolu 20

Relazzjoni ma’ strumenti oħra

1.   Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejniethom dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti, sa fejn dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkunu kompatibbli mal-liġiritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ma’ din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu jew impenn tal-Istati Membri jew tal-Unjoni skont ftehimiet bilaterali jew multilaterali eżistenti ma’ pajjiżi terzi.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jidħlu f’negozjati dwar, u li jikkonkludu, ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi li huma partijiet kontraenti taż-Żona Ekonomika Ewropea dwar materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.

Jekk, fi żmien xahrejn mill-wasla tan-notifika tal-intenzjoni ta’ Stat Membru li jidħol fin-negozjati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-negozjati x’aktarx ifixklu l-politiki rilevanti tal-Unjoni jew iwasslu għal ftehim li ma jkunx kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru skont il-każ.

L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni regolarment infurmata dwar negozjati bħal dawn u, fejn meħtieġ, jistiednu lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur.

L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati japplikaw proviżorjament jew jikkonkludu ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, dment li dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jkunux ta’ ħsara għall-objettiv u l-fini tal-politiki rilevanti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22.

Artikolu 21

Evalwazzjoni

1.   Sat-2 ta’ Awwissu 2024, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

2.   F’konformità mal-Artikolu 65(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ostakli u l-opportunitajiet biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UIF fl-Unjoni inkluż il-possibbiltà u l-adegwatezza tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ.

3.   Sat-2 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni għandha toħroġ rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tivvaluta l-ħtieġa għal u l-proporzjonalità tal-estensjoni tad-definizzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja għal kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data li tinżamm mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-entitajiet obbligati u li hija disponibbli għall-UIF mingħajr ma jittieħdu miżuri repressivi skont il-liġi nazzjonali, u għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva, jekk xieraq.

4.   Sat-2 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-opportunitajiet u l-isfidi rigward l-estensjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja jew analiżi finanzjarja bejn l-UIF fi ħdan l-Unjoni biex tkopri skambji relatati ma’ reati kriminali serji għajr it-terroriżmu jew kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu.

5.   Mhux qabel it-2 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ kif id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew irrispettati.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis l-istatistika sottomessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 19 u tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 22

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 23

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Awwissu 2021. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 24

Tħassir tad-Deċiżjoni 2000/642/ĠAI

Id-Deċiżjoni 2000/642/ĠAI hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 84.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(4)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 386 tad-29.12.2006, p. 89).

(5)  Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103).

(11)  Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali. (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).


Top