EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1011

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1011 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 rigward ċerti kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni biex jippromwovu l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8442

OJ L 165, 21.6.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1011/oj

21.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1011

tat-13 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 rigward ċerti kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni biex jippromwovu l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 33(8) tagħha,

Billi:

(1)

L-inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li tnaqqas id-dipendenza tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju kollha (“SMEs”) fuq is-self mill-banek u tagħtihom aċċess għal sorsi ta' finanzjament diversifikati bbażati fuq is-suq kif ukoll li tippromwovi l-ħruġ ta' bonds u ishma minn SMEs fis-swieq pubbliċi. Kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni li jfittxu li jiġbru kapital fuq pjattaformi ta' negozjar qed jaffaċċjaw spejjeż ta' żvelar u ta' konformità ta' darba u kontinwi għoljin li jistgħu jiskoraġġuhom milli biss ifittxu ammissjoni għal negozjar fuq pjattaformi ta' negozjar tal-Unjoni. Barra minn hekk, ishma maħruġin minn SMEs f'faċilitajiet tan-negozjar tal-Unjoni għandhom it-tendenza li jbatu minn livelli aktar baxxi ta' likwidità u minn volatilità ogħla, li jżidu l-ispiża tal-kapital, li jagħmlu dan is-sors ta' finanzjament wisq oneruż.

(2)

Id-Direttiva 2014/65/UE ħolqot tip ġdid ta' pjattaformi tan-negozjar, is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, subgrupp tal-Faċilitajiet Multilaterali tan-Negozjar (“MTFs”), sabiex tiffaċilita l-aċċess għal kapital għall-SMEs u sabiex ikun iffaċilitat aktar żvilupp ta' swieq speċjalisti li jimmiraw li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet ta' SMEs emittenti. Id-Direttiva 2014/65/UE antiċipat ukoll li jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-mod li bih regolamentazzjoni futura jenħtieġ li tħeġġeġ u tippromwovi aktar l-użu ta' dak is-suq sabiex tagħmlu aktar attraenti għall-investituri, u tipprovdi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u aktar inċentivi għall-SMEs biex ikollhom aċċess għal swieq tal-kapital permezz ta' swieq tat-tkabbir tal-SMEs.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-likwidità u l-profittabilità tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, l-Artikolu 33(3)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedi li mill-inqas 50 % tal-emittenti li l-istrumenti finanzjarji tagħhom jiġu ammessi għan-negozjar f'suq tat-tkabbir tal-SMEs ikunu SMEs ta' ekwità u/jew titoli ta' dejn. Skont id-Direttiva 2014/65/UE, emittenti tal-ekwità għall-SMEs huma definiti bħala kumpanija li għandha medja ta' kapitalizzazzjoni tas-suq ta' inqas minn EUR 200 miljun fuq il-bażi ta' kwoti ta' tmiem is-sena għat-tliet snin kalendarji preċedenti. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (2) jipprevedi li l-emittent tal-SMEs mhux ta' ekwità (debitu biss) jenħtieġ li jissodisfa mill-inqas tnejn minn dawn it-tliet kondizzjonijiet li ġejjin: (i) l-għadd ta' impjegati (inqas minn 250), (ii) it-total tal-karta tal-bilanċ (inqas minn EUR 43 miljun), u (iii) il-fatturat nett annwali (inqas minn EUR 50 miljun). Instab li dan ir-rekwiżit sabiex emittenti mhux ta' ekwità jikkwalifika bħala SME huwa wisq restrittiv minħabba li tali emittenti għandhom tendenza li jkunu akbar minn SMEs tradizzjonali. B'riżultat ta' dan, ħafna emittenti mhux ta' ekwità ma jistgħux jikkwalifikaw bħala SMEs skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/565, minkejja li jibqgħu relattivament żgħar. Peress li ma jistgħux jissodisfaw il-limitu ta' 50 % ta' emittenti li jikkwalifikaw bħala SMEs, ħafna MTFs speċjalizzati fil-ħruġ ta' dejn għall-SMEs jew li jippermettu kemm il-ħruġ tal-bonds kif ukoll ta' ishma ma jistgħux jirreġistraw bħala swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Min-naħa l-oħra, jekk l-operaturi tal-MTFs ma jagħmlux użu mill-qafas tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, l-emittenti f'dawk MTFs ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mir-rekwiżiti regolatorji inqas stretti previsti għall-kwotazzjoni u ħruġ fuq is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sabiex aktar MTFs ikunu jistgħu jirreġistraw bħala swieq tat-tkabbir tal-SMEs, il-valur nominali tal-ħruġ ta' dejn ta' emittent (eskluż is-self) matul is-sena kalendarja preċedenti jenħtieġ li għalhekk jiġi stabbilit bħala l-uniku kriterju biex l-emittenti mhux ta' ekwità jikkwalifikaw bħala SMEs għall-finijiet tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ dwar l-effikaċja tad-definizzjoni l-ġdida ta' SME emittent ta' titoli mhux ta' ekwità sabiex l-MTFs ikunu jistgħu jirreġistraw bħala swieq tat-tkabbir tal-SMEs u l-impatt tagħha fuq l-iżviluppi tas-suq u l-fiduċja tal-investituri.

(4)

Ir-Regolament Delegati (UE) 2017/565 jindika li jenħtieġ li s-suq tat-tkabbir tal-SMEs ma jkollux regoli li jimponu piżijiet akbar fuq l-emittenti min dawk applikabbli għall-emittenti fi swieq regolati. Madankollu, l-Artikolu 78(2)(g) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/565 jirrikjedi li emittenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jippubblikaw rapporti finanzjarji kull sitt xhur. Emittenti ta' titoli mhux ta' ekwità li jimmiraw għal klijenti professjonali fis-swieq regolati min-naħa l-oħra mhumiex suġġetti għall-istess obbligu skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-produzzjoni ta' rapporti finanzjarji kull sitt xhur irriżultat li hi obbligu sproporzjonat impost fuq l-SMEs emittenti ta' titoli mhux ta' ekwità fis-swieq tat-tkabbir. Peress li ħafna MTFs b'enfasi fuq l-SMEs ma jirrikjedux l-obbligu li l-emittenti ta' titoli mhux ta' ekwità jipproduċu rapport finanzjarju kull sitt xhur, tali rekwiżit obbligatorju mir-Regolament Delegat (UE) 2017/565 jidher li jikkontribwixxi biex jiskoraġġixxi lill-operaturi tal-MTFs milli jfittxu reġistrazzjoni bħala swieq ta' tkabbir tal-SMEs. Għalhekk jenħtieġ li l-operatur ta' suq tat-tkabbir tal-SMEs ikollu l-flessibbiltà li jiddeċiedi jekk jimponix fuq l-emittenti ta' titoli mhux ta' ekwità l-pubblikazzjoni ta' rapporti kull sitt xhur jew le.

(5)

Ġie osservat li xi SMEs emittenti fis-swieq tat-tkabbir qiegħdu ammont limitat tal-kapital azzjonarju maħruġ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li jwassal biex in-negozjar ta' dawk l-ishma ikun aktar riskjuż għall-investituri u għandu impatt negattiv fuq il-likwidità. Dan imbagħad jaġixxi bħala diżinċentiv biex l-investituri jinvestu fl-ishma kkwotati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs. Sabiex jiġu żgurati l-likwidità tal-ishma u l-fiduċja tal-investituri, jenħtieġ għalhekk li l-operaturi tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jimponu li ammont minimu ta' ishma jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni għan-negozjar (“il-kriterju ta' flotazzjoni libera”) bħala kundizzjoni għall-ammissjoni għan-negozjar għall-ewwel darba. Jenħtieġ madankollu li l-operaturi tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs ikollhom il-flessibbiltà li jistabbilixxu livell limitu xieraq ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tas-suq, inkluż jekk l-ammont jenħtieġx li jiġi espress f'valur assolut jew bħala perċentwal tal-kapital azzjonarju totali maħruġ.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/565 jiġi emendat skont dan.

(7)

Jenħtieġ li jingħata perjodu minimu ta' żmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament lill-operaturi preeżistenti fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, biex jadattaw il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika tliet xhur wara d-dħul tiegħu fis-seħħ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/565 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 77, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Emittent li ma jkollu l-ebda strument azzjonarju innegozjat fuq xi pjattaforma ta'negozjar għandu jitqies bħala SME għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(13) tad-Direttiva 2014/65/UE jekk il-valur nominali tal-ħruġ ta' dejn tiegħu matul is-sena kalendarja preċedenti, fuq il-pjattaformi tan-negozjar kollha madwar l-Unjoni, ma jkunx jaqbeż il-EUR 50 miljun.”;

2.

fl-Artikolu 78, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdied il-punt (j) segwenti:

“(j)

tirrikjedi li l-emittenti li jfittxu l-ammissjoni tal-ishma tagħhom għan-negozjar fuq il-pjattaforma tagħha għall-ewwel darba jallokaw ammont minimu tal-ishma maħruġa tagħhom disponibbli għan-negozjar fuq l-MTF, b'konformità ma' livell limitu li jiġi stabbilit mill-operatur tal-MTF u espress jew bħala valur assolut jew bħala perċentwal tal-kapital azzjonarju totali maħruġ.”;

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-operatur ta' MTF jista' jeżenta lill-emittenti li ma' għandhom l-ebda strument ta' ekwità nnegozjat fuq l-MTF mill-obbligu li jippubblikaw rapporti finanzjarji kull sitt xhur imsemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Fejn l-operatur ta' MTF jeżerċita l-opzjoni skont l-ewwel sentenza ta' dan is-subparagrafu, l-awtorità kompetenti ma għandhiex ttirrikjedi, għall-finijiet tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, li l-emittenti li ma għandhom l-ebda strument ta' ekwità nnegozjat fuq l-MTF ikollhom l-obbligu li jippubblikaw rapporti finanzjarji kull sitt xhur.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn 11 ta' Ottubru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  L-Artikolu 77(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta' April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).


Top