EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0869

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/869 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), u li tħassar id-Deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM

ST/8338/2019/INIT

OJ L 140, 28.5.2019, p. 84–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2024; Imħassar b' 32024D0394

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/869/oj

28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/84


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/869

tal-14 ta' Mejju 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), u li tħassar id-Deċiżjoni tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (il-“Ftehim tal-GFCM”). Il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-GFCM.

(2)

Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija responsabbli mill-adozzjoni ta' miżuri mfassla biex tiġi żgurata l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)

Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu tal-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar.

(6)

Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar is-Sostenibbiltà tas-Sajd fil-Mediterran, li fit-30 ta' Marzu 2017 adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Malta MedFish4Ever u tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Sajd u l-Akkwakultura fil-Baħar l-Iswed, li fis-7 ta' Ġunju 2018 adottat id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġaw u jtejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, il-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, il-kultura ta' konformità biex jiġi eliminat is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira sostenibbli u aktar solidarjetà u koordinazzjoni, huma ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni fil-GFCM.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM għall-perijodu 2019-2023, peress li l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tal-GFCM ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3) u (KE) Nru 1224/2009 (4), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-GFCM hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-GFCM. Jixraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023.

(9)

Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tal-GFCM, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2019-2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-GFCM għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-GFCM fl-2024.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) hija b'dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).

(2)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)

1.   PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-GFCM, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

(b)

taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi ta' preparazzjoni għall-miżuri tal-GFCM u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-GFCM jikkonformaw mal-Ftehim tal-GFCM;

(c)

tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan il-GFCM huma konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993 u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port tal-2009;

(d)

timmira l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u tal-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever iffirmata f'Malta fit-30 ta' Marzu 2017 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija ffirmata fis-7 ta' Ġunju 2018, li huma maħsuba b'mod partikolari biex itejbu l-ġbir tad-data u l-evalwazzjoni xjentifika, li jistabbilixxu qafas ta' ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, jiżviluppaw kultura ta' konformità u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, jappoġġaw is-sajd u l-akkwakultura fuq skala żgħira u sostenibbli u jiżguraw aktar solidarjetà u koordinazzjoni fil-Mediterran;

(e)

tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) fl-istess żona;

(f)

tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(g)

tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;

(h)

tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1);

(i)

timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan il-Ftehim tal-GFCM abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u l-istandards;

(j)

tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġaw u jtejbu l-effettività tal-GFCM u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari fir-rigward tax-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

(k)

tippromwovi, fejn xieraq, il-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom;

(l)

tippromwovi l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess Kobe għall-RFMOs tat-tonn.

2.   ORJENTAZZJONIJIET

L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-GFCM tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż l-għeluq spazjotemporali, il-miżuri ta' selettività jew l-opportunitajiet tas-sajd għar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar regolati mill-GFCM, li jwasslu biex, sa mhux aktar tard mill-2020, tintlaħaq jew tinżamm ir-rata tal-isfruttament għar-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta' sajd disponibbli; fid-dawl tal-Artikolu 29 tal-PKS, fil-każ li pjanijiet pluriennali għal xi stokk jew grupp ta' stokkijiet fil-Mediterran ikunu ġew adottati fil-livell tal-UE, jeħtieġ li dawn jitqiesu meta jkunu relatati mal-implimentazzjoni tal-objettiv li jintlaħaq rendiment massimu sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

miżuri biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtati u mhux irregolati (IUU) fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM, inkuż l-elenkar tal-bastimenti IUU;

(c)

miżuri li jsaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti;

(d)

miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan il-GFCM;

(e)

miżuri biex jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inkluż miżuri biex inaqqsu t-tniġġis tal-baħar u jipprevjenu r-rimi ta' plastik fil-baħar u jnaqqsu l-impatt tal-plastik preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM f'konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali tal-FAO, u miżuri biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, inkluż b'mod partikolari speċijiet tal-baħar vulnerabbli, u biex jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat;

(f)

miżuri biex inaqqsu l-impatt ta' rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew inkella skartat (ALDFG) fl-oċean u biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tagħmir bħal dan;

(g)

azzjonijiet li jippromwovu l-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli f'konformità mad-dritt tal-Unjoni rilevanti;

(h)

approċċi komuni ma' RFMOs oħra, fejn xieraq, b'mod partikolari ma' dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess żona;

(i)

miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-parir mill-korpi u mill-gruppi ta' ħidma tal-GFCM;

(j)

rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-limitu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

(k)

miżuri f'konformità mal-impenji tad-Dikjarazzjoni Ministerjali MedFish4Ever u tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Sofija.


(1)  7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.

(2)  7348/1/17 REV 1 of 24.3.2017.

(3)  JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.


ANNESS II

Speċifikazzjoni sena b'sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran

Qabel kull laqgħa tal-GFCM, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Għal dan il-għan, u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-GFCM, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

Jekk waqt laqgħa tal-GFCM, inkluż dik fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tkun referuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.


Top