EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0790

Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/51/2019/REV/1

OJ L 130, 17.5.2019, p. 92–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/790/oj

17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/92


DIRETTIVA (UE) 2019/790 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikoli 62 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi t-twaqqif ta' suq intern u l-istituzzjoni ta' sistema u b'hekk jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx imfixkla. L-armonizzazzjoni ulterjuri tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-kisba ta' dawk l-għanijiet.

(2)

Id-direttivi li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern, jipprevedu livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, jiffaċilitaw l-ikklerjar tad-drittijiet u joħolqu qafas li fih jista' jsir l-isfruttament ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor. Dak il-qafas legali armonizzat jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jistimula l-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni ta' kontenut ġdid, anki fl-ambjent diġitali, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern. Il-protezzjoni mogħtija minn dak il-qafas legali tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-Unjoni ta' rispett u promozzjoni tad-diversità kulturali, filwaqt li fl-istess ħin tressaq il-wirt kulturali komuni Ewropew fuq quddiem nett. L-Artikolu 167(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-Unjoni tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha.

(3)

L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati. Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda. Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku. L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi. Madankollu, għad hemm inċertezza legali, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-utenti, fir-rigward ta' ċerti użi, inkluż l-użu transfruntier ta' xogħlijiet u materjal ieħor fl-ambjent diġitali. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew”, f'xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn. Din id-Direttiva tipprevedi regoli biex jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ambjenti diġitali u transfruntiera, kif ukoll għal miżuri biex jiġu faċilitati ċerti prattiki ta' liċenzjar, b'mod partikolari imma mhux biss fir-rigward tat-tixrid tax-xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor u d-disponibbiltà online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess aktar wiesgħa għall-kontenut. Hija tinkludi wkoll regoli li jiffaċilitaw l-użu tal-kontenut fid-dominju pubbliku. Sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur, jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli dwar id-drittijiet f'pubblikazzjonijiet, dwar l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mill-fornituri ta' servizz online li jaħżnu u jagħtu aċċess għal kontenut imtella' tal-utent, dwar it-trasparenza ta' kuntratti tal-awturi u tal-artisti, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, kif ukoll mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li l-awturi u l-artisti jkunu ttrasferew fuq bażi esklussiva.

(4)

Din id-Direttiva hija bbażata fuq, u tikkumplimenta, ir-regoli stabbiliti fid-Direttivi li bħalissa huma fis-seħħ f'dan il-qasam, b'mod partikolari d-Direttivi 96/9/KE (4), 2000/31/KE (5), 2001/29/KE (6), 2006/115/KE (7), id-Direttiva 2009/24/KE (8), id-Direttiva 2012/28/UE (9) u d-Direttiva 2014/26/UE (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)

Fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, it-teknoloġiji diġitali jippermettu tipi ta' użi ġodda li mhumiex koperti b'mod ċar mir-regoli attwali tal-Unjoni dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Barra minn hekk, in-natura fakultattiva tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttivi 96/9/KE, 2001/29/KE, u 2009/24/KE f'dawk l-oqsma jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern. Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward ta' użi transfruntieri, li qed isiru dejjem aktar importanti fl-ambjent diġitali. Għalhekk, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti fil-liġi tal-Unjoni li huma rilevanti għar-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-ġdid fid-dawl ta' dawn l-użi l-ġodda. Jenħtieġ li jiġu introdotti l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet obbligatorji għall-użu ta' teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-test u tad-data, l-illustrazzjoni għat-tagħlim fl-ambjent diġitali u għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet eżistenti fil-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li jibqgħu japplikaw, inkluż għall-estrazzjoni tat-test u tad-data, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ta' preservazzjoni, sakemm dawn ma jillimitawx il-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet obbligatorji previstii f'din id-Direttiva, li jeħtieġu li jiġu implimentati mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE jiġu emendati.

(6)

Dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti f'din id-Direttiva għandhom l-għan li jiksbu bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet, minn naħa, u dawk tal-utenti min-naħa l-oħra. Dawn jistgħu jiġu applikati biss f'ċerti każijiet speċjali li ma jkunux konfliġġenti mal-isfruttament normali tax-xogħol jew tal-materjal protett ieħor u li ma jippreġudikawx l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet b'mod li ma jkunx raġonevoli.

(7)

Il-protezzjoni ta' miżuri teknoloġiċi stabbiliti fid-Direttiva 2001/29/KE tibqa' essenzjali biex tiżgura l-protezzjoni u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet mogħtija lill-awturi u lid-detenturi l-oħra tad-drittijiet tal-awtur skont il-liġi tal-Unjoni. Tali protezzjoni jenħtieġ li tinżamm filwaqt li jiġi żgurat li l-użu ta' miżuri teknoloġiċi ma jipprevjenix l-eżerċizzju tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti f'din id-Direttiva. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jiżguraw dan permezz ta' miżuri volontarji. Huma jenħtieġ li jibqgħu liberi li jagħżlu l-mezzi xierqa li jippermettu lill-benefiċjarji tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti f'din id-Direttiva biex jibbenefikaw minnhom. Fin-nuqqas ta' miżuri volontarji, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri adatti f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE, inkluż fejn ix-xogħlijiet u materjal ieħor isiru disponibbli għall-pubbliku permezz ta' servizzi on-demand.

(8)

Teknoloġiji ġodda jippermettu l-analiżi komputazzjonali awtomatizzata ta' informazzjoni f'forma diġitali, bħat-test, il-ħsejjes, l-immaġni jew id-data, ġeneralment magħrufa bħala l-estrazzjoni tat-testi u tad-data. L-estrazzjoni tat-testi u tad-data tagħmel possibbli l-ipproċessar ta' ammonti kbar ta' informazzjoni bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u jiġu skoperti xejriet ġodda. It-teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data huma prevalenti fl-ekonomija diġitali, madankollu hemm rikonoxximent mifrux li l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tibbenefika b'mod partikolari lill-komunità tar-riċerka u b'hekk tappoġġa l-innovazzjoni. Tali teknoloġiji huma ta' benefiċċju għall-universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, minħabba li dawn jistgħu wkoll iwettqu riċerka fil-kuntest tal-attivitajiet ewlenin tagħhom. Madankollu, fl-Unjoni, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet bħal dawn qed iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza legali dwar sa fejn ikunu jistgħu jwettqu estrazzjoni tat-test u tad-data tal-kontenut. F'ċerti każijiet, l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tinvolvi atti protetti bid-drittijiet tal-awtur, bid-dritt tal-bażi tad-data sui generis jew bit-tnejn, b'mod partikolari, ir-riproduzzjoni ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-estrazzjoni tal-kontenut minn bażi tad-data jew it-tnejn, li tiġri pereżempju meta d-data tiġi normalizzata fil-proċess tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data. Fejn ma tapplika l-ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni, awtorizzazzjoni biex jitwettqu tali atti hija meħtieġa mid-detenturi tad-drittijiet.

(9)

L-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' titwettaq ukoll b'rabta ma' fatti jew data sempliċi li mhumiex protetti mid-drittijiet tal-awtur, u f'każijiet bħal dawn, skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur, l-ebda awtorizzazzjoni ma tkun meħtieġa. Jaf ikun hemm ċirkustanzi ta' estrazzjoni tat-testi u tad-data li ma jkunux jinvolvu atti ta' riproduzzjoni jew fejn ir-riproduzzjonijiet li jsiru jaqgħu taħt l-eċċezzjoni obbligatorja għal atti temporanji ta' riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE, li jenħtieġ li jkomplu japplikaw għal tekniki tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data li ma jinvolvux it-teħid ta' kopji li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-eċċezzjoni.

(10)

Il-liġi tal-Unjoni tipprevedi ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jkopru l-użi għal finijiet ta' riċerka xjentifika li jistgħu japplikaw għal atti ta' estrazzjoni tat-testi u tad-data. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet huma fakultattivi u mhumiex kompletament adattati għall-użu ta' teknoloġiji fir-riċerka xjentifika. Barra minn hekk, fejn ir-riċerkaturi jkollhom aċċess legali għal kontenut, pereżempju permezz ta' abbonamenti għal pubblikazzjonijiet jew liċenzji ta' aċċess miftuħ, it-termini tal-liċenzji jistgħu jeskludu l-estrazzjoni tat-testi u tad-data. Peress li kulma jmur ir-riċerka qed issir dejjem aktar bl-għajnuna tat-teknoloġija diġitali, hemm riskju li l-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni bħala qasam ta' riċerka se tbati jekk ma jittiħdux il-passi biex tiġi indirizzata l-inċertezza legali fir-rigward tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.

(11)

L-inċertezza legali fir-rigward tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jenħtieġ li tiġi indirizzata billi tkun prevista eċċezzjoni obbligatorja fir-rigward ta' universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll għal istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, għad-dritt ta' riproduzzjoni esklussiv u għad-dritt li ma titħalliex issir estrazzjoni minn bażi tad-data. F'konformità mal-politika ta' riċerka tal-Unjoni eżistenti, li tinkoraġġixxi lill-universitajiet u l-istituti ta' riċerka biex jikkollaboraw mas-settur privat, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mill-eċċezzjoni meta l-attivitajiet tar-riċerka tagħhom jitwettqu fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati. Filwaqt li l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jkomplu jkunu l-benefiċjarji ta' dik l-eċċezzjoni, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu wkoll jiddependu fuq is-sħab privati tagħhom biex iwettqu estrazzjoni tat-testi u tad-data, inkluż bl-użu tal-għodod teknoloġiċi tagħhom.

(12)

Organizzazzjonijiet ta' riċerka madwar l-Unjoni jinkludu varjetà wiesgħa ta' entitajiet li l-għan primarju tagħhom huwa li jwettqu riċerka xjentifika jew li jagħmlu dan flimkien mal-forniment ta' servizzi edukattivi. It-terminu “riċerka xjentifika” skont it-tifsira ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jinftiehem li jkopri kemm ix-xjenzi naturali kif ukoll ix-xjenzi umani. Minħabba d-diversità ta' entitajiet bħal dawn, huwa importanti li jkun hemm fehim komuni tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka. Huma jenħtieġ li pereżempju jkoprul, minbarra l-universitajiet jew l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u l-libreriji tagħhom, entitajiet bħall-istituti ta' riċerka u sptarijiet li jwettqu riċerka. Minkejja forom legali u strutturi differenti, organizzazzjonijiet ta' riċerka madwar l-Istati Membri ġeneralment għandhom bħala punt komuni li jaġixxu jew fuq bażi mhux għall-profitt jew fil-kuntest ta' missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxut mill-Istat. Tali missjoni ta' interess pubbliku tista', pereżempju, tiġi riflessa permezz ta' finanzjament pubbliku jew permezz ta' dispożizzjonijiet f'liġijiet nazzjonali jew kuntratti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, organizzazzjonijiet li l-impriżi kummerċjali jkollhom influwenza deċiżiva fuqhom li tippermetti lil dawn l-impriżi jeżerċitaw kontroll minħabba sitwazzjonijiet strutturali, bħal permezz tal-kwalità tagħhom ta' azzjonist jew membru, li jistgħu jirriżultaw f'aċċess preferenzjali għar-riżultati tar-riċerka, jenħtieġ li ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta' riċerka għall-fini ta' din id-Direttiva.

(13)

L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru libreriji u mużewijiet aċċessibbli għall-pubbliku indipendentement mit-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jkollhom fil-kollezzjonijiet permanenti tagħhom, kif ukoll l-arkivji, l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo. Jenħtieġ li jinftiehmu wkoll li jinkludu, fost l-oħrajn, libreriji nazzjonali u arkivji nazzjonali, u, safejn huma kkonċernati l-arkivji u l-libreriji aċċessibbli għall-pubbliku, stabbilimenti edukattivi, organizzazzjonijiet ta' riċerka u organizzazzjonijiet tax-xandir tas-settur pubbliku.

(14)

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, inklużi l-persuni marbuta magħhom, jenħtieġ li jkunu koperti mill-eċċezzjoni tal-estrazzjoni tat-test u tad-data fir-rigward tal-kontenut li jkollhom aċċess legali għalih. L-aċċess legali jenħtieġ li jinftiehem bħala li jkopri l-aċċess għal kontenut ibbażat fuq il-politika ta' aċċess miftuħ jew permezz ta' arranġamenti kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bħal abbonamenti, jew permezz ta' mezzi legali oħrajn. Pereżempju, f'każijiet ta' abbonamenti meħudin minn organizzazzjonijiet ta' riċerka jew istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, il-persuni marbuta magħhom u koperti minn dawk l-abbonamenti jenħtieġ li jitqiesu li għandhom aċċess legali. L-aċċess legali jenħtieġ li jkopri wkoll l-aċċess għall-kontenut li huwa disponibbli b'mod liberu online.

(15)

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jistgħu, f'ċerti każijiet, pereżempju għal verifika sussegwenti tar-riżultati tar-riċerka xjentifika, ikollhom bżonn iżommu l-kopji li jkunu saru taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data. F'każijiet bħal dawn, il-kopji jenħtieġ li jinħażnu f'ambjent sikur. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu, fil-livell nazzjonali u wara diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, dwar arranġamenti speċifiċi ulterjurii għaż-żamma tal-kopji, inkluża l-kapaċità li jinħatru korpi fdati bil-għan li jinħażnu dawn il-kopji. Sabiex ma tiġix ristretta bla bżonn l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, tali arranġamenti jenħtieġ li jkunu proporzjonati u limitati għal dak li huwa meħtieġ għaż-żamma tal-kopji b'mod sikur u għall-prevenzjoni ta' użi mhux awtorizzati. Jenħtieġ li użi għall-fini ta' riċerka xjentifika, għajr l-estrazzjoni tat-testi u tad-data, bħar-rieżami xjentifika bejn il-pari u r-riċerka konġunta, jibqgħu koperti, fejn applikabbli, bl-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE.

(16)

Fid-dawl ta' numru potenzjalment għoli ta' talbiet għall-aċċess għax-xogħlijiet tagħhom jew materjal protett ieħor u d-downloads tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jitħallew japplikaw miżuri meta jkun hemm riskju li s-sigurtà u l-integrità tas-sistemi u/jew tal-bażijiet tad-data tagħhom ikunu jistgħu jiġu mhedda. Tali miżuri jistgħu pereżempju jintużaw biex jiżguraw li persuni li jkollhom aċċess legali għad-data tagħhom biss ikunu jistgħu jaċċessawha, inkluż permezz ta' validazzjoni tal-indirizz tal-IP jew awtentikazzjoni tal-utent. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu proporzjonati għar-riskji involuti u jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà u l-integrità tas-sistema u jenħtieġ li ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva tal-eċċezzjoni.

(17)

Fid-dawl tan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni, li hija limitata għall-entitajiet li jwettqu riċerka xjentifika, jenħtieġ li kwalunkwe ħsara potenzjali li ssir lid-detenturi tad-drittijiet permezz ta' din l-eċċezzjoni tkun minima. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jipprevedux kumpens għad-detenturi tad-drittijiet rigward użi fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data introdotti minn din id-Direttiva.

(18)

Minbarra s-sinifikanza tagħhom fil-kuntest tar-riċerka xjentifika, it-tekniki tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jintużaw ħafna kemm mill-entitajiet privati kif ukoll minn dawk pubbliċi biex janalizzaw ammonti kbar ta' data f'oqsma differenti tal-ħajja u għal skopijiet varji, inkluż għas-servizzi tal-gvern, deċiżjonijiet kummerċjali kumplessi u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet jew teknoloġiji ġodda. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jibqgħu kapaċi jagħtu liċenzja għall-użi tax-xogħlijiet tagħhom jew ta' materjal ieħor li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni obbligatorja prevista f'din id-Direttiva għall-estrazzjoni tat-testi u tad-data għall-finijiet ta' riċerka xjentifika u tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet eżistenti previsti fid-Direttiva 2001/29/KE. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lill-fatt li l-utenti tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jistgħu jiffaċċjaw inċertezza legali dwar jekk ir-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet li jsiru għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jistgħux jitwettqu fuq xogħlijiet jew materjal ieħor aċċessati b'mod legali, b'mod partikolari meta r-riproduzzjonijiet jew l-estrazzjonijiet li jsiru għall-finijiet tal-proċess tekniku jistgħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha tal-eċċezzjoni eżistenti għal atti temporanji ta' riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE. Sabiex tiġi prevista aktar ċertezza legali f'każijiet bħal dawn u biex titħeġġeġ l-innovazzjoni anki fis-settur privat, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data u tippermetti li l-kopji li jsiru jinżammu sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.

Din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni jenħtieġ li tapplika biss fejn ix-xogħol jew materjal ieħor jiġu aċċessati b'mod legali mill-benefiċjarju, inkluż meta dawn ikunu saru disponibbli għall-pubbliku online, u sa fejn id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux irriservaw b'mod xieraq id-drittijiet li jagħmlu riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet għall-estrazzjoni tat-testi u tad-data. Fil-każ ta' kontenut li jkun sar disponibbli pubblikament online, jenħtieġ li jitqies biss bħala xieraq li dawk id-drittijiet jiġu riżervati bl-użu ta' mezzi li jinqraw minn magna, inklużi l-metadata u t-termini u l-kundizzjonijiet ta' sit web jew servizz. Użi oħrajn jenħtieġ li ma jiġux affettwati mir-riżervazzjoni ta' drittijiet għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data. F'każijiet oħrajn, jista' jkun xieraq li d-drittijiet jiġu riżervati b'mezzi oħrajn, bħal ftehimiet kuntrattwali jew dikjarazzjoni unilaterali. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw miżuri biex jiżguraw li r-riżervi tagħhom f'dan ir-rigward jiġu rrispettati. Din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni jenħtieġ li tħalli intatta l-eċċezzjoni obbligatorja għall-estrazzjoni tat-testi u tad-data għal finijiet ta' riċerka xjentifika previsti f'din id-Direttiva, kif ukoll l-eċċezzjoni eżistenti għal atti temporanji ta' riproduzzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE.

(19)

L-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet ta' riproduzzjoni, komunikazzjoni lill-pubbliku u tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal ieħor b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u ħin magħżul individwalment minnhom għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim. Barra minn hekk, l-Artikoli 6(2)(b) u 9(b) tad-Direttiva 96/9/KE jippermettu l-użu ta' bażi tad-data u l-estrazzjoni ta' parti sostanzjali tal-kontenut tagħha għall-finijiet ta' illustrazzjoni għat-tagħlim. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet kif japplikaw għall-użi diġitali mhuwiex ċar. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' ċarezza dwar jekk dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikawx fejn it-tagħlim huwa pprovdut online u mill-bogħod. Barra minn hekk, il-qafas legali eżistenti ma jipprevedix effett transfruntier. Din is-sitwazzjoni tista' tfixkel l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' tagħlim diġitalment appoġġati u t-tagħlim mill-bogħod. Għalhekk, l-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni obbligatorja hija meħtieġa biex jiġi żgurat li stabbilimenti edukattivi jibbenefikaw minn ċertezza legali sħiħa meta jużaw xogħlijiet jew materjal ieħor, f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali inklużi dawk online u bejn il-fruntieri.

(20)

Filwaqt li programmi ta' tagħlim mill-bogħod u ta' edukazzjoni transfruntiera huma fil-parti l-kbira żviluppati f'livell ta' edukazzjoni għolja, l-għodod u r-riżorsi diġitali qed jintużaw dejjem aktar fil-livelli edukattivi kollha, b'mod partikolari biex itejbu u jsaħħu l-esperjenza tat-tagħlim. L-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li għalhekk jibbenefikaw lill-istabbilimenti edukattivi kollha rikonoxxuti mill-Istat Membru, inkluż dawk involuti fl-edukazzjoni primarja, sekondarja, vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja. Dawn jenħtieġ li japplikaw biss sa fejn l-użi jkunu ġustifikati mill-iskop mhux kummerċjali tal-attività ta' tagħlim partikolari. L-istruttura organizzattiva u l-mezzi ta' ffinanzjar ta' stabbiliment edukattiv jenħtieġ li ma jkunux il-fatturi deċiżivi biex jiddeterminaw l-attività hijiex ta' natura mhux kummerċjali.

(21)

L-eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista f'din id-Direttiva għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jkopru l-użi diġitali ta' xogħlijiet jew materjal ieħor biex isostnu, isaħħu jew jikkumplimentaw it-tagħlim, inklużi attivitajiet ta' tagħlim. Id-distribuzzjoni ta' software permess skont dik l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li tkun limitata għat-trażmissjoni diġitali ta' software. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-kunċett ta' illustrazzjoni jkun għalhekk jimplika l-użu biss ta' partijiet jew siltiet ta' xogħlijiet, li jenħtieġ li ma jissostitwixxix ix-xiri ta' materjal primarjament maħsub għas-suq edukattiv. Meta jimplimentaw l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jispeċifikaw, għat-tipi differenti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, b'mod ibbilanċjat, il-proporzjon ta' xogħol jew materjal ieħor li jista' jintuża għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim. Użi permessi taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li jinftiehmu bħala dawk li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi tal-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà fil-kuntest ta' illustrazzjoni għat-tagħlim.

(22)

L-użu tax-xogħlijiet jew materjal ieħor taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għall-fini uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim previst f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkun biss fil-kuntest ta' attivitajiet ta' għoti u teħid ta' tagħlim imwettqa taħt ir-responsabbiltà ta' stabbilimenti edukattivi, inkluż matul l-eżamijiet jew attivitajiet ta' tagħlim li jsiru barra mill-bini tal-istabbilimenti edukattivi, pereżempju f'mużew, librerija jew istituzzjoni oħra tal-wirt kulturali, u jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta' attivitajiet bħal dawn. L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni jenħtieġ li jkopru kemm l-użi ta' xogħlijiet jew ta' materjal ieħor li jkunu saru fil-klassi jew f'postijiet oħra permezz ta' mezzi diġitali, pereżempju whiteboards elettroniċi jew tagħmir diġitali li jistgħu jkunu konnessi mal-Internet, kif ukoll użi magħmula mill-bogħod permezz ta' ambjenti elettroniċi siguri, bħal fil-kuntest ta' korsijiet online jew aċċess għal materjal ta' tagħlim li jikkumplimenta kors partikolari. Ambjenti elettroniċi siguri jenħtieġ li jinftiehmu bħala ambjenti diġitali ta' għoti u teħid ta' tagħlim li l-aċċess għalih ikun limitat għall-persunal tat-tagħlim tal-istabbiliment edukattiv u għat-tfal tal-iskola jew l-istudenti li jkunu rreġistrati fi programm ta' studju, b'mod partikolari permezz ta' proċeduri ta' awtentikazzjoni xierqa inklużi awtentikazzjonijiet ibbażati fuq passwords.

(23)

Arranġamenti differenti, ibbażati fuq l-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fid-Direttiva 2001/29/KE jew fuq ftehimiet ta' liċenzjar li jkopru aktar użi, huma fis-seħħ f'għadd ta' Stati Membri sabiex jiġi ffaċilitat l-użu edukattiv ta' xogħlijiet u materjal ieħor. Arranġamenti bħal dawn normalment ikunu ġew żviluppati wara li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi u livelli differenti ta' edukazzjoni. Filwaqt li huwa essenzjali li jiġu armonizzati l-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward ta' użi u attivitajiet ta' tagħlim diġitali transfruntier, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, sakemm dawn ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva tal-eċċezzjoni jew limitazzjoni jew użi transfruntieri. L-Istati Membri jenħtieġ li pereżempju jibqgħu liberi li jirrikjedu li l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor jirrispettaw id-drittijiet morali tal-awturi u l-artisti. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-Istati Membri li jibnu fuq l-arranġamenti eżistenti konklużi fil-livell nazzjonali. B'mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew limitazzjoni, b'mod sħiħ jew parzjalment, id-disponibbiltà ta' liċenzji adatti, li tkopri mill-inqas l-istess użu bħal dawk permessi taħt din l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li fejn il-liċenzji jkopru biss parzjalment l-użi permessi skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, l-użi l-oħrajn kollha jibqgħu soġġetti għall-eċċezzjoni jew għal-limitazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu pereżempju jużaw dan il-mekkaniżmu biex jagħtu preċedenza lil-liċenzji għal materjali li huma primarjament maħsuba għas-suq edukattiv jew liċenzji għall-partituri. Sabiex jiġi evitat li s-soġġezzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-disponibbiltà tal-liċenzji tirriżulta f'inċertezza legali jew f'piż amministrattiv għall-istabbilimenti edukattivi, l-Istati Membri li jadottaw taliapproċċ jenħtieġ li jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw li skemi ta' liċenzjar li jippermettu użi diġitali ta' xogħlijiet jew materjal ieħor għall-fini ta' illustrazzjoni għat-tagħlim ikunu faċilment disponibbli u li l-istituzzjonijiet edukattivi jkunu konxji mill-eżistenza ta' tali skemi ta' liċenzjar. Tali skemi ta' liċenzjar jenħtieġ li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istabbilimenti edukattivi. Jistgħu jiġu żviluppati wkoll għodod ta' informazzjoni li għandhom l-għan li jiżguraw li l-iskemi ta' liċenzjar eżistenti huma viżibbli. Tali skemi jistgħu, pereżempju, ikunu bbażati fuq liċenzjar kollettiv jew fuq liċenzjar kollettiv estiż sabiex jiġu evitati stabbilimenti edukattivi li jkollhom jinnegozjaw individwalment mad-detenturi tad-drittijiet. Sabiex tiġi garantita ċertezza legali, l-Istati Membri jenħtieġ li jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet stabbiliment edukattiv jista' juża xogħlijiet jew materjal protett ieħor taħt dik l-eċċezzjoni, u, min-naħa l-oħra, meta dan jenħtieġ li jaġixxi taħt skema ta' liċenzjar.

(24)

L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprevedu li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust għall-użi diġitali tax-xogħlijiet tagħhom jew ta' materjal ieħor taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti f'din id-Direttiva għall-illustrazzjoni għal tagħlim. Fl-istabbiliment tal-livell possibbli ta' kumpens ġust, jenħtieġ li jitqiesu kif dovut, fost l-oħrajn, l-għanijiet edukattivi tal-Istati Membri u l-ħsara lid-detenturi tad-drittijiet. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jipprevedu kumpens ġust jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-użu ta' sistemi, li ma joħolqux piż amministrattiv għall-istabbilimenti edukattivi.

(25)

L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali huma involuti fil-preservazzjoni tal-kollezzjonijiet tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Att ta' preservazzjoni ta' biċċa xogħol jew ta' materjal ieħor fil-kollezzjoni ta' istituzzjoni tal-wirt kulturali jista' jirrikjedi riproduzzjoni u konsegwentement jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti. It-teknoloġiji diġitali joffru modi ġodda biex jiġi ppreservat il-wirt kulturali li jinsab f'dawk il-kollezzjonijiet, iżda dawn joħolqu wkoll sfidi ġodda. Minħabba dawn l-isfidi l-ġodda, jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi adattat billi tkun prevista eċċezzjoni obbligatorja għad-dritt ta' riproduzzjoni sabiex ikunu permessi tali atti ta' preservazzjoni minn tali istituzzjonijiet.

(26)

L-eżistenza ta' approċċi differenti fl-Istati Membri fir-rigward ta' atti ta' riproduzzjoni għall-preservazzjoni minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jfixklu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-mezzi ta' preservazzjoni u l-istabbiliment ta' netwerks ta' preservazzjoni transfruntieri minn tali istituzzjonijiet fis-suq intern, li jwasslu għal użu mhux effiċjenti tar-riżorsi. Dak jista' jkollu impatt negattiv fuq il-preservazzjoni tal-wirt kulturali.

(27)

Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa li jipprevedu eċċezzjoni li tippermetti li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jirriproduċu xogħlijiet u materjal ieħor permanentement fil-kollezzjonijiet tagħhom għal skopijiet ta' preservazzjoni, pereżempju biex tiġi indirizzata l-obsolexxenza teknoloġika jew id-degradazzjoni ta' sostenni oriġinali jew biex jiġu assigurati tali xogħlijiet u materjal ieħor. Eċċezzjoni bħal din jenħtieġ li tippermetti li jsiru kopji bl-għodod, mezzi jew teknoloġija ta' preservazzjoni xierqa, fi kwalunkwe format jew mezz, fl-għadd meħtieġ, fi kwalunkwe punt fil-ħajja tax-xogħol jew materjal ieħor u sa kemm ikun meħtieġ għal finijiet ta' preservazzjoni. Atti ta' riproduzzjoni mwettqa minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali għal finijiet għajr il-preservazzjoni ta' xogħlijiet u materjal ieħor fil-kollezzjonijiet permanenti tagħhom jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, sakemm dan ma jkunx permess minn eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet oħrajn previsti mil-liġi tal-Unjoni.

(28)

L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali mhux neċessarjament ikollhom il-mezzi tekniċi jew il-kompetenza esperta biex iwettqu l-atti meħtieġa biex jippreservaw il-kollezzjonijiet tagħhom huma stess, b'mod partikolari fl-ambjent diġitali, u għalhekk jistgħu jirrikorru għall-assistenza ta' istituzzjonijiet kulturali oħrajn u partijiet terzi oħrajn għal dak l-iskop. Taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet ta' preservazzjoni previsti minn din id-Direttiva, l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jitħallew jiddependu fuq partijiet terzi li jaġixxu f'isimhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom, inklużi dawk li huma bbażati fi Stati Membri oħrajn, biex isiru l-kopji.

(29)

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, xogħlijiet jew materjal ieħor jenħtieġ li jitqiesu li jkunu permanentement fil-kollezzjoni ta' istituzzjoni tal-wirt kulturali meta kopji ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor huma proprjetà ta' jew miżmuma b'mod permanenti minn dik l-istituzzjoni, pereżempju bħala riżultat ta' trasferiment tas-sjieda jew ftehim ta' liċenzjar, obbligi ta' depożitu legali jew arranġamenti ta' kustodja permanenti.

(30)

L-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jibbenefikaw minn qafas ċar għad-diġitizzazzjoni u t-tixrid, inkluż bejn il-fruntieri, ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jitqiesu li mhumiex fis-suq għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Madankollu, il-karatteristiċi partikolari tal-kollezzjonijiet ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor, flimkien mal-ammont ta' xogħlijiet u materjal ieħor involut fil-proġetti ta' diġitizzazzjoni tal-massa, ifissru li l-awtorizzazzjoni minn qabel mid-detenturi tad-drittijiet individwali tista' tkun diffiċli ħafna. Dan jista' jkun minħabba, pereżempju, l-età tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, il-valur kummerċjali limitat tagħhom jew il-fatt li dawn qatt ma kienu maħsuba għall-użu kummerċjali jew li qatt ma kienu kummerċjalment sfruttati. Għaldaqstant hu meħtieġ li jiġu previsti miżuri li jiffaċilitaw ċerti użi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq li jinsabu permanentement f'kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.

(31)

Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jkollhom mekkaniżmi legali li jippermettu liċenzji maħruġa minn organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv rilevanti u rappreżentattivi b'mod suffiċjenti għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, għal ċerti użi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq, biex japplikaw ukoll għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux taw mandat lil organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv rappreżentattiva f'dan ir-rigward. Jenħtieġ li jkun possibbli, skont din id-Direttiva, għal tali liċenzji li jkopru l-Istati Membri kollha.

(32)

Id-dispożizzjonijiet dwar il--liċenzjar kollettiv ta' xogħolijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq introdotti minn din id-Direttiva jistgħu ma jipprovdux soluzzjoni għall-każijiet kollha fejn l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiksbu l-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji mid-detenturi tad-drittijiet għall-użu ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq. Dan jista' jkun il-każ pereżempju, fejn ma hemm l-ebda prattika ta' mmaniġġjar kollettiv ta' drittijiet għal ċertu tip ta' xogħol jew materjal ieħor fejn l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv rilevanti ma tkunx rappreżentattiva b'mod suffiċjenti għall-kategorija tad-detenturi tad-drittijiet u tad-drittijiet ikkonċernati. F'każijiet partikolari bħal dawn, jenħtieġ li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali li jagħmlu xogħlijiet jew materjal ieħor, li mhumiex fis-suq u li huma permanentement fil-kollezzjoni tagħhom, disponibbli online fl-Istati Membri kollha taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni armonizzati għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Huwa importanti li l-użi taħt tali eċċezzjoni jew limitazzjoni jseħħu biss meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar. In-nuqqas ta' qbil dwar il-kundizzjonijiet tal-liċenzja jenħtieġ li ma jiġix interpretat bħala nuqqas ta' disponibbiltà ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq il-liċenzji.

(33)

L-Istati Membri jenħtieġ li, fil-qafas previst f'din id-Direttiva, ikollhom il-flessibbiltà li jagħżlu t-tip speċifiku ta' mekkaniżmu ta' liċenzjar, bħal liċenzjar kollettiv estiż jew preżunzjonijiet ta' rappreżentazzjoni, li jistabbilixxu għall-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bi qbil mat-tradizzjonijiet legali, il-prattiki jew iċ-ċirkustanzi tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ukoll flessibbiltà biex jiddeterminaw ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv biex ikunu rappreżentattivi b'mod suffiċjenti, sakemm dik id-determinazzjoni tkun ibbażata fuq għadd sinifikanti ta' detenturi tad-drittijiet fit-tip rilevanti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jkun ta mandat li jippermetti l-liċenzjar tat-tip rilevanti tal-użu. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jistabbilixxu regoli speċifiċi applikabbli għal każijiet fejn aktar minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv waħda tkun rappreżentattiva għax-xogħlijiet jew materjal ieħor rilevanti, li tkun teħtieġ, pereżempju, liċenzji konġunti jew ftehim bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti.

(34)

Għall-finijiet ta' dawk il-mekkaniżmi ta' liċenzjar, huwa importanti li sistema ta' mmaniġġjar kollettiv tkun rigoruża u taħdem sew. Id-Direttiva 2014/26/UE tipprevedi għal tali sistema u dik is-sistema tinkludi b'mod partikolari regoli dwar governanza tajba, trasparenza u rappurtar, kif ukoll id-distribuzzjoni u l-pagamenti regolari, diliġenti u preċiżi ta' ammonti dovuti lil detenturi tad-drittijiet individwali.

(35)

Jenħtieġ li jkunu disponibbli salvagwardji xierqa għad-detenturi kollha tad-drittijiet, li jenħtieġ li jingħataw l-opportunità li jeskludu l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar u tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, introdotti minn din id-Direttiva għall-użu ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor, fir-rigward tax-xogħlijiet kollha jew materjal ieħor tagħhom, fir-rigward tal-liċenzji kollha jew l-użi kollha taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, fir-rigward ta' xogħlijiet partikolari jew materjal ieħor, jew fir-rigward ta' liċenzji jew użi partikolari taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, fi kwalunkwe żmien qabel jew matul id-durata tal-liċenzja jew qabel jew matul l-użi skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni. Kundizzjonijiet li jirregolaw dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li ma jaffettwawx ir-rilevanza prattika tagħhom għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali. Huwa importanti li, fejn detentur tad-dritt jeskludi l-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi jew ta' tali eċċezzjoni jew limitazzjoni għal wieħed jew aktar mix-xogħlijiet jew materjal ieħor, kwalunkwe użu kontinwu jintemm fi żmien raġonevoli, u, fejn dawn isiru taħt liċenzja kollettiva, li l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv ladarba infurmata tieqaf milli toħroġ liċenzji li jkopru l-użi kkonċernati. Tali esklużjoni mid-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma taffettwax it-talbiet tagħhom għal remunerazzjoni għall-użu attwali tax-xogħol jew materjal ieħor taħt il-liċenzja.

(36)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu min għandu jkollu r-responsabbiltà legali fir-rigward tal-konformità tal-liċenzjar ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor, u tal-użu tagħhom, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, u fir-rigward tal-konformità tal-partijiet ikkonċernati mat-termini ta' dawk il-liċenzji.

(37)

Wara li qieset il-varjetà ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, huwa importanti li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar u l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti minn din id-Direttiva jkunu disponibbli u jistgħu jintużaw fil-prattika għal tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor, inklużi ritratti, software, fonogrammi, xogħlijiet awdjoviżivi u xogħlijiet tal-arti uniċi, inkluż fejn qatt ma kienu kummerċjalment disponibbli. Xogħlijiet li qatt ma kienu fis-suq jistgħu jinkludu posters, fuljetti, ġurnali tat-trunċieri jew xogħlijiet awdjoviżivi tad-dilettanti, iżda wkoll xogħlijiet mhux ippubblikati jew materjal ieħor, mingħajr preġudizzju għal restrizzjonijiet legali oħra applikabbli, bħal regoli nazzjonali dwar id-drittijiet morali. Meta xogħol jew materjal ieħor ikun disponibbli f'xi waħda mill-verżjonijiet differenti tiegħu, bħal edizzjonijiet sussegwenti ta' xogħlijiet letterarji u qtugħ alternattiv ta' xogħlijiet ċinematografiċi, jew fi kwalunkwe waħda mill-manifestazzjonijiet differenti tiegħu, bħal formati diġitali u stampati tal-istess xogħol, dak ix-xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma jitqisux bħala mhux fis-suq. Min-naħa l-oħra, id-disponibbiltà kummerċjali tal-adattamenti, inklużi verżjonijiet lingwistiċi oħra jew adattamenti awdjoviżivi ta' xogħol letterarju, jenħtieġ li ma tipprekludix xogħol jew materjal ieħor milli jitqies bħala mhux fis-suq f'lingwa partikolari. Sabiex jiġu riflessi l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor fir-rigward ta' mezzi ta' pubblikazzjoni u distribuzzjoni u biex ikun faċilitat l-użu ta' dawn il-mekkaniżmi, rekwiżiti u proċeduri speċifiċi jaf mnejn jiġu stabbiliti għall-applikazzjoni prattika ta' dawk il-mekkaniżmi ta' liċenzjar, bħal rekwiżit li jkun għadda ċertu perijodu ta' żmien mill-ewwel disponibbiltà kummerċjali tax-xogħol jew materjal ieħor. Huwa xieraq li l-Istati Membri jikkonsultaw lid-detenturi tad-drittijiet, lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv meta jistabbilixxu tali rekwiżiti u proċeduri.

(38)

Meta jiġi ddeterminat jekk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor humiex barra mis-suq, jenħtieġ li jkun meħtieġ sforz raġonevoli biex tiġi vvalutata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tax-xogħol jew materjal ieħor jew tas-sett partikolari ta' xogħlijiet jew materjal ieħor. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeterminaw l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet biex isir dak l-isforz raġonevoli. L-isforz raġonevoli jenħtieġ li ma jkollux għalfejn jinvolvi azzjoni ripetuta tul iż-żmien iżda jenħtieġ madankollu li jqis ukoll kwalunkwe evidenza faċilment aċċessibbli tad-disponibbiltà imminenti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ. Valutazzjoni ta' xogħol b'xogħol jenħtieġ li tkun meħtieġa biss fejn dak jitqies raġonevoli fid-dawl tad-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti, il-probabbiltà ta' disponibbiltà kummerċjali u l-ispiża tat-tranżazzjoni mistennija. Il-verifika tad-disponibbiltà ta' xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li normalment isseħħ fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni tal-wirt kulturali tkun stabbilita, sakemm il-verifika bejn il-fruntieri ma tkunx ikkunsidrata raġonevoli, pereżempju f'każijiet fejn ikun hemm informazzjoni faċilment disponibbli li xogħol letterarju ġie ppubblikat għall-ewwel darba f'verżjoni lingwistika partikolari fi Stat Membru ieħor. F'ħafna każijiet, l-istatus bħala “mhux fis-suq” ta' sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor jista' jiġi ddeterminat permezz ta' mekkaniżmu proporzjonat, bħall-kampjunar. Id-disponibbiltà limitata ta' xogħol jew materjal ieħor, bħad-disponibbiltà tiegħu fi ħwienet ta' oġġetti użati, jew il-possibbiltà teoretika li tista' tinkiseb liċenzja għal xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma titqisx bħala disponibbiltà għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.

(39)

Għal raġunijiet ta' kortesija internazzjonali, il-mekkaniżmu ta' liċenzjar u l-eċċezzjoni u l-limitazzjoni previsti f'din id-Direttiva għad-diġitizzazzjoni u t-tixrid ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq jenħtieġ li ma japplikawx għal settijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq meta jkun hemm evidenza disponibbli biex wieħed jippreżumi li dawn jikkonsistu b'mod predominanti minn xogħlijiet jew materjal ieħor ta' pajjiżi terzi, sakemm l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv ikkonċernata ma tkunx rappreżentattiva biżżejjed għal dak il-pajjiż terz, pereżempju permezz ta' ftehim ta' rappreżentazzjoni. Dik il-valutazzjoni tista' tkun ibbażata fuq l-evidenza disponibbli wara li jsir sforz raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor mhumiex fis-suq, mingħajr il-ħtieġa ta' tiftix għal aktar evidenza. Valutazzjoni ta' xogħol b'xogħol tal-oriġini tax-xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq jenħtieġ li tkun meħtieġa biss sa fejn dan ikun meħtieġ ukoll għall-isforz raġonevoli biex jiġi ddeterminatjekk humiex kummerċjalment disponibbli.

(40)

L-istituzzjonijiet kontraenti tal-wirt kulturali u l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jenħtieġ li jibqgħu liberi li jaqblu dwar il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-liċenzja, inkluża l-għażla li jiġu koperti l-Istati Membri kollha, it-tariffi tal-liċenzja u l-użi permessi. L-użi koperti minn tali liċenzji jenħtieġ li ma jkunux għal skop ta' qligħ, inkluż meta kopji jiġu distribwiti mill-istituzzjoni tal-wirt kulturali, bħal fil-każ ta' materjal promozzjonali dwar wirja. Fl-istess ħin, peress li d-diġitizzazzjoni tal-kollezzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jistgħu jinvolvu investimenti sinifikanti, kull liċenzja mogħtija skont il-mekkaniżmi previsti f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma jwaqqfux lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali milli jkopru l-ispejjeż tal-liċenzja kif ukoll l-ispejjeż tad-diġitizzazzjoni u t-tixrid ta' xogħlijiet jew materjal ieħor koperti mil-liċenzja.

(41)

Jenħtieġ li informazzjoni dwar l-użu kurrenti u futur ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali abbażi ta' din id-Direttiva u l-arranġamenti fis-seħħ għad-detenturi tad-drittijiet kollha, biex tkun eskluża l-applikazzjoni ta' liċenzji jew tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għax-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor, tingħata pubbliċità xierqa kemm qabel kif ukoll matul l-użu permezz ta' liċenzja jew permezz tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, kif xieraq. Tali għoti ta' pubbliċità huwa partikolarment importanti meta l-użu jsir bejn il-fruntieri fis-suq intern. Għaldaqstant huwa f'loku li jkun previst il-ħolqien ta' portal online uniku li jkun aċċessibbli pubblikament sabiex l-Unjoni tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku għal perijodu raġonevoli ta' żmien qabel ma jseħħ l-użu. Tali portal jenħtieġ li jiffaċilita għad-detenturi tad-drittijiet li jeskludu l-applikazzjoni tal-liċenzji jew għall-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għax-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom. Skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea huwa fdat b'ċerti kompiti u attivitajiet, iffinanzjati bl-użu tal-mezzi baġitarji proprji tiegħu u bil-għan li jiffaċilita u jappoġġa l-attivitajiet ta' awtoritajiet nazzjonali, tas-settur privat u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra, inkluż il-prevenzjoni ta', ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Huwa għalhekk xieraq li jiġi invokat dak l-Uffiċċju biex jiġi stabbilit u mmaniġġjat il-portal li jagħmel tali informazzjoni disponibbli.

Minbarra li jagħmel l-informazzjoni disponibbli permezz tal-portal, jista' jkun meħtieġ li jittieħdu aktar miżuri ta' pubbliċità xierqa fuq bażi ta' każ b'każ sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet kkonċernati f'dak ir-rigward, pereżempju permezz tal-użu ta' kanali addizzjonali ta' komunikazzjoni biex jintlaħaq pubbliku usa'. Il-ħtieġa, in-natura u l-ambitu ġeografiku tal-miżuri tal-pubbliċità addizzjonali jenħtieġ li jiddependu fuq il-karatteristiċi tax-xogħlijiet jew materjal ieħor rilevanti li mhumiex fis-suq, it-termini tal-liċenzji jew it-tip ta' użu skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, u l-prattiki eżistenti fl-Istati Membri. Il-miżuri ta' pubbliċità jenħtieġ li jkunu effettivi mingħajr il-ħtieġa li jinfurmaw lil kull detentur tad-drittijiet individwalment.

(42)

Sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar stabbiliti minn din id-Direttiva għal xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq ikunu rilevanti u jiffunzjonaw kif suppost, li d-detenturi tad-drittijiet jiġu protetti b'mod adegwat, li l-liċenzji jiġu ppubbliċizzati kif xieraq u li tiġi prevista ċ-ċertezza legali fir-rigward tar-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u l-kategorizzazzjoni tax-xogħlijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu djalogu speċifiku għas-settur bejn il-partijiet ikkonċernati.

(43)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva biex ikun iffaċilitat il-liċenzjar kollettiv tad-drittijiet f'xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq li huma permanentement fil-kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-użu ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni jew taħt liċenzji oħra b'effett estiż, meta tali liċenzjar ma jkunx ibbażat fuq l-istatus bħala “mhux fis-suq” ta' xogħlijiet koperti jew materjal ieħor. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu wkoll mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi nazzjonali għall-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq abbażi ta' liċenzji bejn l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għajr l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.

(44)

Il-mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż jippermettu lil organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv toffri liċenzji bħala korp ta' liċenzjar kollettiv f'isem id-detenturi tad-drittijiet irrispettivament jekk huma jkunux awtorizzaw lill-organizzazzjoni biex tagħmel dan. Is-sistemi mibnija fuq mekkaniżmi bħal-liċenzjar kollettiv estiż, il-mandati legali jew il-preżunzjonijiet ta' rappreżentazzjoni, huma prattika stabbilita sew f'diversi Stati Membri u jistgħu jintużaw f'oqsma differenti. Qafas li jiffunzjona dwar id-drittijiet tal-awtur li jaħdem għall-partijiet kollha jeħtieġ id-disponibbiltà ta' mekkaniżmi proporzjonati u legali għal-liċenzjar tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq soluzzjonijiet, li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv joffru liċenzji li jkopru numru potenzjalment kbar ta' xogħlijiet jew materjal ieħor għal ċerti tipi ta' użu, u li jqassmu d-dħul li jirriżulta minn tali liċenzji lid-detenturi tad-drittijiet, skont id-Direttiva 2014/26/UE.

(45)

Minħabba n-natura ta' xi użi, flimkien ma' dak li s-soltu jkun ammont kbir ħafna ta' xogħlijiet jew materjal ieħor involuti, in-nefqa tat-tranżazzjoni ta' approvazzjoni tad-drittijiet individwali għal kull detentur tad-drittijiet ikkonċernat hija għolja b'mod projbittiv. Bħala riżultat ta' dan, mingħajr mekkaniżmi effettivi ta' liċenzjar kollettiv, it-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa fiż-żoni kkonċernati sabiex ikun jista' jsir użu minn tali xogħlijiet jew materjal ieħor, mhumiex probabbli li jseħħu. Liċenzjar kollettiv estiż minn organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u mekkaniżmi simili jista' jagħmilha possibbli li jiġu konklużi ftehimiet f'dawn l-oqsma fejn il-liċenzjar kollettiv ibbażat fuq awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet ma jipprovdix soluzzjoni eżawrjenti biex tkopri x-xogħlijiet jew materjal ieħor li jridu jintużaw. Tali mekkaniżmi jikkumplimentaw ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ibbażata fuq awtorizzazzjoni individwali tad-detenturi tad-drittijiet, billi f'ċerti każijiet jipprovdu ċertezza legali sħiħa lill-utenti. Fl-istess ħin, dawn jipprovdu opportunità lid-detenturi tad-drittijiet biex jibbenefikaw mill-użu leġittimu tax-xogħlijiet tagħhom.

(46)

Minħabba l-importanza dejjem akbar tal-kapaċità li jiġu offruti skemi ta' liċenzjar flessibbli fl-era diġitali, u l-użu dejjem akbar ta' skemi bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu mekkaniżmi ta' liċenzjar li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jikkonkludu liċenzji, fuq bażi volontarja, irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet kollha jkunux awtorizzaw lill-organizzazzjoni kkonċernata biex tagħmel dan. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-kapaċità li jżommu u jintroduċu mekkaniżmi bħal dawn skont it-tradizzjonijiet, il-prattiki jew iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, soġġetti għas-salvagwardji previsti minn din id-Direttiva u f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Tali mekkaniżmijenħtieġ li jkollhom effett biss fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jagħżlu t-tip speċifiku ta' mekkaniżmu li jippermetti li liċenzji għal xogħlijiet jew materjal ieħor jestendu għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw lill-organizzazzjoni li tikkonkludi l-ftehim, dment li tali mekkaniżmu jkun f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inklużi mar-regoli dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi previsti fid-Direttiva 2014/26/UE. B'mod partikolari, tali mekkaniżmi jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/26/UE japplika għad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni li tikkonkludi l-ftehim. Tali mekkaniżmi jistgħu jinkludu l-liċenzjar kollettiv estiż, mandati legali u preżunzjonijiet ta' rappreżentazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva rigward il-liċenzjar kollettiv jenħtieġ li ma jaffettwawx il-kapaċità eżistenti tal-Istati Membri li japplikaw immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet jew mekkaniżmi oħrajn ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż, bħal dak inkluż fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (12).

(47)

Huwa importanti li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż jiġu applikati biss f'oqsma ta' użi definiti sew, fejn il-kisba ta' awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet fuq bażi individwali tkun tipikament oneruża u mhux prattika sa livell li jagħmel it-tranżazzjoni ta' liċenzjar meħtieġa, jiġifieri waħda li tinvolvi liċenzja li tkopri lid-detenturi tad-drittijiet kollha involuti, li x'aktarx ma jseħħux, minħabba n-natura tal-użu jew tat-tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor ikkonċernati. Tali mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji fir-rigward tat-trattament tad-detenturi tad-drittijiet, inklużi d-detenturi tad-drittijiet li ma humiex membri tal-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. B'mod partikolari, is-sempliċi fatt li d-detenturi tad-drittijiet affettwati mhumiex ċittadini jew residenti tal-Istat Membru tal-utent li qed ifittex liċenzja, jew mhumiex stabbiliti fih, jenħtieġ li ma jkunx, fih innifsu, raġuni sabiex l-ikklerjar tad-drittijiet jiġi kkunsidrat bħala tant oneruż u mhux prattiku li jiġġustifika l-użu ta' tali mekkaniżmi. Huwa ugwalment importanti li l-użu liċenzjat la jaffettwa b'mod negattiv il-valur ekonomiku tad-drittijiet rilevanti u lanqas iċaħħad lid-detenturi tad-drittijiet minn benefiċċji kummerċjali sinifikanti.

(48)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa biex jipproteġu l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet li ma tawx mandat lill-organizzazzjoni li toffri l-liċenzja u li dawk is-salvagwardji japplikaw b'mod mhux diskriminatorju. B'mod speċifiku, sabiex jiġi ġġustifikat l-effett estiż tal-mekkaniżmi, tali organizzazzjoni jenħtieġ li tkun, fuq il-bażi ta' awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet, rappreżentattiva biżżejjed tat-tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti biex dawk l-organizzazzjonijiet jiġu kkunsidrati rappreżentattivi biżżejjed, filwaqt li jqisu l-kategorija tad-drittijiet immaniġġjati mill-organizzazzjoni, il-kapaċità tal-organizzazzjoni li timmaniġġja d-drittijiet b'mod effettiv, is-settur kreattiv li fih topera, u jekk l-organizzazzjoni tkoprix għadd sinifikanti ta' detenturi tad-drittijiet fit-tip ta' xogħlijiet rilevanti jew materjal ieħor li jkunu taw mandat li jippermetti l-liċenzjar tat-tip ta' użu rilevanti, f'konformità mad-Direttiva 2014/26/UE. Sabiex tiġi prevista ċ-ċertezza legali u jiġi żgurat li jkun hemm kunfidenza fil-mekkaniżmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu min għandu jkollu r-responsabbiltà legali fir-rigward tal-użi awtorizzati mill-ftehim ta' liċenzjar. Jenħtieġ li jiġi ggarantit trattament ugwali lid-detenturi tad-drittijiet kollha li x-xogħlijiet tagħhom huma sfruttati skont il-liċenzja, inkluż b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni dwar il-liċenzjar u d-distribuzzjoni ta' remunerazzjoni. Il-miżuri ta' pubbliċità jenħtieġ li jkunu effettivi matul id-durata tal-liċenzja u jenħtieġ li ma jimponux piżijiet amministrattivi sproporzjonati fuq l-utenti, l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jew id-detenturi tad-drittijiet u mingħajr il-ħtieġa li jinfurmaw lil kull detentur tad-drittijiet b'mod individwali.

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu faċilment jerġgħu jiksbu l-kontroll tax-xogħlijiet tagħhom, u jipprevjenu kwalunkwe użu tax-xogħlijiet tagħhom li jkun ta' preġudizzju għall-interessi tagħhom, huwa essenzjali li d-detenturi tad-drittijiet jingħataw opportunità effettiva biex jeskludu l-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi għax-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom għal kull tip ta' użu u xogħol jew materjal ieħor, jew għal użi u xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor, inkluż qabel il-konklużjoni ta' liċenzja u matul it-terminu tal-liċenzja. F'każijiet bħal dawn, kwalunkwe użu kontinwu jenħtieġ li jintemm fi żmien raġonevoli. Tali esklużjoni mid-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma taffettwax it-talbiet tagħhom għal remunerazzjoni għall-użu attwali tax-xogħol jew materjal ieħor taħt il-liċenzja. L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jiddeċiedu li miżuri addizzjonali jkunu xierqa għall-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet. Tali miżuri addizzjonali jistgħu jinkludu, pereżempju, l-inkoraġġiment tal-iskambju ta' informazzjoni fost l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u partijiet interessati oħra madwar l-Unjoni biex titqajjem kuxjenza dwar tali mekkaniżmi u l-għażla disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet li jeskludu x-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor minn dawk il-mekkaniżmi.

(49)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe liċenzja mogħtija bħala riżultat ta' mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż, kif ukoll l-użi possibbli, jenħtieġ li dejjem jiġu definiti b'attenzjoni u b'mod ċar fil-liġi jew, jekk il-liġi sottostanti tkun dispożizzjoni ġenerali, fil-prattiki ta' liċenzjar applikati bħala riżultat ta' tali dispożizzjonijiet ġenerali, jew fil-liċenzji mogħtija. Il-kapaċità li titħaddem liċenzja skont tali mekkaniżmi jenħtieġ li tkun limitata wkoll għal organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li jkunu soġġetti għal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2014/26/UE.

(50)

Minħabba t-tradizzjonijiet u l-esperjenzi differenti fir-rigward ta' mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż madwar l-Istati Membri, u l-applikabbiltà tagħhom għad-detenturi tad-drittijiet irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew l-Istat Membru ta' residenza tagħhom, huwa importanti li jiġi żgurat li hemm trasparenza u djalogu fil-livell tal-Unjoni dwar il-funzjonament prattiku ta' tali mekkaniżmi, inkluż fir-rigward tal-effikaċja tas-salvagwardji għad-detenturi tad-drittijiet, kemm jistgħu jintużaw tali mekkaniżmi, l-effett tagħhom fuq id-detenturi tad-drittijiet li ma mhumiex membri tal-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv/jew fuq id-detenturi tad-drittijiet li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor, jew residenti fih, u l-impatt fuq il-forniment transfruntier ta' servizzi, inkluż il-ħtieġa potenzjali li jiġu stabbiliti regoli biex jingħataw tali mekkaniżmi b'effett transfruntier fi ħdan is-suq intern. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-informazzjoni dwar l-użu ta' mekkaniżmi bħal dawn skont din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi ppubblikata regolarment mill-Kummissjoni. L-Istati Membri li introduċew mekkaniżmi bħal dawn jenħtieġ li għalhekk jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u l-applikazzjoni tagħha fil-prattika, inklużi l-kampijiet ta' applikazzjoni u t-tipi ta' liċenzjar introdotti fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet ġenerali, l-iskala tal-liċenzjar u l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv involuti. Tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi diskussa mal-Istati Membri fil-kumitat ta' kuntatt stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/29/KE. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport dwar l-użu ta' mekkaniżmi bħal dawn fl-Unjoni u l-impatt tagħhom fuq il-liċenzjar u d-detenturi tad-drittijiet, fuq it-tixrid ta' kontenut kulturali u fuq il-forniment transfruntier ta' servizzi fil-qasam tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll fuq l-impatt fuq il-kompetizzjoni.

(51)

Servizzi video-on-demand għandhom il-potenzjal li jkollhom rwol deċiżiv fit-tixrid ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej madwar l-Unjoni. Madankollu, id-disponibbiltà ta' tali xogħlijiet, b'mod partikolari xogħlijiet Ewropej, f'servizzi ta' video-on-demand, għadha limitata. Ftehimiet dwar l-użu online ta' dawn ix-xogħlijiet jista' jkun diffiċli li jiġu konklużi minħabba kwistjonijiet relatati mal-liċenzjar tad-drittijiet. Tali kwistjonijiet jistgħu, pereżempju, jqumu meta d-detentur tad-drittijiet għal territorju partikolari jkollu inċentiv ekonomiku baxx li jisfrutta xogħol online u ma jagħtix liċenzja jew iżomm lura d-drittijiet online, li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' disponibbiltà ta' xogħlijiet awdjoviżivi f'servizzi ta' video-on-demand. Kwistjonijiet oħra jistgħu jkunu marbuta man-niċeċ ta' sfruttament.

(52)

Sabiex ikun iffaċilitat il-liċenzjar ta' drittijiet f'xogħlijiet awdjoviżivi għal servizzi video-on-demand, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprevedu mekkaniżmu ta' negozjar li jippermetti lill-partijiet interessati li jixtiequ jikkonkludu ftehim sabiex iserrħu fuq l-għajnuna ta' korp imparzjali jew ta' medjatur wieħed jew aktar. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu permessi jistabbilixxu korp ġdid jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru korp jew medjatur kompetenti wieħed jew aktar. Il-korp jew il-medjatur jenħtieġ li jiltaqgħu mal-partijiet u jgħinu fin-negozjati billi jagħtu pariri professjonali, imparzjali u esterni. Fejn negozjat jinvolvi partijiet minn Stati Membri differenti u fejn dawk il-partijiet jiddeċiedu li jserrħu fuq il-mekkaniżmu ta' negozjar, il-partijiet jenħtieġ li jaqblu bejniethom minn qabel dwar l-Istat Membru kompetenti. Il-korp jew il-medjaturi jistgħu jiltaqgħu mal-partijiet biex jiffaċilitaw il-bidu tan-negozjati jew matul in-negozjati biex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta' ftehim. Il-parteċipazzjoni f'dak il-mekkaniżmu ta' negozjar u l-konklużjoni sussegwenti ta' ftehimiet jenħtieġ li jkunu volontarji u jenħtieġ li ma jaffettwawx il-libertà kuntrattwali tal-partijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu dwar il-funzjonament speċifiku tal-mekkaniżmu ta' negozjar, inkluż iż-żmien u d-durata tal-għajnuna għan-negozjati u tal-ġarr tal-ispejjeż. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji jibqgħu proporzjonati biex jiggarantixxu l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta' negozjar. Mingħajr ma dan ikun obbligu għalihom, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi.

(53)

L-għeluq tat-terminu ta' protezzjoni ta' xogħol jinvolvi d-dħul ta' dak ix-xogħol fid-dominju pubbliku u t-tmiem tad-drittijiet li l-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur tipprovdi għal dak ix-xogħol. Fil-qasam tal-arti viżiva, iċ-ċirkolazzjoni tar-riproduzzjonijiet leali ta' xogħlijiet fid-dominju pubbliku tikkontribwixxi għall-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tagħha, u l-aċċess għall-wirt kulturali. Fl-ambjent diġitali, il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet permezz tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati hija inkonsistenti mat-tmiem tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tax-xogħlijiet. Barra minn hekk, id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur li jirregolaw il-protezzjoni ta' tali riproduzzjonijiet iwasslu għal inċertezza legali u jaffettwaw it-tixrid transfruntier ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku. Ċerti riproduzzjonijiet ta' xogħlijiet tal-arti viżiva fid-dominju pubbliku jenħtieġ, għalhekk, li ma jkunux protetti bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. Dan kollu jenħtieġ li ma jżommx lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali milli jbigħu r-riproduzzjonijiet, bħal kartolini.

(54)

Stampa libera u pluralista hija essenzjali biex ikun żgurat ġurnaliżmu ta' kwalità u l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni. Din tagħti kontribut fundamentali għal dibattitu pubbliku u għall-funzjonament tajjeb ta' soċjetà demokratika. Id-disponibbiltà wiesgħa ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa online wasslet għall-ħolqien ta' servizzi online ġodda, bħal aggregaturi tal-aħbarijiet jew servizzi ta' monitoraġġ tal-midja, li għalihom l-użu mill-ġdid ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jikkostitwixxi parti importanti mill-mudelli tan-negozju tagħhom u sors ta' dħul. Il-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa qed jaffaċċjaw problemi fil-liċenzjar għall-użu online tal-pubblikazzjonijiet tagħhom lill-fornituri ta' dawk it-tipi ta' servizzi, u b'hekk isir aktar diffiċli għalihom biex jirkupraw l-investimenti tagħhom. Fin-nuqqas ta' rikonoxximent ta' pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa bħala detenturi tad-drittijiet, il-liċenzjar u l-infurzar tad-drittijiet fil-pubblikazzjonijiet tal-istampa rigward użi online mill-fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-ambjent diġitali huma ta' spiss kumplessi u ineffiċjenti.

(55)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja u organizzattiva tal-pubblikaturi fil-produzzjoni ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta u inkoraġġita aktar biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-industrija tal-pubblikazzjoni u b'hekk titrawwem id-disponibbiltà ta' informazzjoni affidabbli. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi prevista, fil-livell tal-Unjoni, protezzjoni legali armonizzata għall-pubblikazzjonijiet tal-istampa fir-rigward ta' użi online minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, li ma taffettwax ir-regoli eżistenti tad-drittijiet tal-awtur fil-liġi tal-Unjoni applikabbli għal użi privati jew mhux kummerċjali tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa minn utenti individwali, inkluż fejn tali utenti jikkondividu pubblikazzjonijiet tal-istampa online. Protezzjoni bħal din jenħtieġ li tkun garantita b'mod effettiv permezz tal-introduzzjoni, fil-liġi tal-Unjoni, ta' drittijiet marbutin mad-drittijiet tal-awtur għar-riproduzzjoni u d-disponibbiltà għall-pubbliku ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa ta' pubblikaturi stabbiliti fi Stat Membru fir-rigward ta' użi online minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Il-protezzjoni legali għal pubblikazzjonijiet tal-istampa prevista minn din id-Direttiva jenħtieġ li tibbenefika pubblikaturi li huma stabbiliti fi Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali fejn jaħdmu tagħhom fl-Unjoni.

Il-kunċett ta' pubblikatur ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jenħtieġ li jinftiehem bħala li jkopri fornituri ta' servizz, bħal pubblikaturi tal-aħbarijiet jew aġenziji tal-aħbarijiet, meta jippubblikaw pubblikazzjonijiet tal-istampa skont it-tifsira ta' din id-Direttiva.

(56)

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġi definit il-kunċett ta' pubblikazzjoni tal-istampa sabiex ikopri biss pubblikazzjonijiet ġurnalistiċi, ippubblikati fi kwalunkwe mezz tax-xandir, inkluż fuq il-karta, fil-kuntest ta' attività ekonomika li tikkostitwixxi forniment ta' servizzi taħt il-liġi tal-Unjoni. Il-pubblikazzjonijiet tal-istampa li jenħtieġ li jiġu koperti jinkludu, pereżempju, gazzetti ta' kuljum, rivisti ta' kull ġimgħa jew ta' kull xahar ta' interess ġenerali jew speċjali, inklużi rivisti abbażi ta' abbonament jew siti tal-Internet tal-aħbarijiet. Il-pubblikazzjonijiet tal-istampa jinkludu l-aktar xogħlijiet letterarji iżda qed jinkludu dejjem aktar tipi oħra ta' xogħlijiet u materjal ieħor, b'mod partikolari ritratti u filmati. Pubblikazzjonijiet perjodiċi ppubblikati għal skopijiet xjentifiċi jew akkademiċi, bħal ġurnali xjentifiċi, jenħtieġ li ma jkunux koperti mill-protezzjoni mogħtija lil pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li dik il-protezzjoni lanqas ma tapplika għal siti tal-Internet, bħal blogs, li jipprovdu informazzjoni bħala parti minn attività li ma ssirx taħt l-inizjattiva, ir-responsabbiltà editorjali u l-kontroll tal-fornitur ta' servizz, bħal pubblikatur tal-aħbarijiet.

(57)

Id-drittijiet mogħtija lill-edituri ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din id-Direttiva jenħtieġ li jkollhom l-istess kamp ta' applikazzjoni bħad-drittijiet ta' riproduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku previsti fid-Direttiva 2001/29/KE, sa fejn għandhom x'jaqsmu l-użi online minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Id-drittijiet mogħtija lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jenħtieġ li ma jestendux għal atti ta' hyperlinking. Jenħtieġ li lanqas ma jiġu estiżi għas-sempliċi fatti rrappurtati fil-pubblikazzjonijiet tal-istampa. Id-drittijiet mogħtija lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din-Direttiva jenħtieġ li jkunu wkoll soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet bħal dawk applikabbli għad-drittijiet previsti fid-Direttiva 2001/29/KE, inkluża l-eċċezzjoni fil-każ tal-kwotazzjonijiet magħmula għal skopijiet ta' kritika jew ta' rieżami previsti fl-Artikolu 5(3)(d) ta' din id-Direttiva.

(58)

L-użi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jistgħu jikkonsistu fl-użu ta' pubblikazzjonijiet jew oġġetti sħaħ iżda wkoll ta' partijiet ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa. Użi bħal dawn ta' partijiet minn pubblikazzjonijiet tal-istampa kisbu wkoll rilevanza ekonomika. Fl-istess ħin, l-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jista' ma jdgħajjifxl-investimenti li jsiru mill-pubblikaturi tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa fil-produzzjoni tal-kontenut. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst li l-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jenħtieġ li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva. Filwaqt li jitqiesu l-aggregazzjoni massiva u l-użu ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, huwa importanti li l-esklużjoni ta' estratti qosra ħafna tiġi interpretata b'tali mod li ma taffettwax l-effettività tad-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

(59)

Il-protezzjoni mogħtija lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa permezz ta' din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax id-drittijiet tal-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet fix-xogħlijiet u materjal ieħor inkorporati hemmhekk, inkluż fir-rigward sa fejn l-awturi u d-detenturi tad-drittijiet oħra jistgħu jisfruttaw ix-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom indipendentement mill-pubblikazzjoni tal-istampa, li fihom huma inkorporati. Għaldaqstant, il-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jinvokaw il-protezzjoni li ngħataw skont din id-Direttiva kontra l-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet jew kontra utenti awtorizzati oħra tal-istess xogħlijiet jew materjal ieħor. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal arranġamenti kuntrattwali konklużi bejn il-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, fuq naħa, u l-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet, fuq in-naħa l-oħra. L-awturi li x-xogħlijiet tagħhom huma inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa jenħtieġ li jkunu intitolati għal sehem xieraq tad-dħul li l-pubblikaturi tal-istampa jirċievu għall-użu tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar is-sjieda jew l-eżerċizzju tad-drittijiet fil-kuntest ta' kuntratti ta' impjieg, sakemm tali liġijiet ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni.

(60)

Il-pubblikaturi, inklużi dawk ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, kotba jew pubblikazzjonijiet xjentifiċi u pubblikazzjonijiet tal-mużika, ta' spiss joperaw fuq il-bażi tat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur permezz ta' ftehim kuntrattwali jew dispożizzjonijiet statutorji. F'dak il-kuntest, il-pubblikaturi jagħmlu investiment bl-għan li jisfruttaw ix-xogħlijiet li jinsabu fil-pubblikazzjonijiet tagħhom u jistgħu f'ċerti każijiet jiġu mċaħħda mid-dħul meta tali xogħlijiet jintużaw skont l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet bħal dawk għall-ikkupjar privat u r-reprografija, inklużi l-iskemi nazzjonali eżistenti korrispondenti għar-reprografija fl-Istati Membri, jew taħt skemi ta' self pubbliku. F'ħafna Stati Membri, il-kumpens għall-użi taħt dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet jinqasam bejn l-awturi u l-pubblikaturi. Sabiex titqies din is-sitwazzjoni u biex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li għandhom fis-seħħ skemi eżistenti għall-kondiviżjoni ta' kumpens bejn l-awturi u l-pubblikaturi biex iżommuhom. Dak huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li kellhom tali mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' kumpens qabel it-12 ta' Novembru 2015, għalkemm fi Stati Membri oħra, il-kumpens mhuwiex kondiviż u dovut biss lill-awturi f'konformità mal-politiki kulturali nazzjonali. Filwaqt li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika b'mod mhux diskriminatorju għall-Istati Membri kollha, jenħtieġ li tirrispetta t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam u ma tobbligax lill-Istati Membri li attwalment m'għandhomx dawn l-iskemi ta' kondiviżjoni ta' kumpens biex jintroduċuhom. Jenħtieġ li hija ma taffettwax l-arranġamenti eżistenti jew dawk futuri fl-Istati Membri rigward ir-remunerazzjoni fil-kuntest tas-self pubbliku.

Jenħtieġ ukoll li ma taffettwax arranġamenti nazzjonali relatati mal-ġestjoni tad-drittijiet u mad-drittijiet ta' remunerazzjoni, sakemm dawn ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkunu jistgħu, imma mhux obbligati, jipprevedu li, fejn awturi jkunu ttrasferixxew jew illiċenzjaw id-drittijiet tagħhom lil pubblikatur jew li b'xi mod ieħor ikkontribwixxew bix-xogħlijiet tagħhom għal pubblikazzjoni, u jkun hemm fis-seħħ sistemi li jikkumpensaw għall-ħsara kkawżata lilhom minn eċċezzjoni jew limitazzjoni, inkluż permezz ta' organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li flimkien jirrappreżentaw lill-awturi u l-pubblikaturi, il-pubblikaturi huma intitolati għal sehem ta' kumpens bħal dan. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jiddeterminaw kif il-pubblikaturi għandhom jissostanzjaw it-talbiet tagħhom għall-kumpens jew ir-remunerazzjoni, u biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni ta' tali kumpens jew -remunerazzjoni bejn l-awturi u l-pubblikaturi bi qbil mas-sistemi nazzjonali tagħhom.

(61)

Matul dawn is-snin reċenti, il-funzjonament tas-suq tal-kontenut online sar iktar kumpless. Is-servizzi online tal-kondiviżjoni tal-kontenut li jipprovdu aċċess għal ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tagħhom saru sors ewleni ta' aċċess għall-kontenut online. Is-servizzi online huma mezz kif jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u jiġu offruti opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda. Madankollu, għalkemm huma jippermettu d-diversità u l-faċilità tal-aċċess għall-kontenut, huma jiġġeneraw ukoll kontestazzjonijiet meta kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jittella' mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet. Teżisti inċertezza legali dwar jekk il-fornituri ta' tali servizzi jinvolvux ruħhom f'atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur u jekk hemmx bżonn li jiksbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut imtella' mill-utenti tagħhom li ma jkollhomx id-drittijiet rilevanti fil-kontenut imtella', mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni. Dik l-inċertezza taffettwa l-kapaċità tad-detenturi tad-drittijiet li jiddeterminaw jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, ix-xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom jintużawx kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiksbu remunerazzjoni xierqa għal tali użu. Għalhekk huwa importanti li jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Dawn il-ftehimiet ta' liċenzjar jenħtieġ li jkunu ġusti u jżommu bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor tagħhom. Madankollu, billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn dawk id-dispożizzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta' liċenzjar.

(62)

Ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħala parti mill-użu normali tagħhom, huma ddisinjati biex jagħtu aċċess lill-pubbliku għal kontenut jew materjal ieħor protetti mid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tagħhom. Id-definizzjoni ta' fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online stabbilita f'din id-Direttiva jenħtieġ li tkun immirata biss lejn is-servizzi online li għandhom rwol importanti fis-suq tal-kontenut online billi dawn jikkompetu ma' servizzi tal-kontenut online oħrajn, bħas-servizzi ta' streaming awdjo u vidjo online, għall-istess udjenzi. Is-servizzi koperti minn din id-Direttiva huma servizzi, li l-għanijiet prinċipali tagħhom jew waħda minnhom huma li jaħżnu u jippermettu lill-utenti jtellgħu u jikkondividu ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bl-iskop li jiksbu profitt minnu, direttament jew indirettament, billi jorganizzawh u jippromwovuh sabiex jattiraw udjenza akbar, inkluż billi jikkategorizzawh u jużaw promozzjoni mmirata fih. Tali servizzi jenħtieġ li ma jinkludux servizzi li għandhom għan ewlieni ieħor barra dak li jippermetti lill-utenti li jtellgħu u jaqsmu ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bl-iskop li jiksbu profitt minn dik l-attività. Is-servizz tal-aħħar jinkludi, pereżempju, servizzi ta' komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), kif ukoll fornituri ta' servizz ta' cloud ta' negozju għal negozju u servizzi ta' cloud, li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom infushom, bħaċ-ċiberarmarji (cyberlockers), jew swieq online li l-attività ewlenija tagħhom hija l-bejgħ online, u li ma jagħtux aċċess għal kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur.

Fornituri ta' servizz bħal pjattaformi għall-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta' software b'sors miftuħ, repożitorji xjentifiċi jew edukattivi mingħajr skop ta' qligħ kif ukoll enċiklopediji online mingħajr skop ta' qligħ jenħtieġ li jiġu esklużi mid-definizzjoni ta' fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, il-mekkaniżmu ta' eżenzjoni mir-responsabbiltà previst f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikax għall-fornituri ta' servizz li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jinvolvu ruħhom fil-piraterija tad-drittijiet tal-awtur jew li jiffaċilitaw din il-piraterija.

(63)

Il-valutazzjoni ta' jekk fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jaħżinx u jagħtix aċċess għal ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jenħtieġ li ssir fuq bażi ta' każ b'każ u jenħtieġ li tqis taħlita ta' elementi, bħall-udjenza tas-servizz u n-numru ta' fajls ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tas-servizz.

(64)

Huwa opportun li f'din id-Direttiva jiġi ċċarat li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online iwettqu att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku meta jagħtu aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella' mill-utenti tagħhom. Konsegwentement, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jiksbu awtorizzazzjoni, inkluż permezz ta' ftehim ta' liċenzjar, mid-detenturi tad-drittijiet rilevanti. Dan ma jaffettwax il-kunċett ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku x'imkien ieħor skont il-liġi tal-Unjoni u lanqas ma jaffettwa l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE għal fornituri oħra tas-servizz li jużaw kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur.

(65)

Meta l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jkunu responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE jenħtieġ li ma japplikax għar-responsabbiltà li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar l-użu ta' kontenut protett mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Jenħtieġ li dak ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għal tali fornituri ta' servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(66)

Filwaqt li jitqies il-fatt li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħtu aċċess għal kontenut li ma jkunx imtella' minnhom iżda mill-utenti tagħhom, huwa xieraq li jiġi previst mekkaniżmu speċifiku ta' responsabbiltà għall-finijiet ta' din id-Direttiva għall-każijiet fejn ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għar-rimedji skont il-liġi nazzjonali għal każijiet oħra għajr ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur u għall-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet amministrattivi jkunu jistgħu joħorġu inġunzjonijiet f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, ir-reġim speċifiku applikabbli għall-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online b'fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, li l-għadd medju ta' viżitaturi uniċi fix-xahar fl-Unjoni ma jaqbiżx 5 miljuni, jenħtieġ li ma jaffettwax id-disponibbiltà ta' rimedji skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali. Meta ma tkun ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni lill-fornituri ta' servizz, jenħtieġ li huma jagħmlu ħilithom kollha skont standards tal-industrija għoljin ta' diliġenza professjonali biex jevitaw id-disponibbiltà fuq is-servizzi tagħhom ta' xogħlijiet u materjal ieħor mhux awtorizzati, kif identifikat mid-detenturi tad-drittijiet rilevanti. Għal dak l-għan, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jipprovdu lill-fornituri ta' servizz bl-informazzjoni rilevanti u neċessarja li tqis, fost fatturi oħra, id-daqs tad-detenturi tad-drittijiet u t-tip ta' xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom. Jenħtieġ li l-passi meħuda mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online b'kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet ma jwasslux biex jipprevjenu d-disponibbiltà ta' kontenut mingħajr ksur, inkluż xogħlijiet jew materjal protett ieħor koperti minn ftehim ta' liċenzjar, jew eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Passi meħuda minn tali fornituri ta' servizz, għalhekk, jenħtieġ li ma jaffettwawx lill-utenti li qed jużaw is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online i sabiex itellgħu u jaċċessaw b'mod legali l-informazzjoni dwar tali servizzi.

Barra minn hekk l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva 13 jenħtieġ li ma jwasslux biex l-Istati Membri jimponu obbligu ta' monitoraġġ ġenerali. Meta jiġi vvalutat jekk fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ikunx għamel ħiltu kollha f'konformità mal-istandards tal-industrija għoljin tad-diliġenza professjonali, jenħtieġ li jitqies jekk il-fornitur ta' servizz ikunx ħa l-passi kollha li jittieħdu minn operatur diliġenti biex jikseb ir-riżultat tal-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mhux awtorizzati fuq is-sit web tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki tal-industrija u l-effettività tal-passi meħuda fid-dawl tal-fatturi u l-iżviluppi rilevanti kollha, kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għadd ta' elementi, bħad-daqs tas-servizz, l-istat l-aktar avvanzat li jkun qed jevolvi fir-rigward tal-mezzi eżistenti, inklużi l-iżviluppi futuri potenzjali, biex tiġi evitata d-disponibbiltà ta' tipi differenti ta' kontenut u l-ispiża ta' tali mezzi għas-servizzi. Mezzi differenti biex tiġi evitata d-disponibbiltà ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur mhux awtorizzat jistgħu jkunu xierqa u proporzjonati skont it-tip ta' kontenut, u, għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li f'xi każijiet id-disponibbiltà ta' kontenut mhux awtorizzat tista' tiġi evitata biss b'notifika tad-detenturi tad-drittijiet. Kwalunkwe pass li jieħdu l-fornituri ta' servizz jenħtieġ li jkun effettiv fir-rigward tal-objettivi mixtieqa iżda jenħtieġ li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv li tiġi evitata u mitmuma d-disponibbiltà ta' xogħlijiet u materjal ieħor mhux awtorizzati.

Jekk xogħlijiet u materjal ieħor mhux awtorizzati jsiru disponibbli minkejja l-aħjar sforzi magħmula b'kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet kif mitlub minn din id-Direttiva, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu responsabbli b'rabta max-xogħlijiet u materjal ieħor speċifiċi li għalihom ikunu rċevew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja mid-detenturi tad-drittijiet, sakemm dawk il-fornituri ma jurux li jkunu għamlu l-aħjar sforzi tagħhom skont standards tal-industrija għoljin ta' diliġenza professjonali.

Barra minn hekk, fejn xogħlijiet jew materjal ieħor speċifiċi u mhux awtorizzati saru disponibbli fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, inkluż irrispettivament minn jekk sarux l-aħjar sforzi u irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet għamlux disponibbli minn qable l-informazzjoni rilevanti u neċessarja, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, meta, malli jirċievu avviż sostanzjat biżżejjed, huma jonqsu milli jaġixxu b'ħeffa biex jiddiżattivaw l-aċċess għal jew ineħħu mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew il-materjal ieħor innotifikati. Barra minn hekk, tali fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu responsabbli wkoll jekk jonqsu milli juru li għamlu ħilithom kollha biex jipprevjenu l-uploads futuri ta' xogħlijiet speċifiċi mhux awtorizzati, abbażi ta' informazzjoni rilevanti u neċessarja pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet għal dak il-għan.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet ma jipprovdux lill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online bl-informazzjoni rilevanti u neċessarja dwar ix-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor speċifiku tagħhom, jew fejn ma tkun ingħatat l-ebda notifika dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mhux awtorizzati u speċifiċi mid-detenturi tad-drittijiet, u, b'riżultat ta' dan, dawk il-fornituri ta' servizz ma jistgħux jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jevitaw id-disponibbiltà ta' kontenut mhux awtorizzat fis-servizzi tagħhom, skont l-istandards tal-industrija għoljin ta' diliġenza professjonali, tali fornituri ta' servizz jenħtieġ li ma jkunux responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku jew għat-tqegħid għad-disponibbiltà lill-pubbliku ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor mhux identifikati.

(67)

B'mod simili għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE, din id-Direttiva tipprevedi regoli fir-rigward ta' servizzi online ġodda. Ir-regoli previsti f'din id-Direttiva huma maħsuba biex iqisu l-każ speċifiku ta' kumpanniji ġodda li jaħdmu bl-uploads tal-utenti biex jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju. Jenħtieġ li r-reġim modifikat applikabbli għal fornituri ta' servizz ġdid b'fatturat u udjenza żgħar ikun ta' benefiċċju għal negozji ġenwinament ġodda, u għalhekk jenħtieġ li ma jibqax japplika tliet snin wara li s-servizzi tagħhom saru disponibbli online għall-ewwel darba fl-Unjoni. Dak ir-reġim jenħtieġ li ma jiġix abbużat b'arranġamenti li għandhom l-għan li jestendu l-benefiċċji tiegħu wara l-ewwel tliet snin. B'mod partikolari, jenħtieġ li ma japplikax għal servizzi maħluqa ġodda jew għal servizzi pprovduti taħt isem ġdid iżda li qed iwettqu l-attività ta' fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online diġà eżistenti li ma setax jew ma jibqax jibbenefika minn dak ir-reġim.

(68)

Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu trasparenti mad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-passi meħuda fil-kuntest tal-kooperazzjoni. Peress li azzjonijiet varji jistgħu jitwettqu mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, jenħtieġ li huma jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq it-talba tad-detenturi tad-drittijiet, b'informazzjoni adegwata dwar it-tip ta' azzjonijiet meħuda u l-mod ta' kif jiġu imwettqa. Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun speċifika biżżejjed biex tipprovdi biżżejjed trasparenza lid-detenturi tad-drittijiet, mingħajr ma taffettwa s-sigrieti kummerċjali tal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online. Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizz ma jkunux meħtieġa jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet b'informazzjoni dettaljata u individwalizzata għal kull xogħol jew materjal ieħor identifikat. Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti kuntrattwali, li jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta meta jiġu konklużi ftehimiet bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet.

(69)

Fejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jiksbu awtorizzazzjonijiet, inkluż permezz ta' ftehimiet ta' liċenzjar, għall-użu fuq is-servizz tagħhom ta' kontenut imtella' mill-utenti tas-servizz, dawk l-awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jkopru wkoll l-atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta' uploads mill-utenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornituri ta' servizz, iżda biss f'każijiet fejn dawk l-utenti jaġixxu għal finijiet mhux kummerċjali, bħall-kondiviżjoni tal-kontenut tagħhom mingħajr skop ta' qligħ, jew fejn id-dħul iġġenerat mill-uploads tagħhom mhuwiex sinifikanti fir-rigward tal-atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur tal-utenti koperti minn tali awtorizzazzjonijiet. Fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu awtorizzaw b'mod espliċitu lill-utenti biex itellgħu u jagħmlu disponibbli xogħlijiet jew materjal ieħor dwar servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku tal-fornitur ta' servizz huwa awtorizzat fil-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija mid-detentur tad-drittijiet. Madankollu, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda preżunzjoni favur il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li l-utenti tagħhom ikunu approvaw id-drittijiet rilevanti kollha.

(70)

Jenħtieġ li l-passi li jittieħdu mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online f'kooperazzjoni ma' detenturi tad-drittijiet ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, inkluż, b'mod partikolari, dawk li jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni tal-utenti. Jenħtieġ li l-utenti jitħallew itellgħu u jagħmlu disponibbli kontenut iġġenerat mill-utenti għall-iskopijiet speċifiċi ta' kwotazzjoni, kritika, riċensjoni, karikatura, parodija jew pastiċċ. Dak huwa partikolarment importanti għall-finijiet li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti, u d-dritt għall-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali. Jenħtieġ li dawk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, għalhekk, isiru obbligatorji sabiex jiġi żgurat li l-utenti jirċievu protezzjoni uniformi fl-Unjoni. Huwa importanti li jiġi żgurat li fornituri ta' servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online joperaw mekkaniżmu effikaċi għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju sabiex jappoġġaw l-użu għal tali skopijiet speċifiċi.

Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jistabbilixxu wkoll mekkaniżmi għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju effikaċi u rapidi li jippermettu lill-utenti jressqu lment dwar il-passi meħuda fir-rigward tal-uploads tagħhom, b'mod partikolari meta jkunu jistgħu jibbenefikaw minn eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta' upload li l-aċċess għalih ikun ġie diżattivat jew li tneħħa. Jenħtieġ li kwalunkwe lment imressaq taħt tali mekkaniżmi jiġi pproċessat mingħajr dewmien żejjed u jkun soġġett għal reviżjoni minn bniedem. Meta d-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-fornituri ta' servizz jieħdu azzjoni kontra l-uploads min-naħa tal-utenti, bħad-diżattivazzjoni tal-aċċess jew it-tneħħija tal-kontenut imtella', jenħtieġ li tali detenturi tad-drittijiet jiġġustifikaw it-talbiet tagħhom kif xieraq. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kooperazzjoni ma twassal għall-ebda identifikazzjoni ta' utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar tad-data personali, ħlief skont id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), u tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-utenti jkollhom aċċess għal mekkaniżmi ta' rimedju alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li tali mekkaniżmi jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod imparzjali. Jenħtieġ li l-utenti jkollhom wkoll aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.

(71)

Mill-aktar fis possibbli wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, torganizza djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-obbligu ta' kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet u sabiex jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki f'dak li jikkonċerna l-istandards tal-industrija xierqa ta' diliġenza professjonali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-utenti u l-fornituri tat-teknoloġija, u tqis l-iżviluppi fis-suq. Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-utenti jkollhom ukoll aċċess għall-informazzjoni dwar azzjonijiet imwettqa minn fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online biex jimmaniġġjaw il-kontenut online.

(72)

L-awturi u l-artisti għandhom it-tendenza li jkunu f'pożizzjoni kuntrattwali aktar dgħajfa meta jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, inkluż permezz tal-kumpanniji tagħhom stess, għall-finijiet ta' sfruttament għal remunerazzjoni, u dawk il-persuni fiżiċi jeħtieġu l-protezzjoni prevista minn din id-Direttiva sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mid-drittijiet armonizzati skont il-liġi tal-Unjoni. Dik il-ħtieġa għal protezzjoni ma tirriżultax fejn il-kontroparti kuntrattwali taġixxi bħala utent aħħari u ma tisfruttax ix-xogħol jew il-prestazzjoni hija stess, li jista', pereżempju, ikun il-każ f'xi kuntratti ta' impjieg.

(73)

Jenħtieġ li r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti għandha tkun xierqa u proporzjonata mal-valur ekonomiku attwali jew potenzjali tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti, filwaqt li jitqies il-kontribut tal-awtur jew tal-artist għax-xogħol globali jew materjal ieħor u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-każ, bħall-prattiki tas-suq jew l-isfruttament effettiv tax-xogħol. Ħlas ta' somma f'daqqa jista' wkoll jikkostitwixxi ħlas proporzjonat iżda jenħtieġ li dan ma jkunx ir-regola. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jiddefinixxu każijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta' ħlas ta' somom f'daqqa, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jimplimentaw il-prinċipju ta' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata permezz tal-mekkaniżmi differenti eżistenti jew li għadhom kif ġew introdotti, li jistgħu jinkludu negozjar kollettiv u mekkaniżmi oħra, dment li tali mekkaniżmi jkunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

(74)

L-awturi u l-artisti jeħtieġu informazzjoni sabiex jivvalutaw il-valur ekonomiku tad-drittijiet tagħhom li huma armonizzati skont il-liġi tal-Unjoni. Dan huwa speċjalment il-każ meta persuni naturali jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet għall-iskopijiet ta' sfruttament għal remunerazzjoni. Dik il-ħtieġa ma tinħoloqx meta l-isfruttament ikun waqaf, jew meta l-awtur jew l-artist ikun ta liċenzja lill-pubbliku ġenerali mingħajr remunerazzjoni.

(75)

Peress li l-awturi u l-artisti aktarx li jkunu fil-pożizzjoni kuntrattwali l-aktar dgħajfa huma jagħtu liċenzji jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jkollhom bżonn informazzjoni biex jivvalutaw il-valur ekonomiku kontinwu tad-drittijiet tagħhom, meta mqabbla mar-remunerazzjoni li jirċievu għal-liċenzja tagħhom jew għat-trasferiment, iżda ħafna drabi jaffaċċjaw nuqqas ta' trasparenza. Għaldaqstant, l-iskambju ta' informazzjoni adegwata u preċiża mill-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu huwa importanti għat-trasparenza u l-bilanċ tas-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun aġġornata biex tippermetti aċċess għal data riċenti, rilevanti għall-isfruttament tax-xogħol jew tal-prestazzjoni u komprensiva b'tali mod li tkopri s-sorsi kollha ta' dħul rilevanti għall-każ, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising. Sakemm l-isfruttament ikun għadu għaddej, il-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni disponibbli lilhom dwar il-modi kollha ta' sfruttament u dwar id-dħul rilevanti kollu madwar id-dinja b'regolarità li tkun xierqa fis-settur rilevanti, iżda minn tal-inqas kull sena. Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta b'mod li jinftiehem mill-awtur jew mill-artist u għandha tippermetti l-valutazzjoni effikaċi tal-valur ekonomiku tad-drittijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li, madankollu, l-obbligu tat-trasparenza japplika biss fejn huma kkonċernati d-drittijiet tad-drittijiet rilevanti. L-ipproċessar tad-data personali, bħad-dettalji ta' kuntatt u l-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, li huma meħtieġa biex l-awturi u l-artisti jinżammu infurmati fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom, jenħtieġ li jsir tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679.

(76)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni relatata mal-isplużjoni tingħata debitament lill-awturi u lill-artisti wkoll f'każijiet fejn id-drittijiet ikunu ġew subliċenzjati lil partijiet oħra li jisfruttaw id-drittijiet, din id-Direttiva tintitola lill-awturi u lill-artisti biex jitolbu informazzjoni rilevanti addizzjonali dwar l-isfruttament tad-drittijiet, f'każijiet fejn l-ewwel kontroparti kuntrattwali tkun ipprovdiet l-informazzjoni disponibbli għalihom, iżda dik l-informazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tivvaluta l-valur ekonomiku tad-drittijiet tagħhom. Dik it-talba jenħtieġ li ssir jew direttament lis-subdetenturi jew permezz tal-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti. L-awturi u l-artisti u l-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jenħtieġ li jkunu jistgħu jaqblu li jżommu kunfidenzjali l-informazzjoni kondiviża, iżda l-awturi u l-artisti jenħtieġ li dejjem ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni kondiviża bil-għan li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jipprevedu miżuri ulterjuri li jiżguraw it-trasparenza għall-awturi u l-artisti.

(77)

Meta jimplimentaw l-obbligu tat-trasparenza previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tad-diversi setturi ta' kontenut, bħal dawk tas-settur tal-mużika, is-settur awdjoviżiv u s-settur tal-pubblikazzjoni, u jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu involuti meta jkunu qed jiddeċiedudwar tali obbligi speċifiċi għas-settur Meta rilevanti, jenħtieġ li s-sinifikat tal-kontribut tal-awturi u l-artisti għax-xogħol jew il-prestazzjoni globali jiġi kkunsidrat ukoll. In-negozjar kollettiv jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala alternattiva għall-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jintlaħaq ftehim dwar it-trasparenza. Tali ftehimiet jenħtieġ li jiżguraw li l-awturi u l-artisti jkollhom l-istess livell, jew livell ogħla, ta' trasparenza bħar-rekwiżiti minimi previsti minn din id-Direttiva. Biex il-prattiki eżistenti tar-rappurtar ikunu jistgħu jiġu adattati għall-obbligi tat-trasparenza, jenħtieġ li jiġi previst perijodu tranżitorju. Jenħtieġ li ma jkunx neċessarju li jiġi applikat l-obbligu tat-trasparenza fir-rigward ta' ftehimiet konklużi bejn id-detentur tad-dritt u l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv, entitajiet ta' ġestjoni indipendenti jew entitajiet oħra soġġetti għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2014/26/UE, bħal dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet li diġà huma soġġetti għall-obbligi tat-trasparenza skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE. L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE japplika għal organizzazzjonijiet li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati f'isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed għall-benefiċċju kollettiv ta' dawk id-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, jenħtieġ li l-ftehimiet innegozjati individwalment konklużi bejn id-detenturi tad-drittijiet u dawk tal-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom li jaġixxu fl-interess tagħhom stess ikunu soġġetti għall-obbligu ta' trasparenza previst minn din id-Direttiva.

(78)

Ċerti kuntratti għall-isfruttament tad-drittijiet armonizzati fil-livell tal-Unjoni għandhom durata twila, li joffru ftit opportunitajiet għal awturi u artisti biex jinnegozjawhom mill-ġdid mal-kontropartijiet tagħhom jew mas-suċċessuri tagħhom fit-titolu fil-każ li l-valur ekonomiku tad-drittijiet ikun ogħla sew mill-istima inizjali. Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli għall-kuntratti fl-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta' aġġustament tar-remunerazzjoni fir-rigward ta' każijiet meta l-ħlas kien oriġinarjament miftiehem taħt liċenzja jew trasferiment ta' drittijiet isir sproporzjonament baxx b'mod evidenti meta mqabbel mal-ammont tad-dħul rilevanti mill-isfruttament sussegwenti tax-xogħol jew l-iffissar tal-prestazzjoni min-naħa tal-kontroparti kuntrattwali tal-awtur jew l-artist. Id-dħul kollu rilevanti għall-każ partikolari, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising jenħtieġ li jitqies għall-valutazzjoni ta' jekk in-numerazzjoni hijiex disproporzjonalment baxxa. Jenħtieġ li l-istudju tas-sitwazzjoni jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ, inkluż il-kontribut tal-awtur u l-artist, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-prattiki ta' rimunerazzjoni fis-setturi ta' kontenut differenti, u jekk il-kuntratt huwiex ibbażat fuq ftehim ta' negozjar kollettiv. Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-awturi u l-artisti b'mandat xieraq skont il-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lil awtur jew artist wieħed jew aktar fir-rigward ta' talbiet għall-aġġustament tal-kuntratti, filwaqt li jqisu wkoll l-interessi ta' awturi jew artisti oħra fejn rilevanti. Jenħtieġ li dawk ir-rappreżentanti jipproteġu l-identità tal-awturi u l-artisti rrappreżentati sakemm dak ikun possibbli.

Meta l-partijiet ma jaqblux dwar l-aġġustament tar-remunerazzjoni, jenħtieġ li l-awtur jew l-artist ikollhom id-dritt li jressqu talba quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra. Jenħtieġ li tali mekkaniżmu ma japplikax għal kuntratti konklużi mill-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 3(a) u (b) tad-Direttiva 2014/26/UE jew minn entitajiet oħra soġġetti għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2014/26/UE.

(79)

L-awturi u l-artisti ta' spiss isibuha bi tqila biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom kontra s-sħab kuntrattwali tagħhom quddiem qorti jew tribunal. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim li tindirizza talbiet minn awturi u artisti jew mir-rappreżentanti tagħhom f'isimhom, relatati ma' obbligi tat-trasparenza u l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-kuntratt. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu korp jew mekkaniżmu ġdid, jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, irrispettivament minn jekk dawk il-korpi jew mekkaniżmi humiex immexxija mill-industrija jew pubbliċi, inkluż meta jkunu parti mis-sistema ġudizzjarja nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu kif għandhom jiġu allokati l-ispejjeż tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f'qorti.

(80)

Meta l-awturi u l-artisti jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jistennew li x-xogħol jew il-prestazzjoni tagħhom jiġu sfruttati. Madankollu, jista' jkun il-każ li x-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet li jkunu ngħataw liċenzja jew li jkunu ġew trasferiti, ma jiġu sfruttati xejn. Fejn dawk id-drittijiet jiġu ttrasferiti fuq bażi esklużiva, l-awturi u l-artisti ma jistgħux jirrikorru għal sieħeb ieħor biex jisfruttaw ix-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet tagħhom. F'każ bħal dan, u wara li jkun għadda perijodu raġonevoli ta' żmien, jenħtieġ li l-awturi u l-artisti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li jippermettilhom jittrasferixxu jew jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom lil persuna oħra. Peress li l-isfruttament tax-xogħlijiet jew ta' prestazzjonijiet jista' jvarja skont is-setturi, jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi, bħas-settur awdjoviżiv, jew tax-xogħlijiet jew ta' prestazzjonijiet, b'mod partikolari li jipprevedu perijodi ta' żmien għad-dritt ta' revoka. Sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tad-detenturi ta' liċenzja u tal-persuni li jittrasferixxu d-drittijiet u sabiex jiġu evitati l-abbużi, u filwaqt li jitqies li huwa meħtieġ ċertu ammont ta' żmien qabel ma xogħol jew prestazzjoni jiġu effettivament sfruttati, jenħtieġ li l-awturi u l-artisti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta' revoka skont ċerti rekwiżiti proċedurali u biss wara ċertu perijodu ta' żmien wara l-konklużjoni tal-liċenzja jew tal-ftehim ta' trasferiment. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' revoka fil-każ ta' xogħlijiet jew prestazzjonijiet li jinvolvu aktar minn awtur jew artist wieħed, filwaqt li jieħu kont tal-importanza relattiva tal-kontributi individwali.

(81)

Id-dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza, il-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-kuntratt u l-proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu ta' natura mandatorja, u l-partijiet jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet, kemm jekk fil-kuntratti bejn l-awturi, l-artisti u l-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom, jew fi ftehimiet bejn dawk il-kontropartijiet u partijiet terzi, bħal ftehimiet ta' nondivulgazzjoni. B'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) japplikaw bl-effett li meta l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-mument tal-għażla tal-liġi applikabbli jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-għażla tal-partijiet dwar il-liġi applikabbli minbarra dik ta' Stat Membru ma tippreġudikax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza, il-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-kuntratt u l-proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'din id-Direttiva, kif implimentat fl-Istat Membru tal-forum.

(82)

F'din id-Direttiva jenħtieġ li xejn ma jiġi interpretat bħala mezz li jipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet esklużivi skont il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur milli jawtorizzaw l-użu tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor tagħhom mingħajr ħlas, inkluż permezz ta' liċenzji ħielsa mhux esklużivi għall-benefiċċju ta' kwalunkwe utent.

(83)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-modernizzazzjoni ta' ċerti aspetti tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u mezzi ġodda ta' distribuzzjoni ta' kontenut protett fis-suq intern, ma jistax jinkiseb sew mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala, l-effetti u d-dimensjoni transfruntiera tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(84)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat bi qbil ma' dawk id-drittijiet u prinċipji.

(85)

Kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva jenħtieġ li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta rispettivament u jridu jkunu f'konformità mad-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) 2016/679.

(86)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (18), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jkomplu jarmonizzaw il-liġi tal-Unjoni applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-użi diġitali u transfruntieri tal-kontenut protett. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, dwar il-faċilitazzjoni tal-liċenzji, kif ukoll regoli li għandhom l-għan li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq għall-isfruttament tad-drittijiet u materjal ieħor.

2.   Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 24, din id-Direttiva għandha tħalli kif inhuma u m'għandha bl-ebda mod taffettwa r-regoli eżistenti stabbiliti fid-direttivi li bħalissa huma fis-seħħ f'dan il-qasam, b'mod partikolari d-Direttivi 96/9/KE, 2000/31/KE, 2001/29/KE, 2006/115/KE, 2009/24/KE, 2012/28/UE u 2014/26/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser università, inklużi l-libreriji tagħha, istitut tar-riċerka jew kwalunkwe entità oħra, li l-għan primarju tagħha huwa li twettaq riċerka xjentifika jew li torganizza attivitajiet edukattivi li jinvolvu wkoll t-twettiq ta' riċerka xjentifika:

(a)

fuq bażi mhux għall-profitt jew billi tinvesti mill-ġdid il-profitti kollha tagħha ta' riċerka xjentifika; jew

(b)

skont missjoni ta' interess pubbliku rikonoxxuta minn Stat Membru;

b'tali mod li l-aċċess għar-riżultati ġġenerati minn tali riċerka xjentifika ma jistgħux jitgawdew fuq bażi preferenzjali minn impriża li teżerċita influwenza deċiżiva fuq din l-organizzazzjoni;

(2)

“l-estrazzjoni tat-test u tad-data” tfisser kwalunkwe teknika analitika awtomatizzata li għandha l-għan li tanalizza t-test u d-data f'forma diġitali biex tiġi ġġenerata informazzjoni, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal, mudelli, xejriet u korrelazzjonijiet

(3)

“istituzzjoni tal-wirt kulturali” tfisser librerija jew mużew aċċessibbli għall-pubbliku, arkivju jew istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo;

(4)

“pubblikazzjoni tal-istampa” tfisser kollezzjoni magħmula fil-parti l-kbira minn xogħlijiet letterarji ta' natura ġurnalistika, iżda li tista' tinkludi wkoll xogħlijiet jew materjal ieħor, u li:

(a)

tikkostitwixxi komponent individwali f'perjodiku jew f'pubblikazzjoni aġġornata regolarment taħt titlu wieħed, bħal f'gazzetta jew f'rivista ta' interess ġenerali jew speċjali;

(b)

għandha l-għan li tipprovdi lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni b'rabta ma' aħbarijiet jew suġġetti oħra; u

(c)

hija ppubblikata fi kwalunkwe mezz tax-xandir taħt l-inizjattiva, ir-responsabbiltà editorjali u l-kontroll ta' fornitur ta' servizz.

Pubblikazzjonijiet perjodiċi li huma ppubblikati għal skopijiet xjentifiċi jew akkademiċi, bħal ġurnali xjentifiċi, mhumiex pubblikazzjonijiet tal-istampa skont din id-Direttiva;

(5)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(6)

“fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” tfisser fornitur ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta' xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta' qligħ.

Il-fornituri ta' servizz, bħal enċiklopediji online mingħajr skopijiet ta' qligħ, repożitorji edukattivi u xjentifiċi mingħajr skopijiet ta' qligħ, pjattaformi ta' żvilupp ta' software u ta' kondiviżjoni b'sors miftuħ, fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/1972, swieq online u servizzi tal-cloud għan-negozju u servizzi cloud li jippermettu lill-utenti jtellgħu kontenut għall-użu tagħhom stess mhumiex “fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” fis-sens ta' din id-Direttiva.

TITOLU II

MIŻURI LI JADATTAW L-EĊĊEZZJONIJIET U L-LIMITAZZJONIJIET GĦALL-AMBJENT DIĠITALI U TRANSFRUNTIER.

Artikolu 3

Estrazzjoni tat-test u tad-data għal skopijiet ta' riċerka xjentifika

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva għar-riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta' riċerka u istituzzjonijiet tal-wirt kulturali sabiex iwettqu, għall-fini tar-riċerka xjentifika, estrazzjoni tat-test u tad-data ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalih għandhom aċċess legali.

2.   Kopji ta' xogħlijiet jew materjal ieħor magħmulin f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom jinħażnu b'livell xieraq ta' sigurtà u jistgħu jinżammu għall-finijiet ta' riċerka xjentifika, inkluż għall-verifika tar-riżultati tar-riċerka.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jitħallew japplikaw miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u l-bażijiet tad-data fejn huma ospitati ix-xogħlijiet jew materjal ieħor. Dawn il-miżuri m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

4.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka u lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali biex jiddefinixxi l-aqwa prassi miftiehma dwar l-applikazzjoni tal-obbligu u tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament.

Artikolu 4

Eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-estrazzjoni tat-test u tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva preżenti għar-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet ta' xogħlijiet legali aċċessibbli u suġġett oħrajn għall-iskopijiet ta' estrazzjoni ta' test u ta' data.

2.   Ir-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet magħmula skont il-paragrafu 1 jistgħu jinżammu sakemm ikun neċessarju għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-test u tad-data.

3.   L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti mill-paragrafu 1 għandhom japplikaw bil-kundizzjoni li l-użu tax-xogħlijiet u suġġetti oħra msemmija f'dak il-paragrafu ma jkunux ġew espressament riżervati mid-detenturi tad-drittijiet tagħhom b'mod xieraq, bħal mezzi li jinqraw minn magna għall-kontenut fil-każ ta' kontenut li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online.

4.   Dan l-Artikolu m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 5

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'attivitajiet ta' tagħlim diġitali u transfruntier

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a), (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva sabiex jippermettu l-użu diġitali ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim, sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, bil-kundizzjoni li tali l-użu:

(a)

isir fi taħt ir-responsabbiltà ta' stabbiliment edukattiv, fil-binjiet tiegħu jew f'postijiet oħra, jew permezz ta' netwerk elettroniku sigur, aċċessibbli biss mill-istabbilimenti edukattivi tal-istudenti u l-għalliema; u

(b)

ikun akkumpanjat bl-indikazzjoni tas-sors, inkluż l-isem tal-awtur, sakemm dan ma jkunx sar impossibbli.

2.   Minkejja l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni adottata skont il-paragrafu 1 ma tapplikax jew ma tapplikax fir-rigward ta' użi jew tipi speċifiċi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, bħal materjal li huwa prinċipalment maħsub għas-suq tal-edukazzjoni jew partituri, sal-punt li liċenzji adegwati li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u li jkopru l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tal-istabbilimenti edukattivi ikunu disponibbli faċilment fis-suq.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-liċenzji li jawtorizzaw l-atti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huma disponibbli u viżibbli b'mod adatt għall-istabbilimenti edukattivi.

3.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim permezz ta' ambjenti elettroniċi sikuri li jkunu ttieħdu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-istabbiliment edukattiv.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor protetti tagħhom skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

Preservazzjoni tal-wirt kulturali

L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni għad-drittijiet previsti mill- Artikolu 5(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva, sabiex jippermettu li l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jagħmlu kopji ta' kwalunkwe xogħol jew materjal ieħor li huma permanentement fil-kollezzjonijiet tagħhom, f'kull forma jew mezz, għall-finijiet tal-preservazzjoni ta' tali xogħlijiet jew materjal ieħor u sa fejn meħtieġ għal tali preservazzjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikoli 3, 5 u 6 m'għandhiex tkun eżegwibbli.

2.   L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE għandu japplika għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti minn dan it-Titolu. L-ewwel, it-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom japplikaw għall-Artikoli 3 sa 6 ta' din id-Direttiva.

TITOLU III

MIŻURI BIEX JITTEJBU L-PRATTIKI TA' LIĊENZJAR U JIŻGURAW L-AĊĊESS USA' GĦALL-KONTENUT

KAPITOLU 1

Xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq

Artikolu 8

L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq minn istituzzjonijiet tal-wirt kulturali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li meta organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, f'konformità mal-mandati tagħha mid-detenturi tad-drittijiet, tista' tikkonkludi liċenzja mhux esklużiva għal skopijiet mhux kummerċjali ma' istituzzjoni tal-wirt kulturali għar-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u t-tqegħid għad-disponibbiltà tal-pubbliku ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor li jkunu permanentement fil-kollezzjoni tal-istituzzjoni, irrispettivament minn jekk id-detenturi tad-drittijiet kollha koperti mil-liċenzja ikunux taw mandat lill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv għandha, abbażi ta' mandati tagħha, li jirrappreżentaw b'mod suffiċjenti lid-detenturi tad-drittijiet fit-tip rilevanti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja; u

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet previsti mill-Artikolu 5(a) (b), (d) u (e) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/24/KE, u l-Artikolu 15(1) ta' din id-Direttiva, bil-għan li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, jagħmlu, għal skopijiet mhux kummerċjali, xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq u li jinsabu fil-kollezzjonijiet tagħhom disponibbli, bil-kundizzjoni li:

(a)

jiġi indikat l-isem tal-awtur jew kwalunkwe detentur tad-dritt identifikabbli ieħor, sakemm dan ma jinstabx li jkun impossibbli; u

(b)

dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor huma disponibbli fuq siti web mhux kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2 japplikaw biss għal tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li għalihom ma teżisti l-ebda organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-detenturi tad-drittijiet kollha jistgħu, fi kwalunkwe ħin, b'mod faċli u effikaċi, jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit fil-paragrafu 1 jew mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni previsti fil-paragrafu 2, jew b'mod ġenerali jew f'każijiet speċifiċi, fosthom wara l-konklużjoni ta' liċenzja jew wara l-bidu tal-użu kkonċernat.

5.   Xogħol jew materjal ieħor għandhom jitqiesu li mhumiex fis-suq meta ikun jista' jiġi preżunt in bona fede li x-xogħol jew materjal ieħor sħaħ ma jkunux disponibbli għall-pubbliku permezz tal-mezzi tas-soltu tal-kummerċ, wara li jkun sar sforz raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk huwiex disponibbli għall-pubbliku.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rekwiżiti speċifiċi, bħad-data tal-iskadenza, biex jiddeterminaw jekk ix-xogħlijiet u materjal ieħor jistgħux jiġu lliċenzjati skont il-paragrafu 1 jew jekk jintużawx skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fil-paragrafu 2. Tali rekwiżiti m'għandhomx jestendu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u raġonevoli, u m'għandhomx jipprekludu li jkun jista' jiġi ddeterminat li sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor bħala entità sħiħa mhuwiex fis-suq, meta huwa raġonevoli li jiġi preżunt li x-xogħlijiet jew materjal ieħor mhumiex fis-suq.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-liċenzji imsemmija fil-paragrafu 1 jitfittxu minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li hija rappreżentattiva tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali.

7.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal settijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq jekk, abbażi tal-isforz raġonevoli msemmi fil-paragrafu 5, ikun hemm evidenza li tali settijiet jikkonsistu l-aktar f':

(a)

xogħlijiet jew materjal ieħor, ħlief għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba jew, fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni, li xxandar għall-ewwel darba f'pajjiż terz;

(b)

xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi, li l-produtturi tagħhom għandhom il-kwartieri ġenerali jew ir-residenza abitwali tagħhom f'pajjiż terz; jew

(c)

ix-xogħlijiet jew materjal ieħor ta' ċittadini ta' pajjiż terz, meta wara sforz raġonevoli l-ebda Stat Membru jew pajjiż terz ma setgħa jiġi determinat skont il-punti (a) u (b).

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, dan l-Artikolu għandu japplika fejn l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv tkun rappreżentattiva biżżejjed fis-sens tat-tifsira tal-punt (a) tal-paragrafu 1, tad-detenturi tad-dritt tal-pajjiż terz rilevanti.

Artikolu 9

Każijiet transfruntiera

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liċenzji mogħtija f'konformità mal-Artikolu 8 jistgħu jippermettu l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li mhumiex fis-suq min-naħa tal-istituzzjoni tal-wirt kulturali fi kwalunkwe Stat Membru.

2.   L-użu ta' xogħlijiet u materjal ieħor skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 8(2) għandu jitqies li jseħħ biss fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali li tkun qed tagħmel użu minnu.

Artikolu 10

Miżuri ta' pubbliċità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jew l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għall-iskopijiet ta' identifikazzjoni ta' xogħlijiet u materjal ieħor li mhumiex fis-suq koperti minn liċenzja mogħtija skont l-Artikolu 8(1), jew użati taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), kif ukoll l-informazzjoni dwar il-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4), u, malli tkun disponibbli u fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar il-partijiet għal-liċenzja, it-territorji koperti u l-użi, tkun permanentement, faċilment u effettivament disponibbli f'portal pubbliku online wieħed minn tal-anqas sitt xhur qabel ma x-xogħlijiet u materjal ieħor jiġu distribwiti, ikkomunikati lill-pubbliku jew magħmula disponibbli lill-pubbliku f'konformità mal-liċenzja jew taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni.

Il-portal għandu jiġi stabbilit u amministrat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, jekk meħtieġ għas-sensibilizzazzjoni ġenerali tad-detenturi tad-drittijiet, jittieħdu miżuri ta' pubbliċità xierqa addizzjonali rigward il-kapaċità għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv li jilliċenzjaw xogħlijiet jew materjal ieħor skont l-Artikolu 8, il-liċenzji mogħtija, l-użi skont l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti mill-Artikolu 8(2) u l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fl-Artikolu 8(4).

Il-miżuri ta' pubbliċità xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jittieħdu fl-Istat Membru fejn tintalab il-liċenzja skont l-Artikolu 8(1) jew, għal użi taħt l-eċċezzjoni jew limitazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2), fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni tal-wirt kulturali. Jekk ikun hemm evidenza, bħall-oriġini tax-xogħlijiet jew materjal ieħor, li tissuġġerixxi li s-sensibilizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tista' ssir b'mod aktar effiċjenti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, tali miżuri ta' pubbliċità għandhom ikopru wkoll lil dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Artikolu 11

Djalogu tal-partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lid-detenturi tad-drittijiet, lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv u lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali f'kull settur qabel ma jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi skont l-Artikolu 8(5), u għandhom iħeġġu djalogu regolari bejn l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv, u kwalunkwe organizzazzjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, fuq bażi speċifika għas-settur, bil-għan li jrawmu r-rilevanza u l-utilità tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u biex jiżguraw li s-salvagwardji għad-detenturi tad-drittijiet imsemmija f'dan il-Kapitolu huma effettivi.

KAPITOLU 2

Miżuri li jiffaċilitaw il-liċenzjar kollettiv

Artikolu 12

Ħruġ kollettiv ta' liċenzji b'effett estiż

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu, sa fejn jikkonċerna l-użu fit-territorju tagħhom u soġġett għas-salvagwardji previsti minn dan l-Artikolu, li fejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, li hija soġġetta għar-regoli nazzjonali tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/26/UE, f'konformità mal-mandati tagħha mingħand id-detenturi tad-drittijiet, tidħol fi ftehim ta' liċenzjar għall-isfruttament ta' xogħlijiet jew materjal ieħor:

(a)

tali ftehim jista' jiġi estiż biex japplika għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw lil dik l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv biex tirrappreżentahom permezz ta' assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor; jew,

(b)

fir-rigward ta' tali ftehim, l-organizzazzjoni għandha mandat legali jew hija preżunta li tirrappreżenta d-detenturi tad-drittijiet li m'awtorizzawx lill-organizzazzjoni kif xieraq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' liċenzjar imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi applikat biss f'oqsma ta' użu definiti sew, fejn il-ksib ta' awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet fuq bażi individwali ikun tipikament oneruż u mhux prattiku sal-punt li jnaqqas il-probabbiltà li ssir it-tranżazzjoni ta' liċenzjar meħtieġa, minħabba n-natura tal-użu jew tat-tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor ikkonċernati, u għandhom jiżguraw li tali mekkaniżmu ta' liċenzjar jissalvagwardja l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu s-salvagwardji li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv hija, abbażi ta' mandati tagħha, biżżejjed rappreżentattiva tad-detenturi tad-drittijiet fit-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja, għall-Istat Membru rilevanti;

(b)

id-detenturi tad-drittijiet kollha huma ggarantiti trattament ugwali, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mat-termini tal-liċenzja;

(c)

id-detenturi tad-drittijiet li ma jkunux awtorizzaw l-organizzazzjoni li tagħti l-liċenzja jistgħu fi kwalunkwe ħin faċilment u effettivament jeskludu x-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom mill-mekkaniżmu ta' liċenzjar stabbilit skont dan l-Artikolu; u

(d)

miżuri ta' pubbliċità xierqa huma meħuda, li jibdew minn perijodu raġonevoli qabel ma x-xogħlijiet jew materjal ieħor jintużaw taħt il-liċenzja, biex jinfurmaw lid-detenturi tad-drittijiet dwar il-kapaċitàtal-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzja għal xogħlijiet jew materjal ieħor, u dwar li l-ħruġ ta' liċenzji li jsir f'konformità ma' dan l-Artikolu, u dwar l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmija fil-punt (c). Il-miżuri ta' pubbliċità għandhom ikunu effikaċi mingħajr il-ħtieġa li jinfurmaw lil kull detentur tad-drittijiet individwalment.

4.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettivi b'effett estiż f'konformità ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jippermettu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet.

Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/26/UE għandu japplika għall-mekkaniżmu ta' liċenzjar previst minn dan l-Artikolu.

5.   Meta Stat Membru jipprevedi fil-liġi nazzjonali tiegħu għal mekkaniżmu ta' liċenzjar f'konformità ma' dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi li tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, dwar l-għanijiet u t-tipi ta' liċenzji li jistgħu jiġu introdotti skont dawk id-dispożizzjonijiet, dwar id-dettalji ta' kuntatt ta' organizzazzjonijiet li joħorġu l-liċenzji skont dak il-mekkaniżmu tal-liċenzjar, u dwar il-mezzi li bihom tista' tinkiseb l-informazzjoni dwar il-liċenzjar u dwar l-għażliet disponibbli għad-detenturi tad-drittijiet kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni.

6.   Abbażi tal-informazzjoni li waslet skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, u tad-diskussjonijiet fil-kumitat ta' kuntatt stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/29/KE, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-10 ta' April 2021, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-użu fl-Unjoni tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-impatt tagħhom fuq il-liċenzjar u d-detenturi tad-drittijiet, inklużi d-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni li tagħti l-liċenzji ew li huma ċittadini jew residenti fi Stat Membru ieħor, l-effikaċja tagħhom biex jiffaċilitaw it-tixrid tal-kontenut kulturali, u l-impatt tagħhom fuq is-suq intern, inkluż il-forniment transfruntier tas-servizzi u l-kompetizzjoni transfruntiera. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġislattiva, fosthom fir-rigward tal-effett transfruntier ta' tali mekkaniżmi nazzjonali.

KAPITOLU 3

L-aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi tal-video-on-demand u d-disponibbiltà tagħhom

Artikolu 13

Mekkaniżmu ta' negozjar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-partijiet li jiffaċċjaw diffikultajiet li jirrigwardaw il-ħruġ ta' liċenzji ta' drittijiet huma u jipprovaw jikkonkludu ftehim bl-iskop li jagħmlu disponibbli xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru servizzi video-on-demand, jistgħu jiddependu fuq l-assistenza ta' korp imparzjali jew ta' medjaturi. Il-korp imparzjali stabbilit jew maħtur minn Stat Membru għall-finijiet ta' dan l-Artikolu u l-medjaturi għandhom jipprovdu assistenza lill-partijiet fin-negozjati tagħhom u jgħinu lill-partijiet jilħqu l-ftehimiet, inkluż, fejn xieraq, billi jibagħtulhom il-proposti.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-korp jew il-medjaturi msemmija fl-ewwel paragrafu sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2021. Fejn l-Istati Membri jkunu għażlu li jiddependu fuq il-medjazzjoni, in-notifika lill-Kummissjoni għandha mill-inqas tinkludi, meta tkun disponibbli, is-sors fejn tkun tista' tinkiseb l-informazzjoni rilevanti dwar il-medjaturi fdati.

KAPITOLU 4

Xogħlijiet ta' arti viżiva fid-dominju pubbliku

Artikolu 14

Xogħlijiet ta' arti viżiva fid-dominju pubbliku

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, meta mandat ta' protezzjoni ta' xogħol artistiku viżiv ikun skada, kwalunkwe materjal li jirriżulta minn att ta' riproduzzjoni ta' dak ix-xogħol mhuwiex soġġett għad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, sakemm il-materjal li jirriżulta minn dak l-att ta' riproduzzjoni ma jkunx oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur innifsu.

TITOLU IV

MIŻURI BIEX JINKISEB SUQ GĦAD-DRITTIJIET TAL-AWTUR LI JAĦDEM SEW

KAPITOLU 1

Drittijiet fil-pubblikazzjonijiet

Artikolu 15

Il-protezzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa fir-rigward tal-użi online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubblikaturi ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa stabbiliti fi Stat Membru bid-drittijiet previsti mill-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-użu online tal-pubblikazzjonijiet stampati tagħhom min-naħa ta' fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Id-drittijiet previsti fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw għall-użi privati jew mhux kummerċjali ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa minn utenti individwali.

Il-protezzjoni mogħtija taħt l-ewwel subparagrafu m'għandhiex tapplika għal atti ta' hyperlinking.

Id-drittijiet previsti fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx japplikaw fir-rigward tal-użu ta' kliem individwali jew siltiet qosra ħafna ta' pubblikazzjoni tal-istampa.

2.   Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom iħallu kif inhuma u m'għandhom bl-ebda mod jaffettwaw kwalunkwe dritt previst mil-liġi tal-Unjoni lill-awturi u lil detenturi oħra tad-drittijiet, fir-rigward ta' xogħolhom u materjal ieħor inklużi f'pubblikazzjoni tal-istampa. Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati kontra dawn l-awturi u detenturi tad-drittijiet oħra u, b'mod partikolari, ma għandhomx jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom li jisfruttaw ix-xogħlijiet tagħhom u materjal ieħor indipendentement mill-pubblikazzjoni tal-istampa, li jkunu jinstabu fihom.

Meta xogħol jew materjal ieħor ikunu inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa fuq il-bażi ta' liċenzja mhux esklużiva, id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati biex jipprojbixxu l-użu min-naħa ta' utenti awtorizzati oħra. Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu invokati biex jipprojbixxu l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li l-protezzjoni għalihom tkun skadiet.

3.   L-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva 2001/29/KE, id-Direttiva 2012/28/UE u d-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Id-drittijiet previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiskadu sentejn wara li l-pubblikazzjoni tal-istampa tkun ġiet ippubblikata. Dak it-terminu għandu jiġi kkalkulat mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-data li fiha ġiet ippubblikata dik il-pubblikazzjoni.

Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal pubblikazzjonijiet tal-istampa ppubblikati għall-ewwel darba qabel is-6 ta' Ġunju 2019..

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li awturi ta' xogħlijiet inkorporati f'pubblikazzjoni tal-istampa jirċievu sehem xieraq mid-dħul li l-pubblikaturi tal-istampa jirċievu għall-użu tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom minn fornituri ta' servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Artikolu 16

Talbiet għal kumpens ġust

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li meta l-awtur ikun ittrasferixxa jew illiċenzja d-dritt lil pubblikatur, tali trasferiment jew liċenzja jikkostitwixxu bażi ġuridika suffiċjenti biex il-pubblikatur ikun intitolat għal sehem mill-kumpens għall-użu tax-xogħlijiet li saru skont eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt trasferit jew liċenzjat.

L-ewwel paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti eżistenti u futuri fl-Istati Membri f'dak li jikkonċerna d-drittijiet ta' self pubbliku.

KAPITOLU 2

Ċerti użi ta' kontenut protett minn servizzi online

Artikolu 17

L-użu ta' kontenut protett minn fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew f'att ta' disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella' mill-utenti tiegħu.

Fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta' liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta' servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.

3.   Meta fornitur ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta' responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE m'għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu m'għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għal dawk il-fornituri ta' servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta' komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta' xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta' servizz ma jurux li huma:

(a)

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

(b)

f'konformità mal-istandards għoljin ta' diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta' servizz; u fi kwalunkwe każ,

(c)

aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).

5.   Meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk il-fornitur ta' -servizz huwiex konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4, u fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom, fost oħrajn, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti tas-servizz; u

(b)

id-disponibbiltà ta' mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta' servizz.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fir-rigward ta' fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online ġodda li s-servizzi tagħhom kienu disponibbli għall-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin u li għandhom fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, ikkalkolat f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (20), il-kundizzjonijiet taħt ir-reġim ta' responsabbiltà stabbilit fil-paragrafu 4 huma limitati għall-konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 4 u li jaġixxu malajr, malli jirċievu avviż sostanzjat biżżejjed, biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew għal materjal ieħor notifikati jew li jneħħu dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor mis-siti web tagħhom..

Meta l-għadd medju ta' viżitaturi uniċi ta' kull xahar ta' tali fornituri ta' servizz jaqbeż il-5 miljuni, ikkalkolat abbażi tas-sena kalendarja preċedenti, għandhom juru wkoll li għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu uploads ulterjuri tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor notifikati li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ipprovdew informazzjoni rilevanti u neċessarja.

7.   Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m'għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta' xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jserrħu fuq kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti li ġejjin meta jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat mill-utenti dwar is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online:

(a)

kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni;

(b)

użu għal skop ta' karikatura, parodija jew pastiċċ;

8.   L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu m'għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta' monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b'informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta' liċenzjar bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet.

9.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal- kontenut online jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv u rapidu għat-tressiq tal-ilmenti u ta' rimedju li jkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tagħhom f'każ ta' tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta', xogħlijiet jew materjal ieħor imtella' minnhom.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-aċċess għax-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor tagħhom jiġi diżattivat jew li dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor jitneħħew, dawn għandhom jiġġustifikaw debitament ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom. L-ilmenti mressqa taħt il-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, u d-deċiżjonijiet biex jiġi diżattivat jew jitneħħa l-aċċess għall-kontenut imtella' għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn bniedem. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta' rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali mekkaniżmi għandhom jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod imparzjali u m'għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti li jkollhom rikors għal rimedji ġudizzjarji effiċjenti. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta' eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati.

Din id-Direttiva bl-ebda mod m'għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni, u m'għandha twassal għall-ebda identifikazzjoni tal-utenti individwali u lanqas għall-ipproċessar tad-data personali, ħlief skont id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) 2016/679.

Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom jinfurmaw lill-utenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

10.   Sa mis-6 ta' Ġunju 2019 il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha torganizza djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha, b'konsultazzjoni mal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u filwaqt li tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari rigward il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Meta jiġu diskussi l-aħjar prattiki, għandha titqies, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Għall-fini tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-paragrafu 4.

KAPITOLU 3

Emunerazzjoni ġusta fil-kuntratti ta' sfruttament ta' awturi u artisti

Artikolu 18

Prinċipju ta' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awturi u l-artisti jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet esklużivi tagħhom għall-isfruttament tax-xogħlijiet jew ta' materjal ieħor tagħhom, ikunu intitolati li jirċievu remunerazzjoni xierqa u proporzjonata.

2.   Fl-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali tall-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jużaw mekkaniżmi differenti u jqisu l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u bilanċ ġust tad-drittijiet u l-interessi.

Artikolu 19

Obbligu ta' trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awturi u l-artisti jirċievu fuq bażi regolari, ikkonċernati minn tal-inqas darba fis-sena, u b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' kull settur, informazzjoni aġġornata, rilevanti u komprensiva dwar l-isfruttament tax-xogħlijiet u l-prestazzjonijiet tagħhom mill-partijiet li lilhom ikunu lliċenzjaw jew ttrasferew id-drittijiet tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu, b'mod partikolari fir-rigward tal-modi ta' sfruttament, id-dħul iġġenerat u l-ħlas dovut kollu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew sussegwentement liċenzjati, l-awturi u l-artisti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fuq talba tagħhom, jirċievu, minn persuna b'subliċenzja, informazzjoni addizzjonali, fil-każ li l-ewwel kontroparti kuntrattwali tagħhom ma jkollhiex l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa għall-finijiet tal-paragrafu 1.

Meta dik l-informazzjoni addizzjonali tkun mitluba, l-ewwel kontroparti kuntrattwali tal-awturi u l-artisti għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-identità ta' dawk il-persuni b'subliċenzja.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe talba għal subliċenzjar skont l-ewwel subparagrafu ssir direttament jew indirettament permezz tal-kontroparti kuntrattwali tal-awtur jew tal-artist.

3.   L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun proporzjonat u effettiv bil-għan li jiżgura livell għoli ta' trasparenza f'kull settur. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f'każijiet debitament ġustifikati meta l-piż amministrattiv li jirriżulta mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 isir sproporzjonat fid-dawl tad-dħul iġġenerat mill-isfruttament tax-xogħol jew il-prestazzjoni, l-obbligu jkun limitat għat-tipi u l-livell ta' informazzjoni li jistgħu jiġu raġonevolment mistennija f'każijiet bħal dawn.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika meta l-kontribut ta' awtur jew artist ma jkunx sinifikanti fil-kuntest tal-ħidma globali jew il-prestazzjoni, sakemm l-awtur jew l-artist ma jurix li jeħtieġ l-informazzjoni biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 20(1) u jitlob l-informazzjoni għal dak l-iskop.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li għal ftehimiet soġġetti għal jew ibbażati fuq ftehimiet ta' negozjar kollettiv, ir-regoli ta' trasparenza tal-ftehim ta' negozjar kollettiv rilevanti huma applikabbli bil-kundizzjoni li dawk ir-regoli jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.

6.   Fejn ikun applikabbli l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE, l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika fir-rigward tal-ftehimiet konklużi mill-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 3(a) u (b) ta' dik id-Direttiva jew minn entitajiet oħra soġġetti għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik id-Direttiva.

Artikolu 20

Mekkaniżmu tal-aġġustament tal-kuntratt

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-assenza ta' ftehim ta' negozjar kollettiv applikabbli li jipprevedi mekkaniżmu komparabbli ma' dak stabbilit f'dan l-Artikolu, l-awturi u l-artisti, jew ir-rappreżentanti tagħhom, huma intitolati li jitolbu remunerazzjoni addizzjonali, xierqa u ġusta mill-parti li magħha jkunu daħlu f'kuntratt għall-isfruttament tad-drittijiet, jew mis-suċċessuri fit-titolu ta' tali parti, meta r-remunerazzjoni miftiehma oriġinarjament tirriżulta sproporzjonatament baxxa meta mqabbla mad-dħul u l-benefiċċji rilevanti sussegwenti kollha miksuba mill-isfruttament tax-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika għal ftehimiet konklużi mill-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 3(a) u (b) tad-Direttiva 2014/26/UE jew minn entitajiet oħra li diġà huma soġġetti għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik id-Direttiva.

Artikolu 21

Proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull tilwim dwar l-obbligu tat-trasparenza skont l-Artikolu 19 u l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-kuntratt skont l-Artikolu 20 jistgħu jitressqu għal proċedura volontarja u alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-awturi u l-artisti jkunu jistgħu jagħtu bidu għal tali proċeduri fuq talba speċifika ta' awtur jew artist wieħed jew aktar.

Artikolu 22

Dritt ta' revoka

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta awtur jew artist ikun illiċenzja jew ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu f'xogħol jew materjal protett ieħor fuq bażi esklużiva, l-awtur jew l-artist jistgħu jirrevokaw kompletament jew parzjalment il-liċenzja jew it-trasferiment ta' drittijiet fejn ikun hemm nuqqas ta' sfruttament tax-xogħol jew ta' materjal protett ieħor.

2.   Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mekkaniżmu ta' revoka previst fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu previsti mil-liġi nazzjonali b'kont meħud ta' dawn li ġejjin:

(a)

l-ispeċifiċitajiet tas-setturi differenti u t-tipi differenti ta' xogħlijiet u spettakli; u

(b)

fejn xogħol jew materjal ieħor ikun fih il-kontribut ta' aktar minn awtur jew artist wieħed, l-importanza relattiva tal-kontributi individwali u l-interessi leġittimi tal-awturi u l-artisti kollha affettwati mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' revoka min-naħa ta' awtur jew artist individwali.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu xogħlijiet jew materjal ieħor mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' revoka jekk dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor normalment ikun fihom kontributi minn diversi awturi jew artisti.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-mekkaniżmu ta' revoka jista' japplika biss f'perijodu ta' żmien speċifiku, fejn tali restrizzjoni tkun debitament ġustifikata mill-ispeċifiċitajiet tas-settur, jew tat-tip ta' xogħol jew ta' materjal ieħor ikkonċernat.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li awturi jew artisti jistgħu jagħżlu li jtemmu l-esklużività tal-kuntratt minflok jirrevokaw il-liċenzja jew it-trasferiment tad-drittijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li r-revoka prevista mill-paragrafu 1 tista' tiġi eżerċitata biss wara żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-liċenzja jew tat-trasferiment tad-drittijiet. L-awtur jew l-artist għandu jinnotifika lill-persuna li lilha ġew liċenzjati jew trasferiti d-drittijiet u jistabbilixxi data ta' skadenza xierqa sa meta għandu jsir l-isfruttament tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti. Wara l-għeluq ta' dik id-data ta' skadenza, l-awtur jew l-artist jista' jagħżel li jtemm l-esklużività tal-kuntratt minflok jirrevoka l-liċenzja jew it-trasferiment tad-drittijiet.

4.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika jekk in-nuqqas ta' sfruttament ikun l-aktar minħabba ċirkostanzi li l-awtur jew l-artist jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jirrimedjaw.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kull dispożizzjoni kuntrattwali li tidderoga mill-mekkaniżmu ta' revoka prevista fil-paragrafu 1 hija infurzabbli biss jekk tkun ibbażata fuq ftehim ta' negozjar kollettiv.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet komuni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali li tipprevjeni l-konformità mal-Artikoli 19, 20 u 21m'għandhiex tkun infurzabbli b'rabta mal-awturi u l-artisti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-Artikoli 18 sa 22 ta' din id-Direttiva ma japplikawx għal awturi ta' programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/24/KE.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Emendi għad-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE

1.   Id-Direttiva 96/9/KE hija emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 6(2), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

meta jsir użu għall-fini biss ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u kemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih;, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(*1)  Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).”."

(b)

Fl-Artikolu 9, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

fil-każ ta' estrazzjoni għall-finijiet ta' illustrazzjoni għal tagħlim jew riċerka xjentifika, sakemm ikun indikat l-oriġini tal-materjal u sakemm ikun ġustifikat għall-fini mhux kummerċjali maħsub għalih, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;”

2.   Id-Direttiva 2001/29/KE hija emendata kif ġej:

(a)

Fl-Artikolu 5(2), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

rigward l-atti speċifiċi ta' riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(*2)  Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).”."

(b)

Fl-Artikolu 5(3), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

użu għall-iskop uniku ta' illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, inkluż l-isem tal-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Direttiva (UE) 2019/790;”

(c)

Fl-Artikolu 12(4), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790 dwar il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe diffikultajiet fit-traspożizzjoni;

(f)

biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar żviluppi rilevanti fil-leġislazzjoni u fil-każistika, kif ukoll fuq l-applikazzjoni prattika tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/790;

(g)

biex jiddiskuti kwalunkwe mistoqsija oħra li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/790.”.

Artikolu 25

Relazzjoni ma' eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti f'direttivi oħrajn

L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet usa', kompatibbli mal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, għal użi jew oqsma koperti mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti minn din id-Direttiva

Artikolu 26

Applikazzjoni fiż-żmien

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fir-rigward tax-xogħlijiet u materjal ieħor kollha li huma protetti mil-liġi nazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, fi jew wara s-7 ta' Ġunju 2021.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub qabel is-7 ta' Ġunju 2021.

Artikolu 27

Dispożizzjoni tranżitorja

Ftehimiet għal-liċenzja jew it-trasferiment tad-drittijiet tal-awturi u l-artisti għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tat-trasparenza stabbilit fl-Artikolu 19 sa mis-7 ta' Ġunju 2022.

Artikolu 28

Protezzjoni tad-data personali

L-ipproċessar tad-data personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 29

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-7 ta' Ġunju 2021. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 30

Rieżami

1.   Mhux aktar tard mis-7 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha, sas-7 ta' Ġunju 2024, tivvaluta l-impatt tar-reġim ta' responsabbiltà speċifiku stabbilit fl-Artikolu 17 applikabbli għall-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li għandhom fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun u li s-servizzi tagħhom ilhom disponibbli għall-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin skont l-Artikolu 17(6) u, jekk xieraq, għandha tieħu azzjoni skont il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja għall-preparazzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  ĠU C 207, 30.6.2017, p. 80.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.

(4)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(5)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(7)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(8)  Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16)..

(9)  Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 2012.10.27, p. 5).

(10)  Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' April 2012 li permezz tiegħu l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) jiġi fdat b'ċerti kompiti relatati mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inkluż it-tlaqqigħ ta' rappreżentanti mis-settur pubbliku u privat bħala Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (ĠU L 129, 16.5.2012, p. 1).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(15)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(18)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(19)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

(20)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).


Top