EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0407

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/407 tal-4 ta' Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali

ST/10784/2018/INIT

OJ L 73, 15.3.2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/407/oj

Related international agreement

15.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/407

tal-4 ta' Marzu 2019

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija kompetenti b'mod esklużiv, taħt il-Politika Komuni tas-Sajd, li tadotta miżuri għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u biex tidħol fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali f'dan ir-rigward.

(2)

Skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 98/392/KE (2) u 98/414/KE (3), l-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 (“il-Konvenzjoni”) u tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982, relattivament għall-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna (“il-Ftehim dwar l-Istokkijiet tal-Ħut”). Kemm il-Konvenzjoni kif ukoll il-Ftehim dwar l-Istokkijiet tal-Ħut jirrikjedu li l-Istati jikkooperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Il-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (“il-Ftehim”) jwettaq dan l-obbligu.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi li l-Unjoni għandha tmexxi r-relazzjonijiet esterni tagħha dwar is-sajd f'konformità mal-obbligi internazzjonali u mal-objettivi ta' politika tagħha, kif ukoll f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta' dak ir-Regolament, sabiex jiġu żgurati l-isfruttar sostenibbli, il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tal-ambjent tal-baħar. Il-Ftehim huwa konsistenti ma' dawk l-objettivi.

(4)

Fil-31 ta' Marzu 2016, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, ftehim internazzjonali għall-prevenzjoni tas-sajd mhux regolat fl-ibħra miftuħa fl-Oċean Artiku ċentrali. Dawk in-negozjati ġew konklużi pożittivament fit-30 ta' Novembru 2017. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1257 (5), il-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali ġie ffirmat fit-3 ta' Ottubru 2018, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(5)

L-adeżjoni mal-Ftehim tkun tippromwovi konsistenza fl-approċċ tal-Unjoni rigward il-konservazzjoni fl-oċeani kollha u ssaħħaħ l-impenn tagħha għall-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar globalment.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (“il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrumenti ta' approvazzjoni previsti fl-Artikoli 15 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ANTON


(1)  Approvazzjoni tat 12 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta' Lulju 1994 li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta' Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 li għandha x'taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1257 tat-18 ta' Settembru 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (ĠU L 238, 21.9.2018, p. 1).


Top