EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0076

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/76 tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Barbados li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

ST/12386/2017/INIT

OJ L 18, 21.1.2019, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/76/oj

Related international agreement

21.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/76

tal-20 ta' Diċembru 2018

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Barbados li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu 2009/898/KE (2), il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (3) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jipprevedi vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Barbados meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) introduċa bidliet orizzontali fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn għal perjodu qasir bħala massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

(3)

Huwa neċessarju li din id-definizzjoni l-ġdida tiġi inkorporata fil-Ftehim sabiex ir-reġim ta' soġġorn għal perjodu qasir tal-Unjoni jkun armonizzat kompletament.

(4)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni Ewropea, ftehim ma' Barbados li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (“il-Ftehim emendatorju”).

(5)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2084 (5), il-Ftehim emendatorju ġie ffirmat.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (6); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (7); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

IJenħtieħ li l-Ftehim emendatorju jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Barbados li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim emendatorju huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2 tal-Ftehim emendatorju (8).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)  Il-kunsens ingħata fit-23 ta' Ottubru 2018.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/898/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 40).

(3)  ĠU L 169, 30.6.2009, p. 10.

(4)  Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal- fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2084 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Barbados li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Barbados dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (ĠU L 297, 15.11.2017, p. 3).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(8)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendatorju ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Dikjarazzjoni tal-Unjoni dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/2226 li jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 daħal fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 2017.

Bħala konsegwenza, sa mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 (1), għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ ser ifisser l-Istati Membri li joperaw is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ fil-fruntieri esterni. Il-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum ser jiġi kkalkulat b'kont meħud tal-perijodu ta' soġġorn fl-Istati Membri kollha li joperaw is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ fil-fruntieri esterni.


(1)  Id-data tal-applikazzjoni ser tiġi deċiża mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2017/2226.


Top