EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1437

Riżoluzzjoni (UE) 2018/1437 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2016

OJ L 248, 3.10.2018, p. 351–353 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1437/oj

3.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/351


RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1437 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-18 ta’ April 2018

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2016

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika għas-sena finanzjarja 2016,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0071/2018),

A.

billi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (l-“Impriża Konġunta”) ġiet stabbilita bħala sħubija pubblika-privata bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 (1) għal perjodu ta’ għaxar snin bl-għan li tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u li tikkontribwixxi biex l-Unjoni tiġi stabbilita bħala protagonist fundamentali fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u d-diffużjoni tal-prodotti b’bażi bijoloġika u l-bijofjuwils avvanzati;

B.

billi, skont l-Artikoli 38 u 43 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, li ġew adottati bid-deċiżjoni tal-bord ta’ tmexxija tagħha fl-14 ta’ Ottubru 2014, l-Impriża Konġunta hija rikjesta tipprepara u tadotta l-kontijiet annwali tagħha stess li jkunu tħejjew mill-uffiċjal tal-kontabilità tagħha li jinħatar mill-bord ta’ tmexxija;

C.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab industrijali, rappreżentati mill-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika (il-“BIC”);

Ġenerali

1.

Jinnota li l-kontribuzzjoni massima mill-UE għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta’ EUR 975 000 000, li għandha titħallas mill-programm Orizzont 2020; jinnota li l-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi ta’ mill-inqas EUR 2 730 000 000 matul il-perjodu ta’ stabbiliment tal-Impriża Konġunta, li jikkonsistu f’mill-inqas EUR 975 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta u mill-inqas EUR 1 755 000 000 ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta;

2.

Jinnota li 29 mill-65 proposta miżmuma mis-sejħa ta’ proposti tal-2016 kienu fl-istadju ta’ tħejjija tal-ftehim ta’ għotja sa tmiem l-2016; barra minn hekk, jinnota li sal-bidu tal-2017, il-programm tal-Impriża Konġunta jkollu portafoll ta’ 65 proġett għaddej b’total ta’ 729 parteċipant minn 30 pajjiż b’valur ta’ għotja totali ta’ EUR 414 000 000;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.

Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 (ir-“rapport tal-Qorti”) jgħid li l-kontijiet annwali 2016 tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2016 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi ta’ flus tagħha għal tmiem is-sena, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli tal-kontabilità tagħha adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

4.

Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jipprevedu li l-baġit finali tal-2016 għandu jkun disponibbli għall-implimentazzjoni u għandu jinkludi EUR 194 295 870 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 67 196 187 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament u, minn dawn, ir-rati ta’ użu għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament kienu 97,1 % u 95,8 % rispettivament;

5.

Josserva li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament intużaw prinċipalment għall-prefinanzjament tal-ftehimiet ta’ għotja li rriżultaw mis-sejħiet għal proposti tal-2014 u l-2015;

6.

Jinnota li ġew iffirmati għaxar ftehimiet ta’ għotja għal valur totali ta’ EUR 49 653 711 u nżammu tliet proposti għal finanzjament f’Diċembru 2015 għal valur totali ta’ EUR 73 741 237;

7.

Jinnota li, sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-ebda kontribuzzjoni in natura ma ġiet irrapportata minn membri lill-Impriża Konġunta, apparti l-Unjoni; jinnota li l-Impriża Konġunta daħħlet fil-kontijiet tagħha l-istima tal-kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 7 833 127, abbażi tal-istimi rrapportati sal-31 ta’ Jannar 2017;

8.

Jesprimi ftit tħassib minħabba li diversi membri tal-industrija li qed jipparteċipaw fil-proġetti tal-Impriża Konġunta ma setgħux jirrapportaw il-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom sal-iskadenza speċifika, jew għaliex il-kontijiet tal-2016 tagħhom stess kienu għadhom ma ngħalqux, inkella għaliex il-proġetti kienu bdew lejn tmiem l-2016; jirrikonoxxi li l-iskadenza tar-rapportar tal-31 ta’ Jannar jeħtieġ li tiġi riveduta f’każ ta’ proposti leġislattivi futuri biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 560/2014; jikkonstata li f’dawk il-każijiet, l-Impriża Konġunta applikat il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-istandards tal-kontabilità u għamlet stima pro rata abbażi tal-ispejjeż tal-proġett; madankollu, jitlob li l-membri tal-industrija jsibu mod kif iqisu l-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom biex din il-problema ma tibqax isseħħ;

9.

Jinnota li mid-EUR 975 000 000 tal-fondi tal-programm Orizzont 2020 allokati lill-Impriża Konġunta, sa tmiem l-2016, l-Impriża Konġunta għamlet impenji ta’ EUR 414 300 000 (42,5 %) u pagamenti ta’ EUR 79 500 000 (8 % tal-fondi allokati) għall-implimentazzjoni tal-ewwel mewġa ta’ proġetti tagħha;

10.

Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li mill-kontribuzzjonijiet ta’ EUR 975 000 000 li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet operattivi u l-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta, il-membri tal-industrija kienu rrapportaw kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 15 400 000 għall-attivitajiet operattivi, u l-bord ta’ tmexxija kien ivvalida kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-membri għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ta’ EUR 3 000 000; jiddispjaċih dwar il-livell baxx ta’ kontribuzzjonijiet in natura li huwa konsegwenza tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-Impriżi Konġunti kienu għadhom biss fl-istadji preliminari tagħhom fl-2016; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li r-Regolament (UE) Nru 560/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika ġie emendat mill-Kunsill bir-Regolament (UE) 2018/121 (2) fit-23 ta’ Jannar 2018 aktar kmieni din is-sena, bl-għan li jittejjeb il-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tas-settur privat; jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet in natura u l-pagamenti li saru;

11.

Jiddispjaċih jinnota li, sa tmiem l-2016, il-kontribuzzjoni totali mill-membri tal-industrija ammontat għal EUR 313 200 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus tal-Unjoni ta’ EUR 65 000 000 li huwa konsegwenza tal-fatt li l-membri tal-industrija kienu diġà ddikjaraw ammont sinifikanti ta’ kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali meta mqabbel mal-input tal-Unjoni; jittama li s-sitwazzjoni terġa’ lura għal waħda ta’ bilanċ fis-snin li ġejjin;

Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

12.

Jinnota li sa tmiem l-2016, il-persunal tal-Impriża Konġunta kien kważi komplet, b’20 post okkupat minn total ta’ 22 post allokat lill-Impriża Konġunta mit-tabella tal-persunal; jilqa’ l-fatt li l-objettiv stabbilit fil-programm ta’ ħidma annwali 2016 intlaħaq bis-sħiħ, bir-reklutaġġ ta’ 13-il aġent temporanju u 8 aġenti kuntrattwali minn 10 Stati Membri;

Awditu intern

13.

Jinnota li fil-11 ta’ April 2016, il-bord ta’ tmexxija rratifika l-karta dwar il-missjonijiet tas-servizz ta’ awditjar intern u, matul Lulju u Awwissu 2016, is-servizz tal-awditjar intern wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju li jkopri l-proċessi ewlenin tal-uffiċċju responsabbli għall-programmi, kemm dawk operattivi kif ukoll dawk amministrattivi;

Kontroll intern

14.

Jesprimi sodisfazzjon rigward il-fatt li l-uffiċċju responsabbli għall-programmi laħaq l-objettivi prijoritarji kollha stabbiliti fil-Programm ta’ Ħidma Annwali 2016 għas-sistemi ta’ kontroll intern;

Qafas ġuridiku

15.

Japprezza l-fatt li fl-2016 il-funzjoni tar-riżorsi umani kompliet issaħħaħ il-qafas ġuridiku b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għall-Impriża Konġunta; jilqa’ l-fatt li, f’dan ir-rigward, fl-2016 il-bord ta’ tmexxija adotta disa’ regoli ta’ implimentazzjoni ġodda;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

16.

Jinnota li, wara li f’Ġunju 2011 il-Kummissjoni adottat strateġija kontra l-frodi, l-ewwel strateġija komuni kontra l-frodi fil-qasam tar-riċerka ġiet adottata f’Lulju 2012, u ġiet aġġornata f’Marzu 2015 biex tieħu kont tal-bidliet li ġew introdotti mill-programm Orizzont 2020; jilqa’ l-fatt li l-istrateġija kontra l-frodi fil-qasam tar-riċerka tinkludi pjan ta’ azzjoni li għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni mal-membri kollha tal-familja tar-riċerka;

Komunikazzjoni

17.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Impriża Konġunta tikkomunika maċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, rigward ir-riċerka u l-kollaborazzjoni sinifikanti li qed twettaq; jisħaq fuq l-importanza li ssir enfasi fuq it-titjib reali miksub b’konsegwenza tal-ħidma tagħha, li huwa parti importanti mill-mandat tagħha, kif ukoll il-fatt li taħdem ma’ impriżi konġunti oħra fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-benefiċċji tax-xogħol tagħhom;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programm Orizzont 2020 fil-qasam ta’ aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-impriżi konġunti.

(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Industriji Biosessjati (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/121 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 560/2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Industriji Bijomatiċi (ĠU L 22, 26.1.2018, p. 1).


Top