EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018BP1344

Riżoluzzjoni (UE) 2018/1344 tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2016

OJ L 248, 3.10.2018, p. 168–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2018/1344/oj

3.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/168


RIŻOLUZZJONI (UE) 2018/1344 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-18 ta’ April 2018

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2016

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2016,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-rieżami rapidu tal-każ dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis b’5 % tal-persunal ippubblikat fil-21 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0069/2018),

A.

billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (l-“Uffiċċju”) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta’ EUR 4 246 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 5,69 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit kollu tal-Uffiċċju kien derivat mill-baġit tal-Unjoni għall-2016;

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2016 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, f’Marzu 2016, l-Uffiċċju nieda proċedura ta’ akkwist bil-għan li jiġi ffirmat kuntratt qafas wieħed (FWC) maż-żewġ skejjel internazzjonali eżistenti li jinsabu f’Riga għat-tfal tal-persunal tiegħu; jinnota li filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-offerta jiddikjaraw li l-Uffiċċju jkun jistabbilixxi kuntratt qafas multiplu partikolari f’sensiela ma’ żewġ operaturi ekonomiċi, il-kriterji tal-għoti ddikjaraw li l-għażla tal-iskola qiegħda f’idejn il-ġenituri; josserva li, konsegwentement, il-FWC ta’ EUR 400 000, li ġie ffirmat f’Lulju 2016, huwa bbażat fuq kunċetti kontradittorji, li jikkawża inċertezza tad-dritt għall-Uffiċċju u għall-iskejjel; jinnota, barra minn hekk, li FWC ma kienx meħtieġ f’dan il-każ; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-risposta tal-Uffiċċju skont liema se juża, fil-futur, ftehimiet ta’ servizz dirett mal-iskejjel mingħajr akkwist;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 96,20 %, li tfisser żieda ta’ 0,55 % meta mqabbla mas-sena 2015; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 77,19 %, li tfisser tnaqqis ta’ 3,12 % meta mqabbla mal-2015;

3.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Uffiċċju ffirma kuntratt ta’ EUR 60 000 għall-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ professjonali u konsulenza relatati mar-riżorsi umani f’Marzu 2016; huwa mħasseb bil-fatt li l-proċedura ta’ akkwist kienet esklużivament ibbażata fuq il-prezz; jenfasizza li l-involviment ta’ konsulent mingħajr ma jitqiesu l-kompetenza u l-għarfien espert bħala kriterji tal-għoti ma jiżgurax l-aħjar valur għall-flus; jilqa’ pożittivament ir-reazzjoni tal-Uffiċċju biex itemm il-kuntratt qafas u jistabbilixxi strateġija differenti biex jikseb is-servizzi neċessarji;

4.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-proviżjonijiet baġitarji tal-2014 għall-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li għandhom status ta’ osservatur fl-Uffiċċju ma mmaterjalizzawx fin-nuqqas ta’ ftehimiet mal-pajjiżi tal-EFTA;

Impenji u riporti

5.

Jinnota li, skont l-Uffiċċju, ir-riport totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għall-2016 ammonta għal EUR 615 957,25; jirrimarka li EUR 44 869,19 (7,29 %) tal-approprjazzjonijiet riportati ġew kanċellati;

6.

Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b’mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Uffiċċju u kkomunikati lill-Qorti;

Politika tal-persunal

7.

Jinnota li fi tmiem l-2016, l-Uffiċċju impjega 27 membru tal-persunal (fosthom aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati); jinnota li b’segwitu għat-tqaċċit implimentat fl-2015, meta n-numru ta’ postijiet tax-xogħol tnaqqas b’wieħed, l-Uffiċċju kellu jagħmel tqaċċit addizzjonali, peress li dan tal-aħħar kien ukoll rikjest jikkontribwixxi b’post wieħed lir-riserva ta’ riallokazzjoni tal-Aġenziji;

8.

Josserva bi tħassib li l-Uffiċċju ntlaqat negattivament mill-ogħla rata possibbli ta’ tqaċċit skont ir-rapport tal-Qorti rigward l-implimentazzjoni tat-tnaqqis b’5 % tal-persunal ippubblikat fil-21 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri tqaċċit ta’ 12,5 %, indipendentement mill-fatt li r-Regolament (UE) 2015/2120 assenja kompiti addizzjonali lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi mingħajr aġġustament tar-riżorsi tal-Uffiċċju f’dan is-sens; jisħaq fuq il-bżonn ta’ riżorsi umani adegwati bil-għan li jkun żgurat li l-Uffiċċju jaqdi l-mandat tiegħu filwaqt li l-operat ta’ kuljum tiegħu jibqa’ jsir mingħajr intoppi;

9.

Josserva mill-organigramma li 14-il post (mit-total ta’ 5-il post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta’ Diċembru 2016, kif kien il-każ fl-2015;

10.

Jinnota li fit-30 ta’ Mejju 2017 il-proporzjon bejn nisa u rġiel kien 42,31 % fil-każ tan-nisa u 57,69 % fil-każ tal-irġiel; josserva bi tħassib, madankollu, li l-proporzjon bejn nisa u rġiel fil-kumitat ta’ tmexxija kien ta’ 28 % għal 72 %;

11.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2016, il-medja ta’ snin ta’ impjieg fl-Uffiċċju kien ta’ 2,58 u d-dawran tal-persunal kien għoli, jiġifieri 25 %; jinnota li din is-sitwazzjoni taffettwa l-effiċjenza tal-Uffiċċju u toħloq riskji għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma tiegħu; jirrikonoxxi li raġuni possibbli għal dawran ta’ persunal għoli hija l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni tas-salarji li jiġi applikat fl-Istat ospitanti (73 % fl-1 ta’ Lulju 2016); jinnota li l-Uffiċċju jirrikonoxxi li d-dawran tal-persunal huwa fattur ta’ riskju, li ġie rreġistrat fir-reġistru tar-riskju bħala riskju sinifikanti u d-diriġenti qegħdin jaħdmu kontinwament fuq l-introduzzjoni ta’ tekniki ta’ mitigazzjoni; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet meħudin jew ppjanati biex jiġi mitigat ir-riskju u tiġi indirizzata l-kwistjoni taż-żamma tal-persunal b’mod xieraq;

12.

Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Uffiċċju; jisħaq fuq il-fatt li l-baġit li ntefaq għall-attivitajiet ta’ benesseri jammonta għal madwar EUR 827,60 li jikkorrispondu għal jumejn; josserva li l-medja ta’ ġranet ta’ liv minħabba mard huwa 2,82 għal kull membru tal-persunal għall-unità tal-amministrazzjoni u l-finanzi u 6,23 għal kull membru tal-persunal għall-unità tal-ġestjoni tal-programmi; jistieden lill-Uffiċċju jispjega r-raġunijiet wara din id-differenza;

13.

Japprezza l-fatt li l-Uffiċċju adotta regoli ta’ implimentazzjoni ġodda dwar il-politiki dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; isostni s-sessjoni ta’ taħriġ organizzata biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal u jissuġġerixxi l-organizzazzjoni perjodika ta’ sessjoni ta’ taħriġ u informazzjoni dwar il-kwistjoni;

14.

Jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li l-Uffiċċju ma rċieva l-ebda lment, azzjoni legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta’ membri tal-persunal fl-2016;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, trasparenza u demokrazija

15.

Jinnota li ġie żviluppat abbozz ta’ politika interna dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u dan ġie notifikat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif rikjest mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (2); japprezza l-fatt li l-Uffiċċju organizza sessjonijiet ta’ taħriġ interni dwar il-valuri etiċi, il-kunflitti ta’ interess, il-prevenzjoni ta’ frodi u l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta;

16.

Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-Uffiċċju inkluda kapitolu dwar it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fir-Rapport Konsolidat ta’ Attività Annwali tal-2016;

Riżultati ewlenin li nkisbu

17.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tliet riżultati tal-2016 b’appoġġ lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), partikolarment:

appoġġ lill-BEREC fl-adozzjoni ta’ Linji Gwida dwar in-newtralità tal-internet, inkluż fl-ipproċessar tan-numru għoli ta’ kontributi kif qatt qabel (kważi 500 000) li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika li saret fil-perjodu li jmur mis-6 ta’ Ġunju sat-18 ta’ Lulju 2016 u fil-qasam tar-roaming, biex b’hekk lill-utent finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jingħatawlu vantaġġi ġodda;

kummissjonament ta’ żewġ studji dwar in-newtralità tal-internet u fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet;

tkomplija tal-espansjoni tal-politika ta’ trasparenza tiegħu, inkluża permezz tal-implimentazzjoni tal-aġġornament ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u ta’ pjan ta’ komunikazzjoni tal-BEREC;

Kontrolli interni

18.

Jikkonstata li fl-2015 l-Uffiċċju kompla l-isforzi tiegħu biex jikseb konformità totali mal-qafas tal-Istandards ta’ Kontroll Intern (ICSs) u fil-bidu tal-2016 is-Servizz ta’ Awditjar Intern (IAS) għalaq ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar l-implimentazzjoni tal-ICSs; japprezza li fl-2016 l-Uffiċċju kkummissjona konsulent indipendenti biex issir valutazzjoni tal-ICSs li twettqet f’Novembru u f’Diċembru 2016; jilqa’ pożittivament il-fatt li l-konsulent indipendenti kkonkluda li, fuq livell ġenerali, l-ICSs huma implimentati b’mod effikaċi;

Awditu intern

19.

Jinnota li l-IAS għamel eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju sħiħa li kopra l-proċessi ewlenin tal-Uffiċċju, kemm dawk operattivi, skont il-missjoni tiegħu, kif ukoll dawk amministrattivi, biex jingħata appoġġ lill-kompiti operattivi; jinnota li, fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u fid-dawl tal-profil ta’ riskju tal-Uffiċċju, l-IAS baxxa n-numru ta’ missjonijiet ta’ awditjar għall-ġejjieni u biħsiebu jagħmel massimu ta’ żewġ missjonijiet ta’ assigurazzjoni fil-perjodu ta’ tliet snin;

20.

Jinnota b’sodisfazzjon li sa tmiem l-2016, l-Uffiċċju kien ħa l-passi kollha neċessarji u ppreżenta r-risposti għar-rakkomandazzjonijiet miftuħa kollha li jidderivaw mill-missjoni ta’ awditjar tal-2015 u konsegwentement, l-awdituri tal-IAS irrakkomandaw l-għeluq tal-punti miftuħa;

Kummenti oħra

21.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Uffiċċju għandu, flimkien mal-Kummissjoni, iqis il-possibbiltà li jikkummissjona evalwazzjoni esterna perjodika tal-prestazzjoni mill-inqas kull ħames snin, bħalma huwa l-każ għall-biċċa l-kbira mill-aġenziji l-oħra; japprezza li l-Uffiċċju diġà qiegħed jikkoopera mal-Kummissjoni għall-evalwazzjonijiet futuri;

22.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  ĠU C 113, 30.3.2016, p. 159.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0133 (ara paġna 393 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top