EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1120

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1120 tal-10 ta' Awwissu 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tal-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/5256

OJ L 204, 13.8.2018, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1120/oj

13.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1120

tal-10 ta' Awwissu 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tal-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-frażi ta' introduzzjoni tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (3) jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru u l-lista ta' pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dawn il-kunsinni.

(2)

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li huma awtorizzati jintroduċu fl-Unjoni kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru u jindika t-tip ta' trattament meħtieġ għal dawn il-komoditajiet.

(3)

Il-Bożnija-Ħerzegovina hija diġà elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 u hija awtorizzata tesporta lejn l-Unjoni l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jkunu għaddew mit-trattament “C”.

(4)

Il-Bożnija-Ħerzegovina għamlet talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tesporta ħalib, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti bbażati fuq il-kolostru lejn l-Unjoni, li jkunu għaddew minn trattament inqas strett. Mill-perspettiva tas-saħħa tal-annimali, il-Bożnija-Ħerzegovina hija pajjiż terz elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali bħala li huwa ħieles mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD) mingħajr ma għandu rekwiżit ta' politika ta' vaċċini u għalhekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' importazzjoni tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni wettqet kontrolli veterinarji fil-Bożnija-Ħerzegovina. Ir-riżultati tat-tali kontrolli wrew ċerti nuqqasijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' saħħa pubblika fl-istabbilimenti. L-awtoritajiet kompetenti fil-Bożnija-Ħerzegovina jinsabu fil-proċess li jindirizzaw tali nuqqasijiet.

(6)

Madankollu, abbażi tas-sitwazzjoni favorevoli tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bożnija-Ħerzegovina, huwa xieraq li l-Bożnija-Ħerzegovina jiżdied mal-Kolonna A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. Jenħtieġ li din iż-żieda mal-lista tal-Anness I tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni, u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali, b'mod partikolari dawk li huma relatati mal-elenkar tal-istabbilimenti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 605/2010 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tabella stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, l-entrata għall-Bożnija-Ħerzegovina hija sostitwita b'dan li ġej:

“BA

Il-Bożnija-Ħerzegovina

+

+

+”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).


Top