EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1118

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1118 tas-7 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal tnaqqis tal-livell tal-garanzija komprensiva u tar-rinunzja tal-garanzija

C/2018/3568

OJ L 204, 13.8.2018, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1118/oj

13.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1118

tas-7 ta' Ġunju 2018

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal tnaqqis tal-livell tal-garanzija komprensiva u tar-rinunzja tal-garanzija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 99(c) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati minn operatur ekonomiku sabiex ikun awtorizzat jipprovdi garanzija komprensiva biex jiżgura l-ħlas tad-dejn doganali u ta' ħlasijiet oħrajn. L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jistabbilixxi kriterji ulterjuri, li l-operaturi ekonomiċi jridu jissodisfaw sabiex ikunu awtorizzati jipprovdu tali garanzija komprensiva b'ammont imnaqqas jew biex ikollhom rinunzja tal-garanzija fir-rigward ta' djun doganali u ħlasijiet oħrajn li jistgħu jġarrbu. Wieħed minn dawk il-kriterji huwa l-kriterju tas-solvenza finanzjarja (2). Dan il-kriterju jitqies bħala ssodisfat meta l-applikant ikollu qagħda finanzjarja tajba, li tippermettilu jonora l-impenji tiegħu, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi tat-tip ta' attività kummerċjali kkonċernata.

(2)

Fil-kuntest ta' applikazzjoni għal tnaqqis tal-garanzija komprensiva jew għal rinunzja tal-garanzija, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet doganali jivvalutaw jekk l-applikant għandux il-kapaċità li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħra jekk dan ikun meħtieġ.

(3)

L-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn operatur ekonomiku sabiex jiġi awtorizzat juża garanzija komprensiva b'ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija. Minbarra l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti abbażi tal-kriterju dwar is-solvenza finanzjarja, dan jirrikjedi li l-applikant juri li għandu biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-ammont tad-dejn doganali u ta' ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija li jista' jġarrab. Madankollu, l-esperjenza prattika mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 turi li din il-kundizzjoni hija wisq restrittiva peress li hija interpretata bħala limitata għall-ħtieġa li wieħed ikollu l-likwidità neċessarja disponibbli. Il-likwidità mhux dejjem tirrappreżenta l-kapaċità unika ta' operatur ekonomiku li jħallas l-ammont tad-dejn doganali jew ħlasijiet oħrajn li mhumiex koperti mill-garanzija. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll elementi oħra bħall-assi li jistgħu jinbidlu faċilment. Għalhekk jenħtieġ li l-element tal-likwidità jitqies bħala kundizzjoni awtonoma u tingħata kjarifika b'tali mod li l-valutazzjoni tal-kapaċità li l-operatur jissodisfa l-obbligi tiegħu li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija tkun integrata fil-valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-applikant.

(4)

Fl-istess ħin u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dawn ir-regoli, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-valutazzjoni tal-kundizzjoni dwar “qagħda finanzjarja suffiċjenti” f'relazzjoni mal-kapaċità tal-operatur ekonomiku li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija li jista' jġarrab, hija speċifika għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal garanzija komprensiva b'ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija (simplifikazzjoni). Dan huwa meħtieġ biex jiġu ddefiniti l-limiti tal-valutazzjoni fil-qafas tal-garanziji komprensivi b'kull livell ta' tnaqqis.

(5)

F'sitwazzjonijiet fejn l-ammont ta' referenza stabbilit f'konformità mal-Artikolu 155 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4) ikun sproporzjonat fir-rigward tal-ammonti ta' djun doganali potenzjali li x'aktarx jiġġarrbu, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jqisu r-riskju tat-tiġrib ta' dejn doganali, skont id-diskrezzjoni tagħhom, sabiex jiddeċiedu dwar il-livell tat-tnaqqis.

(6)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-AEO ma għandux ikun soġġett għal duplikazzjoni tal-proċeduri tal-valutazzjoni f'konformità mal-Artikolu 38(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, filwaqt li jibqa' possibbli li l-awtoritajiet doganali, qabel ma jagħtu s-simplifikazzjonijiet speċifiċi li l-AEO jistgħu jkunu jixtiequ jibbenefikaw minnhom, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għal dik is-simplifikazzjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (f);

(2)

fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt (g);

(3)

fil-paragrafu 3, jitħassar il-punt (l);

(4)

jiddaħħlu l-paragrafi 3a u 3b li ġejjin:

“3a.   Meta jivverifikaw jekk l-applikant għandux qagħda finanzjarja suffiċjenti sabiex jingħata awtorizzazzjoni għall-użu ta' garanzija komprensiva b'ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija kif meħtieġ skont il-paragrafi 1(e), 2(f) u 3(k), l-awtoritajiet doganali għandhom iqisu l-kapaċità li applikant jissodisfa l-obbligi tiegħu tal-ħlas tad-djun doganali u ta' ħlasijiet oħrajn li jistgħu jiġġarrbu, li ma jkunux koperti minn dik il-garanzija.

Jekk ikun ġustifikat, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu r-riskju tat-tiġrib ta' dawk id-djun doganali u ta' ħlasijiet oħrajn filwaqt li jitqiesu t-tip u l-volum tal-attivitajiet kummerċjali relatati mad-dwana tal-applikant u tat-tip ta' prodotti li għalihom tenħtieġ il-garanzija.

3b.   Meta l-kundizzjoni dwar il-qagħda finanzjarja suffiċjenti tkun diġà ġiet ivvalutata bħala modalità tal-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 39(c) tal-Kodiċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw biss jekk il-qagħda finanzjarja tal-applikant tiġġustifikax l-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-użu ta' garanzija komprensiva b'ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija.”

(5)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit bil-paragrafu li ġej:

“4.   Meta l-applikant ikun ilu stabbilit inqas minn tliet snin, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1, fil-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2 u fil-punti (j) u (k) tal-paragrafu 3 għandu jiġi vverifikat abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni disponibbli.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  L-Artikolu 39(c) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


Top