EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0589

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/589 tat-18 ta' April 2018 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-metanol (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/2150

OJ L 99, 19.4.2018, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/589/oj

19.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/589

tat-18 ta' April 2018

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-metanol

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Jannar 2015, il-Polonja ressqet quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) dossier (2) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (minn hawn 'il quddiem “id-dossier tal-Anness XV”), sabiex tinbeda l-proċedura ta' restrizzjoni stabbilita fl-Artikoli 69 sa 73 ta' dak ir-Regolament. Id-dossier tal-Anness XV kien jindika li l-esponiment għall-metanol fi fluwidu tal-ħasil tal-windskrin u l-ispirtu metilizzat huwa ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u ppropona li t-tqegħid tagħhom fis-suq ikun projbit. Id-dossier tal-Anness XV wera li tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(2)

Ir-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV għandha l-għan li tnaqqas l-inċidenza ta' avvelenament serju mill-metanol wara l-konsum minn persuni alkoħoliċi kroniċi u xi kultant minn nies li mhumiex alkoħoliċi, ta' fluwidi għall-ħasil tal-windskrin jew ta' spirtu metilizzat użat bħala sostitut irħis għall-alkoħol li jista' jinxtorob. Ir-restrizzjoni hija mistennija wkoll li tipprevjeni l-avvelenament mill-metanol wara l-inġestjoni aċċidentali ta' fluwidi għall-ħasil tal-windskrin u l-ispirtu metilizzat, fosthom l-avvelenamenti fit-tfal. Id-dossier tal-Anness XV u l-konsultazzjoni pubblika rrappurtaw każijiet ta' avvelenament ikkawżat minn inġestjoni ta' fluwidi għall-ħasil tal-windskrin f'seba' Stati Membri u każijiet fatali f'minn tal-inqas żewġ Stati Membri.

(3)

Fl-4 ta' Diċembru 2015, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (“RAC”) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu li kkonkludiet li l-esponiment għall-metanol preżenti fi fluwidi għall-ħasil tal-windskrin u fl-ispirtu metilizzat f'konċentrazzjoni ta' 'l fuq minn 0,6 % bil-piż jippreżenta riskju ta' mewt, ta' tossiċità serja għall-għajnejn jew effetti severi oħra ta' avvelenament bil-metanol. L-RAC hu wkoll tal-parir li r-restrizzjoni proposta hija l-aktar miżura xierqa fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, kemm f'termini ta' effettività kif ukoll ta' prattikabbiltà.

(4)

Fil-11 ta' Marzu 2016, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta. Rigward l-ispirtu metilizzat, in-nuqqas ta' dejta soċjoekonomika fid-dossier tal-Anness XV u mill-konsultazzjoni pubblika kien ifisser li s-SEAC ma setax jevalwa l-impatt soċjoekonomiku tal-inklużjoni tiegħu fir-restrizzjoni proposta. Fir-rigward ta' fluwidi għall- ħasil tal-windskrin, is-SEAC qies li r-restrizzjoni proposta hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini tal-benefiċċji soċjoekonomiċi u l-kosti soċjoekonomiċi tagħha. B'mod ġenerali, is-SEAC qies li d-diverġenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jfixklu s-suq intern.

(5)

Il-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar tal-Aġenzija ġie kkonsultat matul il-proċess tar-restrizzjoni u l-opinjoni tiegħu tqieset, partikolarment biex fir-restrizzjoni proposta jiġu inklużi fluwidi użati biex titneħħa l-ġlata minn mal-windskrins.

(6)

Fit-28 ta' April 2016, l-Aġenzija ressqet l-opinjonijiet tal-RAC u tas-SEAC lill-Kummissjoni (3). Abbażi ta' dawn l-opinjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-preżenza tal-metanol fi fluwidi għall-ħasil tal-windskrin u għat-tneħħija tal-ġlata minn mal-windskrin jippreżenta riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem li jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod li jilħaq l-Unjoni kollha.

(7)

Il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta, b'mod partikolari sabiex jiġi permess il-bejgħ tal-istokkijiet u biex tkun żgurata komunikazzjoni adegwata fil-katina tal-provvista. Għaldaqstant l-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni għandha tiġi ddifferita.

(8)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  https://echa.europa.eu/documents/10162/78b0f856-3751-434b-b6bc-6d33cd630c85

(3)  https://echa.europa.eu/documents/10162/2b3f6422-ab4d-4b85-9642-ebe225070858


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiddaħħal din l-annotazzjoni ġdida:

“69.

Metanol

Nru CAS 67-56-1

Nru KE 200-659-6

Ma għandux jitqiegħed fis-suq għall-pubbliku ġenerali wara d-9 ta' Mejju 2018 fi fluwidi għall-ħasil tal-windskrin jew biex titneħħa l-ġlata, f'konċentrazzjoni ta' 0,6 % bil-piż jew aktar.”


Top