EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0507

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/507 tas-26 ta' Marzu 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

C/2018/1732

OJ L 83, 27.3.2018, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/507/oj

27.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/507

tas-26 ta' Marzu 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (minn hawn 'il quddiem in-“Nomenklatura Magħquda”), li hija stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tal-kapsuli, il-pastilji u l-pilloli magħmula minn prodotti tal-Kapitolu 15.

(3)

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi Magħquda C-410/08 sa C-412/08 (2), il-preparazzjonijiet tal-ikel li jistgħu jittieklu maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, magħmula prinċipalment minn żejt tal-ħxejjex jew tal-annimali miżjud bil-vitamini u ppreżentati f'dożi (kapsuli), iridu jiġu kklassifikati skont l-intestatura 2106 (“Preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band'oħra”).

(4)

F'dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, fil-każ tal-oġġetti kkonċernati, il-forma tal-preżentazzjoni hija fattur deċiżiv li turi l-funzjoni tagħhom bħala suppliment tal-ikel, peress li tiddetermina d-doża tal-preparazzjonijiet li jistgħu jittieklu, il-mod kif jiġu assorbiti u l-parti tal-ġisem fejn suppost jibdew jaħdmu. Għaldaqstant, il-qoxra hija element li, flimkien mal-kontenut tagħha, jiddetermina l-użu u l-karattru tal-oġġetti rispettivi. Il-fatt li l-materja prima, li minnha jsiru l-preparazzjonijiet li jistgħu jittieklu, hija koperta parzjalment bl-intestaturi 1515 u 1517 tan-NM ma jipprekludix li din tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2106. L-intestaturi 1515 u 1517 tan-NM ma jippermettux li titqies dik il-karatteristika tal-oġġetti.

(5)

Meta jiġu kklassifikati preparazzjonijiet oħra li jistgħu jittieklu magħmula minn prodotti tal-Kapitolu 15, li l-kompożizzjoni u l-għan tagħhom huma simili tal-prodotti inkwistjoni fis-sentenza msemmija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jkun fihom doża mkejla u li jiġu ppreżentati f'kapsuli, pastilji jew pilloli, jistgħu jfeġġu problemi tal-klassifikazzjoni tariffarja.

(6)

In-Noti ta' Spjega għas-Sistema Armonizzata li jikkonċernaw l-intestatura 2106 jiddikjaraw li dik l-intestatura tinkludi preparazzjonijiet, ta' spiss imsejħa “supplimenti tal-ikel” miżjuda b'vitamini u xi drabi bi kwantitajiet żgħar ħafna ta' komposti tal-ħadid li jitqiegħdu fi ppakkjar li jindika li huma intiżi sabiex iżommu kundizzjoni ta' saħħa tajba jew benesseri tal-ġisem.

(7)

Supplimenti tal-ikel magħmula mill-prodotti tal-Kapitolu 15, li huma ppreżentati f'dożi mkejla, bħal pereżempju, kapsuli, pastilji u pilloli, mhumiex koperti minn dak il-Kapitolu, għaliex il-forma speċifika tal-preżentazzjoni hija indikattiva tal-funzjoni tagħhom bħala suppliment tal-ikel. Is-supplimenti tal-ikel huma tip speċifiku ħafna ta' preparazzjonijiet tal-ikel imsemmija biss fin-Noti ta' Spjega għas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 2106 u ġeneralment ippreżentati f'dożi mkejla. B'hekk, il-preparazzjonijiet tal-ikel maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, ippreżentati f'dożi mkejla u magħmula minn prodotti tal-Kapitolu 15 ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalunkwe intestatura ta' dak il-Kapitolu u jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2106.

(8)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura Magħquda jirriflettu l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq. Dan inkiseb parzjalment bl-introduzzjoni tan-Nota Addizzjonali 5 fil-Kapitolu 21 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 698/2013 (3) u tan-Nota Addizzjonali 4 fil-Kapitolu 19 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1343 (4). Għal raġunijiet ta' konsistenza u uniformità ma' dawk il-miżuri preċedenti, jenħtieġ li tiddaħħal Nota Addizzjonali korrispondenti fil-Kapitolu 15.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li tiżdied Nota Addizzjonali ġdida fil-Kapitolu 15 tal-Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda sabiex tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tagħha fl-Unjoni.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 15 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-nota Addizzjonali 5 li ġejja:

5.

Il-preparazzjonijiet tal-ikel magħmula mill-prodotti tal-Kapitolu 15 ippreżentati f'dożi mkejla, bħal pereżempju kapsuli, pastilji u pilloli maħsuba biex jintużaw bħala supplimenti tal-ikel, huma esklużi minn dan il-Kapitolu. Il-karattru essenzjali ta' suppliment tal-ikel ma jingħatax biss mill-ingredjenti tiegħu, iżda wkoll bil-forma speċifika tal-preżentazzjoni tiegħu li turi l-funzjoni tiegħu bħala suppliment tal-ikel, peress li tiddetermina d-doża, il-mod kif jiġi assorbit u l-parti tal-ġisem fejn suppost jibda jaħdem. Dawn il-preparazzjonijiet tal-ikel iridu jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 2106 sakemm ma jkunux speċifikati jew inklużi band'oħra.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Is-Sentenza tas-17 ta' Diċembru 2009, Swiss Caps AG, C-410/08 sa C-412/08, ECLI:EU:C:2009:794.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 698/2013 tad-19 ta' Lulju 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 198, 23.7.2013, p. 35).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1343 tat-18 ta' Lulju 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 186, 19.7.2017, p. 1).


Top