EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0409

Regolament (UE) 2018/409 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni

OJ L 76, 19.3.2018, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0947

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/409/oj

19.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/1


REGOLAMENT (UE) 2018/409 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Marzu 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Fond ta' Garanzija għal azzjonijiet esterni (il-“Fond”) huwa regolat mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (2).

(2)

Il-Fond għandu ħlas annwali wieħed mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, imgħax fuq riżorsi tal-Fond investiti u ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti.

(3)

Jenħtieġ li d-dħul mill-primjum tar-riskju ġġenerat fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jibbenefikaw minn garanzija baġitarja tal-Unjoni jitħallas fil-Fond.

(4)

Jenħtieġ li fejn l-ammont tal-Fond jaqbeż l-10 % tat-total tal-kapital passiv pendenti tal-Unjoni, l-eċċess jintradd lura fil-baġit ġenerali tal-Unjoni sabiex jiġi protett aħjar il-baġit ġenerali tal-Unjoni kontra r-riskju potenzjali addizzjonali ta' inadempjenza tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jindirizzaw ir-reżiljenza ekonomika fit-tul tar-refuġjati, il-migranti, il-komunitajiet ospitanti u ta' transitu, u l-komunitajiet ta' oriġini bħala rispons strateġiku għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE, Euratom) Nru 480/2009 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 480/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

dħul mill-primjum tar-riskju ġġenerat taħt l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li għalihom l-Unjoni tipprovdi garanzija li hija rimunerata.”;

(2)

fl-Artikolu 3, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Jekk l-ammont tal-Fond jaqbeż l-10 % tat-total tal-kapital passiv pendenti tal-Unjoni, l-eċċess għandu jintradd lura fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-eċċess għandu jitħallas fi transazzjoni waħda lejn intestatura speċjali fid-dikjarazzjoni tad-dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-sena ‘n + 1’ abbażi tad-differenza ta' tmiem is-sena ‘n – 1’ bejn 10 % tat-total tal-kapital passiv pendenti tal-Unjoni u l-valur tal-assi netti tal-Fond, ikkalkolati fil-bidu tas-sena ‘n’.”;

(3)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tafda l-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond lill-BEI.

Sat-30 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni esterna indipendenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi talli tiġi fdata l-amministrazzjoni finanzjarja tal-assi tal-Fond u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli lill-Kummissjoni, lill-BEI, jew taħlita tat-tnejn, b'kont meħud tal-kriterji tekniċi u istituzzjonali rilevanti użati fit-tqabbil tas-servizzi ta' amministrazzjoni tal-assi, inklużi l-infrastruttura teknika, tqabbil tal-ispejjeż għas-servizzi mogħtija, il-qafas istituzzjonali, ir-rappurtar, il-prestazzjoni, ir-responsabbiltà u l-għarfien espert ta' kull istituzzjoni u l-mandati l-oħra ta' amministrazzjoni tal-assi għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn adatt, l-evalwazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn proposta leġislattiva.”;

(4)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri rapport annwali dwar l-amministrazzjoni tal-Fond matul is-sena kalendarja preċedenti. Ir-rapport annwali għandu jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja u informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Fond fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji, bħal informazzjoni dettaljata dwar il-kapital pendenti ta' self garantit jew l-assi tal-Fond matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ukoll il-konklużjonijiet u t-tagħlimiet meħuda. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-amministrazzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni u r-riskju tal-Fond fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti. Mill-2019 u kull tliet snin minn dik is-sena 'l quddiem, huwa għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-adegwatezza tal-mira ta' 9 % u tal-limitu ta' 10 % għall-Fond, kif imsemmija fit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 3 rispettivament.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Marzu 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2018.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).


Top