EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0801

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/801 tat-8 ta' Mejju 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (notifikata bid-dokument C(2017) 2894)

C/2017/2894

OJ L 120, 11.5.2017, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/801/oj

11.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/26


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/801

tat-8 ta' Mejju 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa

(notifikata bid-dokument C(2017) 2894)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Guignardia citricarpa Kiely (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), li wara l-approvazzjoni ta' kodiċi ġdid għan-nomenklatura fungali mill-Kongress Botaniku Internazzjonali (International Botanical Congress) sar magħruf bħala Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Phyllosticta citricarpa”, huwa organiżmu ta' ħsara elenkat fil-punt (c) 11 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE. Mhuwiex magħruf li jeżisti fl-Unjoni. Dan huwa l-aġent kawżattiv tal-marda tat-tikek suwed (black spot) fuq iċ-Ċitru u jirrappreżenta theddida sinifikanti għall-kultivazzjoni taċ-ċitru fl-Unjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 (2) tistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom għajr il-frott ta' Citrus aurantium L. u Citrus latifolia Tanaka (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ: “il-frott speċifikat”), li joriġina mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj, biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa.

(3)

Mill-adozzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, l-interċettazzjonijiet tal-Phyllosticta citricarpa ġew notifikati b'mod rikorrenti mill-Istati Membri bejn Mejju u Ottubru 2016, bħala riżultat tal-ispezzjonijiet tal-importazzjonijiet tagħhom tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina.

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat dawk l-interċettazzjonijiet rikorrenti u kkonkludiet li ċ-ċertifikazzjoni fitosanitarja tal-Arġentina ma ggarantitx biżżejjed in-nuqqas tal-Phyllosticta citricarpa. Għalhekk, is-salvagwardji fitosanitarji li bħalissa huma fis-seħħ fl-Arġentina mhumiex biżżejjed biex jipprevjenu l-introduzzjoni tal-Phyllosticta citricarpa fl-Unjoni.

(5)

B'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dak il-frott tkun soġġetta għal ċerti rekwiżiti. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jkunu l-istess bħar-rekwiżiti għall-frott speċifikat li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj u li japplikaw għall-frott speċifikat intiż għal finijiet oħra għajr l-ipproċessar industrijali f'meraq, kif ukoll għall-frott speċifikat intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq.

(6)

Peress li l-interċettazzjonijiet tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina saru fuq speċijiet u varjetajiet differenti, ma hemmx bżonn ta' ttestjar addizzjonali għal infezzjoni moħbija, kif inhu stabbilit fil-każ ta' frott speċifikat ta' Citrus sinensis (L.) Osbeck “Valencia” li joriġina mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj.

(7)

Għalhekk id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni jenħtieġ li japplikaw mill-5 ta' Ġunju 2017 biex l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, il-korpi uffiċjali responsabbli u l-operaturi kkonċernati jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/715 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott li joriġina mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj biex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa fl-Unjoni.”

(2)

Fl-Artikolu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

“frott speċifikat” tfisser frott ta' Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tagħhom, għajr il-frott ta' Citrus aurantium L. u Citrus latifolia Tanaka.”

(3)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-punti 16.4(c) u (d) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj, għajr il-frott intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq, għandu jiġi introdott fl-Unjoni skont l-Artikoli 4 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni.”

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina

Il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, li taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni li l-frott speċifikat joriġina f'għalqa ta' produzzjoni li kienet soġġetta għal trattamenti kontra l-Phyllosticta citricarpa mwettqa f'ħin xieraq sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni;

(b)

dikjarazzjoni li twettqet spezzjoni uffiċjali xierqa fl-għalqa ta' produzzjoni matul l-istaġun ta' tkabbir u li fil-frott speċifikat ma nstab l-ebda sintomu tal-Phyllosticta citricarpa sa mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' veġetazzjoni;

(c)

dikjarazzjoni li ttieħed kampjun f'xi punt minn meta jasal il-frott sa ma jiġi ppakkjat f'faċilitajiet ta' ppakkjar ta' mill-inqas 600 frotta ta' kull speċi għal kull 30 tunnellata, jew parti minnhom, kemm jista' jkun magħżula abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-Phyllosticta citricarpa u l-frott kollu li jkun ittieħed kampjun tiegħu u li juri xi sintomu, ikun ġie ttestjat u nstab ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara.”

(5)

Fl-Artikolu 6, it-titolu u l-paragrafu 1 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Rekwiżiti fl-Unjoni li jikkonċernaw l-ispezzjoni tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj

1.   Il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj għandu jiġi spezzjonat viżwalment fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (*1). Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjun ta' mill-inqas 200 frotta ta' kull speċi ta' frott speċifikat, f'lottijiet ta' 30 tunnellata l-wieħed, jew fuq parti minnhom, li jintgħażlu abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-Phyllosticta citricarpa.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati fil-Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).”"

(6)

Fl-Artikolu 7, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fil-każ tal-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Afrika t'Isfel u mill-Urugwaj, minbarra l-punti (a) u (b), trid tinżamm informazzjoni ddettaljata dwar it-trattamenti li jkunu saru qabel u wara l-ħsad.”

(7)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-punt 16.4(d) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, il-frott speċifikat li joriġina mill-Arġentina, mill-Brażil, mill-Afrika t'Isfel jew mill-Urugwaj intiż esklussivament għall-ipproċessar industrijali f'meraq, għandu jiġi introdott u mċaqlaq fl-Unjoni skont l-Artikoli 9 sa 17 ta' din id-Deċiżjoni.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-5 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/715 tal-11 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi miżuri fir-rigward ta' ċertu frott f'xi pajjiżi terzi biex jipprevjenu l-introduzzjoni fl-Unjoni u t-tixrid tal-organiżmu ta' ħsara Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (ĠU L 125, 13.5.2016, p. 16).


Top