EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0262

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/262 tas-6 ta' Frar 2017 li tiddetermina, għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, l-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/811/UE

OJ L 39, 16.2.2017, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/262/oj

16.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/262

tas-6 ta' Frar 2017

li tiddetermina, għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, l-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/811/UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea, kif stipulati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 ta' dawk il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 240(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Segretarju Ġenerali.

(2)

Sabiex tiġi promossa s-simplifikazzjoni amministrattiva u l-ġestjoni effettiva tal-persunal, is-Segretarju Ġenerali jenħtieġ li jkollu ambitu usa' li jiddelega s-setgħat tiegħu fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea (“il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg”) lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali jenħtieġ li jkun awtorizzat li jiddelega lid-Diretturi Ġenerali kollha s-setgħa li jiddeċiedu dwar riassenjazzjonijiet u trasferimenti interni skont il-ħtiġijiet tal-persunal fid-Direttorati Ġenerali tagħhom.

(3)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/811/UE (2) titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet ta' Impjieg lill-awtorità kompetenti li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ għandhom jiġu eżerċitati, fir-rigward tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill:

(a)

mill-Kunsill fir-rigward tas-Segretarju Ġenerali;

(b)

mill-Kunsill, fuq proposta mis-Segretarju Ġenerali, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 1a, 30, 34, 41, 49, 50 u 51 tar-Regolamenti tal-Persunal lid-Diretturi Ġenerali;

(c)

mis-Segretarju Ġenerali f'każijiet oħra.

2.   Is-Segretarju Ġenerali huwa awtorizzat li jiddelega, kompletament jew parzjalment, lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni kwalunkwe setgħa jew is-setgħat kollha tiegħu fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg.

3.   Is-Segretarju Ġenerali huwa awtorizzat li jiddelega lid-Diretturi Ġenerali kollha s-setgħa fir-rigward tar-riassenjazzjonijiet u t-trasferimenti fl-interess tas-servizz fi ħdan id-Direttorati Ġenerali rispettivi tagħhom f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2013/811/UE hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2017.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/811/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li tiddetermina għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill l-awtorità bis-setgħa ta' ħatra u l-awtorità bis-setgħa ta' konklużjoni tal-kuntratti ta' reklutaġġ u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/444/UE (ĠU L 355, 31.12.2013, p. 91).


Top