EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0098

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/98 tat-18 ta' Jannar 2017 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, qtates u inmsa (notifikata bid-dokument C(2017) 123) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0123

OJ L 16, 20.1.2017, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2019; Impliċitament imħassar minn 32019D0294

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/98/oj

20.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/37


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/98

tat-18 ta' Jannar 2017

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, qtates u inmsa

(notifikata bid-dokument C(2017) 123)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 lli tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) ta' Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/65/KEE tistipula li l-klieb, il-qtates u l-inmsa jridu jiġu impurtati fl-Unjoni minn territorji awtorizzati jew pajjiżi terzi biss u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa li jikkorrespondi għall-mudell imħejji skont il-proċedura msemmija f'din id-Direttiva. Il-Parti 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2013/519/UE (2) tistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali.

(2)

Fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali hemm referenza għat-test tar-rispons tal-immunità għal tilqim kontra l-marda tar-rabja li għandha issir fuq kampjuni tad-demm meħuda minn klieb, qtates u inmsa li ġejjin minn territorju jew pajjiż terz elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (3) jew fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (4) m jew li jkunu skedati li jagħmlu tranżitu minnu.

(3)

Wara l-ħafna falsifikazzjonijiet ta' rapporti tal-laboratorju fuq ir-riżultati tat-test tat-titrazzjoni ta' antikorpi tar-rabja, jixraq li wieħed jitlob lill-uffiċjali li jagħtu ċ-ċertifikati fit-territorji jew fil-pajjiżi terzi li r-riżultati tajbin ta' dak it-test ma għandhomx jiġu ċċertifikati sakemm ma tkunx ġiet ivverifikata l-awtentiċità tar-rapport tal-laboratorju. Għandu jkun hemm nota ta' gwida speċifika li tgħid dan fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali.

(4)

Barra minn hekk, l-entrata dwar id-data tal-applikazzjoni jew il-qari tat-tattwaġġ jew it-transponder tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa fil-Parti I tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ġiet interpretata ħażin minn xi uffiċjali li jiċċertifikaw fil-pajjiżi terzi, u b'hekk kien hemm il-problemi waqt il-kontrolli veterinarji fil-postijiet ta' spezzjoni fil-fruntieri. Biex jiġi evitat kull ftehim ħażin, dik in-nota għandha titħassar mill-Parti I tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali fejn jiġu deskritti l-annimali, u għandha tiddaħħal fil-Parti II taċ-ċertifikat, li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tal-annimali. Fil-Parti II għandha tiddaħħal ukoll nota speċifika ta' gwida dwar il-verifikazzjoni tal-marka.

(5)

Għaldaqstant, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' kunsinni ta' klieb, qtates u inmsa, l-użu taċ-ċertifikati maħruġa skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli qabel id-data ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun awtorizzat matul perjodu tranżitorju soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sat-30 ta' Ġunju 2017, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, ta' qtates u ta' inmsa li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa maħruġ mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2017 skont il-mudell stipulat fil-Parti 1 tal-Anness tad-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2013/519/UE fil-verżjoni tagħha ta' qabel l-emendi introdotti b'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/519/UE tal-21 ta' Ottubru 2013 li tistabbilixxi l-lista ta' territorji u pajjiżi terzi awtorizzati għall-importazzjoni ta' klieb, qtates u inmsa u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għal tali importazzjonijiet (ĠU L 281, 23.10.2013, p. 20).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat- 12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness, il-Parti 1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“PARTI 1

Mudell ta' ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' klieb, ta' qtates u ta' inmsa

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top