EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0779

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/779 tat-18 ta' Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2918

OJ L 131, 20.5.2016, p. 48–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/779/oj

20.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/48


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/779

tat-18 ta' Mejju 2016

li jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jistipula li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tat-tabakk b'aroma karatterizzanti.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li tali projbizzjonijiet jiġu applikati b'mod uniformi fl-Unjoni kollha, jixraq li jiġu stabbiliti, f'konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/40/UE, proċeduri komuni biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti.

(3)

Meta Stat Membru (“l-Istat Membru li jibda l-proċedura”) jew il-Kummissjoni jqisu li prodott tat-tabakk jista' jkollu aroma karatterizzanti, dawn għandom jitolbu lill-manifattur jew lill-importatur biex jikkomunika l-valutazzjoni tiegħu tal-prodott. Il-proċedura biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' prodott b'aroma karatterizzanti għandha tinbeda mill-Istati Membri fir-rigward ta' prodotti li huma kkumerċjalizzati biss fi Stat Membru wieħed jew f'għadd żgħir ta' Stati Membri. Meta Stat Membru jqis li prodott huwa kkummerċjalizzat b'mod wiesa' f'għadd ta' Stati Membri differenti, dan għandu jkun jista' jitlob lill-Kummissjoni biex tibda l-proċedura.

(4)

Sabiex jiġu evitati proċeduri paralleli, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-bidu tal-proċeduri. Meta Stat Membru jibda proċedura, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jibqgħu lura milli jibdew proċedura għall-istess prodott. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jaqblu li Stat Membru ieħor ikun l-Istat Membru li jibda l-proċedura. Il-proċeduri kollha mibdijin fi Stati Membri għajr l-Istat Membru li jibda l-proċedura għandhom jiġu sospiżi sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni mill-Istat Membru li jibda l-proċedura.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tibda proċedura fi kwalunkwe żmien, anki wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonkludi li prodott ma għandu l-ebda aroma karatterizzanti. Meta l-Kummissjoni tibda proċedura, għandhom jintemmu l-proċeduri nazzjonali kollha marbuta mal-istess prodott.

(6)

Jekk il-manifattur jew l-importatur ma jikkontestax li l-prodott għandu aroma karatterizzanti, jew jonqos milli jissottometti risposta għal talba għal valutazzjoni tiegħu dwar jekk prodott għandux aroma karatterizzanti, għandu jkun possibbli li ssir determinazzjoni fuq il-bażi ta' proċedura ssimplifikata.

(7)

Jekk il-manifattur jew l-importatur jikkontesta li l-prodott għandu aroma karatterizzanti, l-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni għandhom iniedu valutazzjoni approfondita. Għal dan l-għan jista' jiġi kkonsultat il-bord konsultattiv indipendenti u tista' tinġabar informazzjoni minn sorsi oħra. L-informazzjoni tista' tiġi skambjata ma' Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.

(8)

Wara l-valutazzjoni approfondita u qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk prodott għandux aroma karatterizzanti, il-manifattur jew l-importatur tal-prodott għandu jkollu l-opportunità li jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-manifattur jew l-importatur għandu jindika wkoll, fejn applikabbli, jekk ġietx ikkonsultata l-kumpanija omm tiegħu. L-importaturi għandhom ukoll jitħeġġu jikkonsultaw lill-manifattur.

(9)

L-Istat Membru li jibda l-proċedura għandu jissottometti abbozz tad-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni, inkluż, fejn applikabbli, kopja tal-opinjoni tal-bord konsultattiv indipendenti. Għandha tintbagħat kopja ta' dawn id-dokumenti lill-Istati Membri l-oħra kollha, flimkien ma' sommarju f'lingwa li tinftiehem b'mod ġenerali.

(10)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jistgħu jikkummentaw dwar l-abbozz tad-deċiżjoni. Għandu jsir sforz biex jintlaħaq kunsens dwar l-abbozz tad-deċiżjoni u r-raġunament ewlieni li jirfed id-deċiżjoni. F'każ li l-opinjonijiet tal-Istati Membri ma jaqblux dwar jekk prodott għandux aroma karatterizzanti jew le, il-Kummissjoni għandha timmira li tistabbilixxi kunsens. Fin-nuqqas ta' kunsens, u fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE tiġi applikata b'mod uniformi, il-Kummissjoni għandha tipproċedi biex tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat għandux aroma karatterizzanti jew le.

(11)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' saħħa pubblika li jirfdu l-projbizzjoni fuq prodotti b'aroma karatterizzanti, u bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-prinċipju ta' prekawzjoni, jixraq li l-Istat Membru li jibda l-proċedura jkun jista' jadotta miżuri ta' projbizzjoni malli jkun sodisfatt, skont il-proċedura stipulata f'dan ir-Regolament, li prodott għandu aroma karatterizzanti. Madankollu, meta l-Kummissjoni tadotta sussegwentament deċiżjoni fir-rigward ta' dak il-prodott, l-Istat Membru li jibda l-proċedura għandu mbagħad jieħu miżuri immedjati biex jiżgura li l-liġi u l-prattika tiegħu jkunu allinjati ma' dik id-deċiżjoni sabiex il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE tiġi applikata b'mod uniformi fl-Unjoni kollha.

(12)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet adottati skont dan ir-Regolament. Għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lit-talbiet biex l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva tibqa' kunfidenzjali. Meta talbiet bħal dawn jitqiesu li huma ġġustifikati, l-informazzjoni kkonċernata għandha tiġi kkomunikata biss bl-użu ta' mezzi siguri tat-trażmissjoni tad-dejta.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, “l-istess prodott” tfisser prodotti bl-istess ingredjenti bl-istess proporzjonijiet fil-kompożizzjoni tat-taħlita tat-tabakk, irrispettivament mid-disinn jew mill-isem kummerċjali.

KAPITOLU II

BIDU TAL-PROĊEDURA

Artikolu 3

Bidu minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni

1.   Meta Stat Membru (“l-Istat Membru li jibda l-proċedura”) jew il-Kummissjoni jqisu li prodott tat-tabakk jista' jkollu aroma karatterizzanti, dawn jistgħu jibdew il-proċedura biex jiġi ddeterminat jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti. Stat Membru jista' jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tibda proċedura.

2.   Il-Kummissjoni tista' tibda l-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 anki meta proċedura waħda jew aktar ikunu nbdew jew ikunu ġew konklużi minn Stat Membru wieħed jew aktar, b'mod partikolari, meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40/UE.

Artikolu 4

Talba inizjali lill-manifattur jew lill-importatur

1.   L-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni għandhom jinformaw lill-manifattur u lill-importatur tal-prodott dwar l-opinjoni tagħhom li prodott tat-tabakk jista' jkollu aroma karatterizzanti u jitolbu lill-manifattur jew lill-importatur biex jagħti l-valutazzjoni tiegħu.

2.   Il-manifattur jew l-importatur għandu jwieġeb u jippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu għat-talba fi żmien erba' ġimgħat minn meta jirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, jew sa data oħra maqbula mal-Istat Membru li jibda l-proċedura jew mal-Kummissjoni kif applikabbli. Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur jew l-importatur għandu jidentifika, sa fejn ikun possibbli, kull Stat Membru ieħor li fih l-istess prodott ikun tqiegħed fis-suq. Il-manifattur għandu jistabbilixxi wkoll l-opinjonijiet tal-kumpanija omm tiegħu, kif applikabbli. L-importatur għandu jistabbilixxi wkoll l-opinjonijiet tal-manifattur.

3.   Fit-tweġiba tiegħu skont il-paragrafu 2, il-manifattur jew l-importatur għandu jindika jekk iqisx li l-istess prodotti mqiegħda fis-suq fi Stati Membri oħra għandhomx aromi differenti fi Stat Membru wieħed jew aktar ikkonċernati. F'każ bħal dan, il-manifattur jew l-importatur għandu jistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din l-istqarrija.

Artikolu 5

Koordinazzjoni inizjali

1.   Meta l-proċedura tkun inbdiet minn Stat Membru, dak l-Istat għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar il-bidu tal-proċedura.

Meta l-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura, din għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri kollha dwar dan il-bidu.

L-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li waslet mingħand il-manifattur jew l-importatur skont l-Artikolu 4(2) lill-Istati Membri l-oħra u, fejn applikabbli, lill-Kummissjoni.

2.   Meta Stat Membru jkun beda proċedura, l-Istati Membri l-oħra għandhom jibqgħu lura milli jibdew proċedura parallela li tirrigwarda l-istess prodott. Meta l-proċeduri li jirrigwardaw l-istess prodott ikunu diġà nbdew f'żewġ Stati Membri jew aktar, huwa biss l-Istat Membru fejn il-proċedura tkun inbdiet l-ewwel li għandu jkompli l-proċedura. Permezz ta' deroga, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jaqblu li Stat Membru ieħor għandu jaġixxi bħala Stat Membru li jibda l-proċedura. Il-proċeduri kollha mibdija fi Stati Membri għajr l-Istat Membru li jibda l-proċedura għandhom jiġu sospiżi sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni mill-Istat Membru li jibda l-proċedura.

3.   Meta l-Kummissjoni tkun bdiet proċedura, l-Istati Membri kollha għandhom iżommu lura milli jibdew proċeduri u, ħlief fejn stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3), il-proċeduri nazzjonali pendenti kollha għandhom jieqfu.

4.   L-informazzjoni diġà miġbura għandha tiġi skambjata bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, fuq talba.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-manifattur jew tal-importatur

1.   Meta l-manifattur jew l-importatur ma jikkontestax li prodott tat-tabakk għandu aroma karatterizzanti, dan għandu jinforma dwar dan lill-Istat Membru li jibda l-proċedura jew lill-Kummissjoni fit-tweġiba tiegħu sottomessa skont l-Artikolu 4(2).

Meta, fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur jew l-importatur ma jkunx ikkontesta li prodott tat-tabakk għandu aroma karatterizzanti, jew meta dan ikun naqas milli jipprovdi tweġiba skont l-Artikolu 4(2), l-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni, kif applikabbli, jistgħu jipproċedu billi jieħdu deċiżjoni skont l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10 rispettivament f'każijiet fejn iqisu li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom hija biżżejjed biex jieħdu deċiżjoni.

Sa fejn l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jqisu neċessarju li tinkiseb aktar informazzjoni sabiex tkun tista' tittieħed deċiżjoni konklużiva dwar jekk il-prodott għandux aroma karatterizzanti, tista' tinġabar aktar informazzjoni skont l-Artikolu 7 qabel ma tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10.

2.   Meta l-manifattur jew l-importatur jikkontesta li l-prodott għandu aroma karatterizzanti, l-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni għandhom jissoktaw bil-proċedura skont l-Artikoli 7 u 8.

KAPITOLU III

INVESTIGAZZJONI

Artikolu 7

Il-ġbir ta' aktar informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-bord konsultattiv

1.   L-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu aktar informazzjoni mingħand il-manifattur jew l-importatur ikkonċernat, li trid tiġi pprovduta f'limitu ta' żmien li jrid jiġi speċifikat fit-talba. Jistgħu wkoll jitolbu informazzjoni minn sorsi oħra, jaqsmu l-informazzjoni ma' Stati Membri oħra u, fejn applikabbli, mal-Kummissjoni u jikkonsultaw lill-bord konsultattiv indipendenti (minn hawn 'il quddiem “il-bord”) stabbilit skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/786 (2).

2.   Meta l-bord jiġi kkonsultat, għandhom jissottomettu l-opinjoni tagħhom fil-limitu taż-żmien applikabbli skont l-Artikolu 10(6) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/786.

Artikolu 8

Id-dritt għall-manifatturi u l-importaturi li jissottomettu osservazzjonijiet

1.   Meta, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2), l-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni jkunu wettqu investigazzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 7, u meta bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-informazzjoni miksuba minn dik l-investigazzjoni, l-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni jqisu li prodott għandu aroma karatterizzanti għandhom, qabel ma jadottaw deċiżjoni, jipprovdu lill-manifattur jew lill-importatur bl-opportunità li jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub.

L-Istat Membru jew il-Kummissjoni għandhom jipprovdu lill-manifattur jew lill-importatur b'sommarju tar-raġunijiet li abbażi tagħhom trid tiġi adottata d-deċiżjoni proposta. Meta jkun ġie kkonsultat il-bord, l-opinjoni tagħhom għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-manifattur jew tal-importatur. Il-manifattur jew l-importatur għandu jkollu erba' ġimgħat biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Dan il-limitu ta' żmien jista' jkun estiż bi ftehim mal-Istat Membru li jibda l-proċedura jew mal-Kummissjoni kif applikabbli. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-manifattur għandu jindika wkoll, fejn applikabbli, jekk ġietx ikkonsultata l-kumpanija omm tiegħu. L-importatur għandu jindika jekk il-manifattur ikunx ġie kkonsultat.

2.   Meta l-Istat Membru li jibda l-proċedura jew il-Kummissjoni jqisu neċessarju li tinġabar informazzjoni addizzjonali wara li jkunu rċevew l-osservazzjonijiet mingħand il-manifattur jew l-importatur, dawn għandhom jipprovdu lill-manifattur jew lill-importatur bl-informazzjoni addizzjonali miġbura u għandhom jagħtuh l-opportunità li jissottometti aktar osservazzjonijiet bil-miktub.

KAPITOLU IV

DETERMINAZZJONI

Artikolu 9

Koordinazzjoni qabel ma Stat Membru jieħu deċiżjoni

1.   L-Istat Membru li jibda l-proċedura għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, inkluża kull informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 6, 7 u 8, kif applikabbli, iħejji abbozz ta' deċiżjoni dwar jekk prodott għandux jitqies li għandu aroma karatterizzanti pprojbita skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE.

L-abbozz ta' deċiżjoni għandu jkun immotivat, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-bord, fejn applikabbli, u informazzjoni oħra disponibbli kif xieraq.

L-Istat Membru li jibda l-proċedura għandu jissottometti dak l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Għandu jissottometti wkoll l-opinjoni tal-bord, f'każ li jkun ġie kkonsultat il-bord, u jagħti dettalji, kemm jista' jkun, dwar kull Stat Membru ieħor fejn l-istess prodott ikun tqiegħed fis-suq.

Id-deċiżjoni finali tista' tiġi adottata biss wara li jkun għadda perjodu ta' erba' ġimgħat minn mindu ġie sottomess l-abbozz ta' deċiżjoni. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż bi ftehim bejn l-Istat Membru li jibda l-proċedura u l-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jistgħu jagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz ta' deċiżjoni fi żmien tliet ġimgħat mis-sottomissjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni. Kull oġġezzjoni għall-konklużjoni li tintlaħaq fl-abbozz ta' deċiżjoni għandha tkun iġġustifikata b'mod xieraq.

3.   L-Istat Membru li jibda l-proċedura għandu jqis il-kummenti riċevuti. F'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar jekk prodott għandux aroma karatterizzanti, l-Istat Membru li jibda l-proċedura, l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, kif applikabbli, għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu kunsens. Fin-nuqqas ta' kunsens, fejn jitqies neċessarju li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE, il-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura skont l-Artikolu 3(1).

Il-bidu tal-proċedura mill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ma għandux jaffettwa d-dritt tal-Istat Membru li jibda l-proċedura li jipproċedi bl-adozzjoni ta' deċiżjoni li tipprojbixxi l-prodott abbażi tal-Artikolu 7(1). F'dak il-każ, l-Istat Membru li jibda l-proċedura għandu jinnotifika d-deċiżjoni lill-manifattur jew lill-importatur. Għandu jissottometti wkoll kopja tad-deċiżjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, kif xieraq, li tindika, sa fejn ikun possibbli, l-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn l-istess prodott ikun tqiegħed fis-suq. Ladarba l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni tagħha, l-Istat Membru għandu minnufih jieħu kull miżura meħtieġa biex jiżgura li l-liġi nazzjonali tiegħu tkun konformi ma' dik id-deċiżjoni.

4.   F'każ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni ma jkunux issottomettew oġġezzjonijiet fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Istat Membru li jibda l-proċedura, dak l-Istat għandu jadotta d-deċiżjoni u jinnotifikaha lill-manifattur jew lill-importatur. Għandha tingħata wkoll kopja lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, kif xieraq, li tindika, sa fejn ikun possibbli, l-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn l-istess prodott ikun tqiegħed fis-suq.

Artikolu 10

Deċiżjoni tal-Kummissjoni

1.   Meta l-manifattur jew l-importatur ikun informa lill-Kummissjoni li ma jikkontestax jekk prodott tat-tabakk għandux aroma karatterizzanti, jew meta l-manifattur ma jkunx ipprovda tweġiba skont l-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni, wara li tikkunsidra b'mod xieraq l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, inkluża kull informazzjoni jew dejta addizzjonali miksuba skont l-Artikolu 7, għandha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/40/UE dwar jekk prodott għandux aroma karatterizzanti.

2.   Meta fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni pproċediet billi wettqet investigazzjoni approfondita skont l-Artikoli 7 u 8, hija għandha, abbażi tal-informazzjoni li nkisbet b'riżultat ta' dik l-investigazzjoni, tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/40/UE, dwar jekk prodott għandux aroma karatterizzanti.

Artikolu 11

Proċeduri paralleli

1.   Malli l-Istat Membru li jibda l-proċedura jkun adotta deċiżjoni, jistgħu jerġgħu jibdew il-proċeduri nazzjonali sospiżi marbuta mal-istess prodott. Jekk Stat Membru fejn l-istess prodott jitqiegħed fis-suq ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Istat Membru li jibda l-proċedura, dan għandu jikkomunika l-pożizzjoni tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istat Membru li jibda l-proċedura u lill-Istati Membri l-oħra fejn l-istess prodott jitqiegħed fis-suq. Jekk, abbażi ta' din il-konsultazzjoni, jitqies neċessarju li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40/UE, il-Kummissjoni għandha tibda proċedura skont l-Artikolu 3(1).

2.   Meta l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni, l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni tiġi implimentata b'mod xieraq.

KAPITOLU V

INFORMAZZJONI

Artikolu 12

Informazzjoni kunfidenzjali

1.   Fil-komunikazzjonijiet tagħhom, il-manifatturi u l-importaturi jistgħu jitolbu li ċerta informazzjoni tinżamm kunfidenzjali minħabba li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew inkella għax hija kummerċjalment sensittiva. F'każ bħal dan, għandhom jidentifikaw b'mod ċar l-informazzjoni kkonċernata u jagħtu r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba tagħhom.

2.   Fejn it-talba titqies iġġustifikata, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni riċevuta abbażi ta' dan ir-Regolament tkun protetta b'mod adegwat. Kull komunikazzjoni ta' tali informazzjoni għandha ssir permezz ta' mekkaniżmi li jippermettu t-trażmissjoni sigura ta' informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet kollha adottati skont dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/786 tat-18 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi l-proċedura għall-istabbiliment u t-tħaddim ta' bord konsultattiv indipendenti li jassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tat-tabakk għandhomx aroma karatterizzanti (ara l-paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top