EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0344

Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' xogħol mhux iddikjarat (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 65, 11.3.2016, p. 12–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/05/2021; Imħassar b' 32019R1149

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/344/oj

11.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/12


DEĊIŻJONI (UE) 2016/344 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Marzu 2016

dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' xogħol mhux iddikjarat

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' April 2012 intitolata “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi”, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa ta' titjib fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ħabbret it-tnedija ta' konsultazzjonijiet dwar l-istabbiliment ta'pjattaforma fil-livell tal-Unjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, maħsuba biex tittejjeb il-kooperazzjoni, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u biex jiġu identifikati prinċipji komuni għall-ispezzjonijiet.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1848 (4), il-Kunsill adotta linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri. Dawk il-linji gwida jagħtu orjentazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif jiddefinixxu l-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi. Il-linji gwida dwar l-impjiegi jiffurmaw il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jindirizza lill-Istati Membri taħt dak l-Artikolu. Fis-snin reċenti, dawk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kienu jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

(3)

L-Artikolu 151 tat-TFUE jistabbilixxi bħala l-għanijiet fil-qasam tal-politika soċjali l-promozzjoni tal-impjiegi u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. Bil-ħsieb li dawk l-għanijiet jinkisbu, l-Unjoni tista' tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. F'konformità mal-Artikolu 153(2)(a) tat-TFUE, l-Unjoni tista' tadotta miżuri biex tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri.

(4)

Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar Spezzjonijiet effikaċi tax-xogħol bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa laqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinħoloq pjattaforma Ewropea u sejjaħ għal kooperazzjoni mtejba fil-livell tal-Unjoni biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, li, skont ir-riżoluzzjoni, qed ikun ta' dannu għall-ekonomija tal-Unjoni, qed iwassal għal kompetizzjoni inġusta, qed jipperikola s-sostenibbiltà finanzjarja tal-mudelli soċjali tal-Unjoni u qed jirriżulta f'nuqqas dejjem jikber ta' protezzjoni soċjali u okkupazzjonali għall-ħaddiema.

(5)

Ix-xogħol mhux iddikjarat ġie ddefinit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 intitolata “L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat” bħala “kwalunkwe attività mħallsa li hija legali fin-natura tagħha imma mhux iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fis-sistema regolatorja tal-Istati Membri”. Dik id-definizzjoni eskludiet l-attivitajiet illegali kollha.

(6)

Ix-xogħol mhux iddikjarat spiss ikollu dimensjoni transkonfinali. In-natura tax-xogħol mhux iddikjarat tista' tvarja minn pajjiż għall-ieħor, skont il-kuntest ekonomiku, amministrattiv u soċjali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tax-xogħol mhux iddikjarat u d-definizzjonijiet użati fil-livell nazzjonali huma differenti. Għalhekk, jeħtieġ li l-miżuri maħsubin biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat jitfasslu biex jitqiesu dawk id-differenzi.

(7)

Stimi jindikaw li x-xogħol mhux iddikjarat jikkostitwixxi parti sinifikanti tal-ekonomija tal-Unjoni. Peress li x-xogħol mhux iddikjarat huwa definit b'mod differenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, huwa diffiċli li wieħed jikseb data preċiża dwar kemm huwa mifrux.

(8)

L-abbuż tal-istatus ta' persuni li jaħdmu għal rashom, kif definit fil-liġijiet nazzjonali, jew f'livell nazzjonali jew f'sitwazzjonijiet transkonfinali, huwa forma ta' xogħol iddikjarat b'mod falz li ta' spiss ikun assoċjat ma' xogħol mhux iddikjarat. Impjieg indipendenti fittizju jseħħ meta persuna tiġi ddikjarata bħala impjegata għal rasha filwaqt li tissodisfa l-kundizzjonijiet karatteristiċi ta' relazzjoni ta' impjieg, sabiex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali. Il-Pjattaforma stabbilita minn din id-Deċiżjoni (“il-Pjattaforma”) għandha tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat fil-forom varji tiegħu u x-xogħol iddikjarat b'mod falz li huwa assoċjat ma xogħol mhux iddikkjarat, inkluż l-impjieg indipendenti fittizju.

(9)

Ix-xogħol mhux iddikjarat għandu implikazzjonijiet serji għall-ħaddiema kkonċernati, li jsibu ruħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaċċettaw kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u xi kultant perikolużi, pagi ħafna iktar baxxi, ksur gravi tad-drittijiet tax-xogħol u protezzjoni mnaqqsa b'mod sinifikanti taħt il-liġi tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali, u għalhekk jispiċċaw imċaħħda minn benefiċċji soċjali adegwati, drittijiet tal-pensjoni u aċċess għall-kura tas-saħħa, kif ukoll minn opportunitajiet ta' żvilupp tal-ħiliet u tagħlim tul il-ħajja.

(10)

Filwaqt li l-effetti negattivi tax-xogħol mhux iddikjarat fuq is-soċjetà u l-ekonomija jieħdu diversi forom, il-Pjattaforma timmira biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tippromwovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali. Ix-xogħol mhux iddikjarat għandu implikazzjonijiet baġitarji serji minħabba tnaqqis tad-dħul mit-taxxa u minn ħlasijiet tas-sigurtà soċjali, u b'hekk jimmina s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Għandu impatti negattivi fuq l-impjiegi u l-produttività, u joħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni.

(11)

Ix-xogħol mhux iddikjarat għandu effetti differenti fuq gruppi soċjali differenti, inter alia n-nisa, il-migranti u l-ħaddiema domestiċi, b'ċerti ħaddiema mhux iddikjarati li jinsabu f'qagħda partikolarment vulnerabbli.

(12)

Madwar l-Istati Membri hemm firxa wiesgħa ta' approċċi u miżuri politiċi li ġew introdotti biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat. Stati Membri kkonkludew ukoll ftehimiet bilaterali u wettqu proġetti multilaterali dwar ċerti aspetti tax-xogħol mhux iddikjarat. L-indirizzar tal-problema kumplessa tax-xogħol mhux iddikjarat għad irid jiġi żviluppat u jirrikjedi approċċ olistiku. Il-Pjattaforma ma għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew arranġamenti li jikkonċernaw il-kooperazzjoni amministrattiva.

(13)

Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Pjattaforma hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u/jew l-obbligi tal-Istati Membri li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, inklużi r-responsabbiltajiet nazzjonali jew internazzjonali tagħhom taħt, inter alia, konvenzjonijiet rilevanti u applikabbli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), bħall-Konvenzjoni Nru 81 dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol fl-Industrija u l-Kummerċ.

(14)

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni għadha 'l bogħod milli tkun komprensiva, kemm f'termini tal-Istati Membri involuti kif ukoll tal-kwistjonijiet koperti. M'hemm l-ebda mekkaniżmu formali fis-seħħ għal kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri biex jindirizzaw b'mod komprensiv kwistjonijiet relatati max-xogħol mhux iddikjarat.

(15)

L-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni huwa meħtieġ biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat b'mod aktar effiċjenti u effettiv. F'dak il-kuntest, il-Pjattaforma għandha timmira li tiffaċilita u tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni u biex tipprovdi qafas fil-livell tal-Unjoni għall-fini li jiġu żviluppati fehim komuni, kompetenza esperta u analiżi dwar ix-xogħol mhux iddikjarat. Definizzjonijiet kondiviżi u kunċetti komuni ta' xogħol mhux iddikjarat għandhom jirriflettu l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Il-Pjattaforma għandha tinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti tal-infurzar tal-Istati Membri li jipparteċipaw f'tali azzjonijiet transkonfinali fuq bażi volontarja.

(16)

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tħeġġeġ il-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni bejn l-Istati Membri. Is-sitwazzjoni fir-rigward tax-xogħol mhux iddikjarat hija differenti ħafna minn Stat Membru għall-ieħor u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet rilevanti u ta' atturi oħra fl-Istati Membri differenti fir-rigward ta' oqsma ta' kooperazzjoni huma għalhekk ukoll differenti. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddeċiedu dwar il-livell ta' involviment tagħhom fl-attivitajiet approvati mill-Pjattaforma fil-livell tal-plenarja.

(17)

Għandha titħeġġeġ fil-livell tal-Unjoni l-kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri biex jappoġġaw u jikkumplimentaw l-attivitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat. L-azzjoni fuq livell nazzjonali tiddependi fuq il-kuntest partikolari fl-Istati Membri individwali u l-attivitajiet fi ħdan il-Pjattaforma ma jistgħux jissostitwixxu xi valutazzjoni fil-livell nazzjonali tal-azzjonijiet xierqa li għandhom jittieħdu.

(18)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti tagħhom jibqgħu kompetenti rigward l-identifikazzjoni, l-analiżi u s-soluzzjoni ta' problemi prattiċi relatati mal-infurzar tal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali fuq il-post tax-xogħol u biex jiddeċiedu dwar liema miżuri għandhom jieħdu fuq livell nazzjonali biex jagħtu effett lill-eżiti tal-attivitajiet tal-Pjattaforma.

(19)

Il-Pjattaforma għandha tagħmel użu mis-sorsi rilevanti kollha ta' informazzjoni, b'mod partikolari studji, ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u proġetti ta' kooperazzjoni multilaterali, u toħloq sinerġiji bejn strumenti u strutturi eżistenti fil-livell tal-Unjoni biex jiġi massimizzat l-effett deterrent jew preventiv ta' dawk il-miżuri. L-azzjonijiet tal-Pjattaforma jistgħu jieħdu l-forma ta' qafas għal taħriġ konġunt, evalwazzjoni bejn il-pari, it-twaqqif ta' għodod bħal bank ta' għarfien interattiv, filwaqt li jitqiesu studji dwar il-fattibbiltà eżistenti, inter alia x-xogħol li sar mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-protezzjoni tad-data, ta' soluzzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-data. Kampanji Ewropej jew strateġiji komuni jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li jibnu fuq il-politiki u l-istrateġiji biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat li diġà jeżisti f'livelli differenti fl-Istati Membri. Il-Pjattaforma għandha tinvolvi wkoll atturi mhux governattivi bħala sorsi importanti ta' informazzjoni.

(20)

Il-Pjattaforma għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, anke billi tiffaċilita approċċi innovattivi lejn il-kooperazzjoni u l-infurzar transkonfinali kif ukoll l-evalwazzjoni tal-esperjenzi tal-Istati Membri ta' tali kooperazzjoni. L-iskambji f'waqthom ta' informazzjoni huma essenzjali għat-trażżin tax-xogħol mhux iddikjarat.

(21)

Fejn membru tal-Pjattaforma jqis bħala ta' benefiċċju li l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika fi ħdan il-Pjattaforma jqanqal diskussjoni dwar każijiet speċifiċi, dawk il-każijiet għandhom jiġu anonimizzati kif xieraq. Il-Pjattaforma tista' tkun effettiva biss f'ambjent fejn persuni li jqajmu każijiet ta' xogħol mhux iddikjarat ikunu protetti minn trattament sfavorevoli. Il-Pjattaforma għandha għalhekk tkun forum għall-iskambju tal-aħjar prattiki f'dak ir-rigward.

(22)

L-iskambju tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki għandha tippermetti lill-Pjattaforma li tipprovdi kontribut utli għal azzjoni possibbli fil-livell tal-Unjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat, inkluż mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-attivitajiet tal-Pjattaforma jistgħu jipprovdu kontribut utli meta jitqiesu l-miżuri relatati max-xogħol mhux iddikjarat.

(23)

L-awtoritajiet nazzjonali differenti ta' infurzar huma nvoluti fir-rigward ta' xogħol mhux iddikjarat, bħal spettorati tax-xogħol, awtoritajiet oħrajn li jittrattaw kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, spettorati tas-sigurtà soċjali u awtoritajiet tat-taxxa. F'xi każijiet, l-awtoritajiet tal-migrazzjoni u s-servizzi tal-impjiegi kif ukoll l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport, il-pulizija, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-imsieħba soċjali jistgħu jiġu involuti wkoll.

(24)

Sabiex ix-xogħol mhux iddikjarat jiġi indirizzat b'mod komprensiv u b'suċċess, fl-Istati Membri għandha tiġi implimentata taħlita ta' politiki. Din għandha tiġi ffaċilitata permezz ta' inkoraġġiment għall-kooperazzjoni strutturata bejn l-awtoritajiet rilevanti u atturi oħra. Il-Pjattaforma għandha tinkludi l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-infurzar, li jmexxu u/jew li huma attivi fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddeċiedu liema awtoritajiet jirrappreżentawhom fl-attivitajiet differenti tal-Pjattaforma. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri għandha tikkonforma mal-liġi applikabbli kemm dik tal-Unjoni kif ukoll dik nazzjonali.

(25)

Sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, il-Pjattaforma għandha tkun appoġġata minn rappreżentant għoli minn kull Stat Membru, li għandu jikkoordina u jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u, fejn applikabbli, ma' atturi oħrajn, inklużi l-imsieħba soċjali, li jittrattaw l-aspetti multidimensjonali tax-xogħol mhux iddikjarat.

(26)

Jeħtieġ li l-Pjattaforma tinvolvi l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, kemm transindustrijali kif ukoll f'dawk is-setturi li huma affettwati bl-aktar mod serju mix-xogħol mhux iddikjarat jew li għandhom rwol partikolari biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, u tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-ILO, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku u aġenziji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Eurofound u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA). L-involviment tal-Eurofound u l-EU-OSHA fix-xogħol tal-Pjattaforma bħala osservaturi m'għandux jestendi l-mandati li għandhom bħalissa.

(27)

Il-Pjattaforma għandha tadotta r-regoli tal-proċedura, programmi ta' ħidma u rapporti regolari tagħha.

(28)

Jeħtieġ li l-Pjattaforma tkun tista' tistabbilixxi gruppi ta' ħidma biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi u tkun tista' sserraħ fuq il-kompetenza esperta ta' professjonisti b'kompetenza speċifika.

(29)

Il-Pjattaforma għandha tikkoopera mal-gruppi ta' esperti u l-kumitati rilevanti fil-livell tal-Unjoni li xogħolhom jirrelata max-xogħol mhux iddikjarat.

(30)

Il-Pjattaforma u l-attivitajiet tagħha għandhom jiġu ffinanzjati mill-assi PROGRESS tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) fil-limiti tal-approprjazzjonijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Pjattaforma tuża r-riżorsi finanzjarji ddedikati għall-Pjattaforma b'mod trasparenti u effiċjenti.

(31)

Minħabba l-importanza ta' trasparenza u aċċess għad-dokumenti riflessi fil-prinċipji previsti fl-Artikolu 15 tat-TFUE, il-Pjattaforma għandha twettaq il-ħidma tagħha b'mod trasparenti u f'konformità ma' dawk il-prinċipji.

(32)

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi amministrattivi neċessarji biex tistabbilixxi l-Pjattaforma.

(33)

Il-Pjattaforma għandha bis-sħiħ tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(34)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif ukoll il-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni rilevanti japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq fi ħdan il-qafas ta' din id-Deċiżjoni.

(35)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Twaqqif tal-Pjattaforma

B'dan hija stabbilita Pjattaforma fil-livell tal-Unjoni, biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat (“il-Pjattaforma”).

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “l-indirizzar”, b'relazzjoni max-xogħol mhux iddikjarat, tfisser il-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat kif ukoll li jippromwovi d-dikjarazzjoni tax-xogħol li mhuwiex iddikjarat.

Artikolu 2

Kompożizzjoni tal-Pjattaforma

1.   Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn:

(a)

rappreżentant għoli maħtur minn kull Stat Membru biex jirrappreżenta dak l-Istat Membru;

(b)

rappreżentant tal-Kummissjoni;

(c)

massimu ta' erba' rappreżentanti tal-imsieħba soċjali transindustrijali fil-livell tal-Unjoni, maħtura minn dawk l-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw b'mod ugwali ż-żewġ naħat tal-industrija.

2.   Dawn li ġejjin jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma bħala osservaturi u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom jiġu debitament ikkunsidrati skont ir-regoli ta' proċedura tagħha:

(a)

massimu ta' 14-il rappreżentant tal-imsieħba soċjalifis-setturi b'inċidenza għolja ta' xogħol mhux iddikjarat, maħtura minn dawk l-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw b'mod ugwali ż-żewġ naħat tal-industrija;

(b)

rappreżentant tal-Eurofound;

(c)

rappreżentant tal-EU-OSHA;

(d)

rappreżentant tal-ILO;

(e)

rappreżentant minn kull pajjiż terz taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Osservaturi oħrajn barra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom jiġu debitament ikkunsidrati skont ir-regoli ta' proċedura tagħha, skont is-suġġett li għandu jiġi diskuss,

Artikolu 3

Miżuri nazzjonali

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-miżuri li għandhom jieħdu fuq livell nazzjonali biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat.

Artikolu 4

Objettivi

L-iskop determinanti tal-Pjattaforma għandu jkun li jipprovdi kontribut b'valur miżjud fil-livell tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi biex tkun indirizzata l-problema kumplessa tax-xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi u l-proċeduri nazzjonali.

Il-Pjattaforma għandha tikkontribwixxi għal azzjonijiet tal-Unjoni u nazzjonali aktar effettivi mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jippromwovu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali, inkluż infurzar aħjar tal-liġi f'dawk l-oqsma, u għat-tnaqqis ta' xogħol mhux iddikjarat u l-ħolqien ta' impjiegi formali, biex b'hekk jiġi evitat id-deterjorament tal-kwalità tax-xogħol u tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, billi:

(a)

issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u atturi oħra involuti tal-Istati Membri sabiex tindirizza b'mod aktar effiċjenti u effettiv ix-xogħol mhux iddikjarat fil-forom varji tiegħu u x-xogħol iddikjarat b'mod falz assoċjat miegħu, inkluż l-impjieg indipendenti fittizju;

(b)

ittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet differenti rilevanti u atturi tal-Istati Membri biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat fir-rigward tal-aspetti transkonfinali tiegħu u b'dan il-mod jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni;

(c)

iżżid is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol mhux iddikjarat u l-ħtieġa urġenti ta' azzjoni xierqa kif ukoll tħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat,

KAPITOLU II

MISSJONI U ATTIVITAJIET

Artikolu 5

Missjoni

Biex jintlaħqu l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 4, il-Pjattaforma għandha tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni permezz ta':

(a)

l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni;

(b)

l-iżvilupp ta' kompetenza u analiżi;

(c)

l-inkoraġġiment u l-faċilitazzjoni ta' approċċi innovattivi lejn il-kooperazzjoni transkonfinali effettiva u effiċjenti u l-evalwazzjoni tal-esperjenzi;

(d)

il-kontribuzzjoni għal fehim orizzontali ta' kwistjonijiet relatati max-xogħol mhux iddikjarat.

Artikolu 6

Attivitajiet

1.   Fl-eżekuzzjoni tal-missjoni tagħha, il-Pjattaforma għandha, b'mod partikulari, twettaq l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

ittejjeb l-għarfien dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, anke fir-rigward tal-kawżi u d-differenzi reġjonali, permezz ta' definizzjonijiet kondiviżi u kunċetti komuni, għodod ta' kejl ibbażati fuq l-evidenza u l-promozzjoni ta' analiżi komparattiva u strumenti metodoloġiċi rilevanti għall-ġbir tad-data, filwaqt li tibni fuq il-ħidma ta' atturi oħrajn, inkluż il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS);

(b)

ittejjeb l-għarfien u l-fehim reċiproku ta' sistemi u prattiki differenti biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, inklużi l-aspetti transkonfinali tiegħu;

(c)

tiżviluppa analiżi tal-effikaċja ta' miżuri differenti ta' politika fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat, inklużi miżuri preventivi u penalitajiet;

(d)

tistabbilixxi għodod għall-kondiviżjoni effiċjenti ta' informazzjoni u esperjenzi, pereżempju bank ta' għarfien ta' prattiki u miżuri meħuda differenti, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali applikati fl-Istati Membri biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat;

(e)

tiżviluppa għodod, bħal linji gwida għall-infurzar, manwali ta' prattiki tajba u prinċipji kondiviżi ta' spezzjonijiet biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat u tevalwa l-esperjenzi ta' tali għodod;

(f)

tiffaċilita u tappoġġa forom ta' kooperazzjoni differenti bejn l-Istati Membri billi żżid il-kapaċità tagħhom li jindirizzaw aspetti transkonfinali tax-xogħol mhux iddikjarat bil-promozzjoni u l-faċilitazzjoni ta' approċċi innovattivi, bħall-iskambju ta' persunal, l-użu tal-bażijiet tad-data skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, u attivitajiet konġunti, u tevalwa l-esperjenzi ta' din il-kooperazzjoni mwettqa mill-Istati Membri parteċipanti;

(g)

teżamina l-fattibbiltà ta' sistema ta' skambju rapidu ta' informazzjoni u ttejjeb il-kondiviżjoni tad-data f'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluża l-esplorazzjoni ta' possibbiltajiet tal-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-Iskambju Elettroniku tat-Tagħrif tas-Sigurtà Soċjali (EESSI);

(h)

tiskambja l-esperjenzi tal-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tal-liġ tal-Unjoni li hija rilevanti għall-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat;

(i)

tiżviluppa u, fejn ikun xieraq, ittejjeb il-kapaċità ta' taħriġ għall-awtoritajiet rilevanti u tiżviluppa qafas għat-twettiq ta' taħriġ konġunt;

(j)

torganizza evalwazzjonijiet bejn il-pari biex jiġi segwit il-progress fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat fl-Istati Membri li jagħżlu li jipparteċipaw f'evalwazzjonijiet bħal dawn;

(k)

tiskambja l-esperjenzi u tiżviluppa l-aħjar prattiki fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u, fejn ikun rilevanti, pajjiżi terzi, sabiex tiżdied l-effiċjenza ta' din il-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi relatati ma' xogħol mhux iddikjarat fejn ikunu involuti dawk il-pajjiżi;

(l)

iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-problema tax-xogħol mhux iddikjarat billi twettaq attivitajiet komuni bħal kampanji Ewropej u tikkoordina strateġiji reġjonali jew madwar l-Unjoni, inklużi approċċi settorjali;

(m)

tiskambja esperjenzi fir-rigward ta' konsulenza u informazzjoni pprovduta lil ħaddiema affettwati minn prattiki ta' xogħol mhux iddikjarat.

2.   Fit-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Pjattaforma għandha tagħmel użu mis-sorsi rilevanti kollha ta' informazzjoni, inklużi studji u proġetti ta' kooperazzjoni multilaterali u tqis l-istrumenti u l-istrutturi rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll l-esperjenza ta' ftehimiet bilaterali rilevanti.

KAPITOLU III

FUNZJONAMENT TAL-PJATTAFORMA

Artikolu 7

Rappreżentanti għolja

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant għoli bħala membru tal-Pjattaforma li jivvota.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-rappreżentant għoli tiegħu jkollu mandat xieraq biex iwettaq l-attivitajiet tal-Pjattaforma. Kull Stat Membru għandu wkoll jaħtar sostitut, li għandu jissostitwixxi r-rappreżentant għoli tiegħu kull meta jkun meħtieġ, bid-dritt tal-vot f'każijiet bħal dawn.

2.   Fil-ħatra tar-rappreżentant għoli tiegħu u ta' sostitut, jeħtieġ li kull Stat Membru jqis l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-infurzar u atturi oħra involuti skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali. Huma jistgħu wkoll, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jinvolvu lill-imsieħba soċjali jew atturi rilevanti oħra.

3.   Kull rappreżentant għoli maħtur skont dan l-Artikolu għandu jipparteċipa fil-laqgħat plenarji tal-Pjattaforma u, fejn ikun xieraq, f'attivitajiet u gruppi ta' ħidma oħra tal-Pjattaforma.

Kull rappreżentant għoli għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-lista u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, tal-imsieħba soċjali u atturi rilevanti oħra, li huma involuti fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat.

Kull rappreżentant għoli għandu jikkollabora mal-awtoritajiet kollha rilevanti u, fejn applikabbli, mal-imsieħba soċjali u atturi oħra rilevanti, dwar l-attivitajiet tal-Pjattaforma u għandu jikkoordina l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Pjattaforma u/jew il-kontribuzzjoni tagħhom għall-attivitajiet tal-Pjattaforma jew tal-gruppi ta' ħidma tagħha.

Artikolu 8

Operat

1.   Il-Pjattaforma għandha tkun ippreseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-President għandu jkun megħjun minn żewġ Kopresidenti magħżula minn fost ir-rappreżentanti għolja.

Il-President u l-Kopresidenti għandhom jikkostitwixxu l-Bureau.

Il-Bureau għandu jħejji u jorganizza l-ħidma tal-Pjattaforma b'mod konġunt ma' Segretarjat, li għandu jiffunzjona bħala s-segretarjat tal-Pjattaforma, inkluż il-Bureau u l-gruppi ta' ħidma. Is-Segretarjat għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni

2.   Il-Pjattaforma għandha tiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena.

3.   Fl-eżekuzzjoni tal-missjoni tagħha, il-Pjattaforma għandha tadotta deċiżjonijiet dwar:

(a)

ir-regoli ta' proċedura tagħha;

(b)

programmi ta' ħidma ta' sentejn li jistipulaw, inter alia, il-prijoritajiet tagħha u deskrizzjoni konkreta tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6;

(c)

rapporti tal-Pjattaforma kull sentejn;

(d)

l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifikati fil-programmi ta' ħidma tagħha inklużi l-arranġamenti prattiċi għal dawk il-gruppi ta' ħidma, li għandhom jiġu xolti ladarba jitwettqu l-mandati tagħhom.

Il-Pjattaforma għandha tadotta d-deċiżjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu b'maġġoranza sempliċi. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti għolja għandhom ikollhom vot wieħed.

4.   Il-Bureau jista', fejn xieraq, jistieden esperti b'kompetenza speċifika fis-suġġett li jkun qed jiġi diskuss fuq bażi ta' każ b'każ biex jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-Pjattaforma jew ta' grupp ta' ħidma.

5.   Il-Pjattaforma għandha tkun assistita mis-Segretarjat imsemmi fil-paragrafu 1. Is-Segretarjat għandu jħejji l-laqgħat tal-Pjattaforma, l-abbozzi ta' programmi ta' ħidma u l-abbozzi tar-rapporti tal-Pjattaforma u għandu jsegwi l-laqgħat tal-Pjattaforma u l-konklużjonijiet tagħha.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-Pjattaforma, inkluż fir-rigward ta' laqgħat konġunti ma' gruppi ta' esperti u kumitati. Hija għandha tippreżenta l-programmi ta' ħidma u rapporti tal-Pjattaforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 9

Kooperazzjoni

1.   Il-Pjattaforma għandha tikkoopera b'mod effettiv u għandha tevita d-duplikazzjoni tax-xogħol ma' gruppi ta' esperti u kumitati rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, li xogħolhom ikollu rabta max-xogħol mhux iddikjarat, b'mod partikolari l-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol, il-Kumitat ta' Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, in-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, l-EMCO, l-SPC u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-Tassazzjoni Diretta. Il-Pjattaforma għandha tistieden lir-rappreżentanti ta' dawk il-gruppi u kumitati sabiex jattendu l-laqgħat tagħha bħala osservaturi fejn ikun xieraq. Fl-interess ta' xogħol iktar effiċjenti u impatt imsaħħaħ, jistgħu jiġu organizzati laqgħat konġunti.

2.   Il-Pjattaforma għandha tistabbilixxi kooperazzjoni xierqa mal-Eurofound u l-EU-OSHA.

Artikolu 10

Rimborż ta' spejjeż

Il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u, fejn xieraq, tas-sussistenza għall-membri, is-sostituti, l-osservaturi u l-esperti mistiedna b'rabta mal-attivitajiet tal-Pjattaforma.

Il-membri, is-sostituti, l-osservaturi u l-esperti mistiedna ma għandhomx jiġu imħallsa għas-servizzi li jagħtu.

Artikolu 11

Appoġġ finanzjarju

Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tal-EaSI. Il-Kummissjoni għandha timmaniġġa r-riżorsi finanzjarji tal-EaSI li jkunu ddedikati għall-Pjattaforma b'mod trasparenti u effiċjenti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Rieżami

Sat-13 ta' Marzu 2020 il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Pjattaforma, tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-valur miżjud ta' din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, u għandha tipproponi, fejn xieraq, emendi neċessarji. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari, jivvaluta sa liema punt il-Pjattaforma kkontribwixxiet għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4, wettqet il-missjoni tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 5, wettqet l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u indirizzat il-prijoritajiet stabbiliti fil-programmi ta' ħidma tagħha. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti relatati mal-funzjonament tal-Pjattaforma jekk ikun xieraq.

Artikolu 13

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta' Marzu 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 43.

(2)  ĠU C 415, 20.11.2014, p. 37.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2016.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).


Top