EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0247

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/247 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta lir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex proċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel

C/2015/9064

OJ L 46, 23.2.2016, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2017; Imħassar b' 32017R0040

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/247/oj

23.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/247

tas-17 ta' Diċembru 2015

li jissupplimenta lir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex proċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(6)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jieħu post ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) u jistabbilixxi regoli ġodda rigward l-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-Iskejjel (“l-Iskema”). Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Iskema fil-qafas ġuridiku l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' atti bħal dawn. Dawn l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 (4), li għalhekk għandu jitħassar.

(2)

Din l-Iskema għandha l-għan li żżid il-konsum tal-frott u l-ħaxix għall-futur qarib u għal iżjed fit-tul u tippromwovi drawwiet ta' dieta bnina.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-Iskema, f'livell nazzjonali jew reġjonali, għandhom ifasslu strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha u jipprevedu l-miżuri ta' akkumpanjament meħtieġa. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jimplimentaw aktar minn Skema waħda fil-livell reġjonali, dawn għandhom ifasslu strateġija għal kull reġjun.

(4)

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (5), il-Kummissjoni għandha tiffissal-allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana koperti bl-Iskema (“il-prodotti”). Sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal sħiħ tal-fondi disponibbli, huwa xieraq li tkun prevista riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni mhux mitluba bejn l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw u li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li lesti jużaw aktar mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom tal-għajnuna tal-Unjoni.

(5)

L-ispejjeż imġarrba għax-xiri tal-prodotti kif ukoll xi spejjeż relatati magħhom li huma direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-Iskema, għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni, sakemm dawn kienu previsti fl-istrateġija tal-Istat Membru. Madankollu, sabiex titħares l-effettività tal-Iskema, persentaġġ żgħir biss ta' għajnuna għandu jiġi allokat għal dawn l-ispejjeż relatati. Għall-finijiet tal-ġestjoni finanzjarja u tal-kontroll, dawn l-ispejjeż ma għandhomx jaqbżu ċerti limiti.

(6)

Fl-interess tal-amministrazzjoni soda u tal-ġestjoni u s-superviżjoni baġitarja, għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, u għall-għażla u l-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna.

(7)

Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-Iskema, u biex tkun tista' ssir reviżjoni bejn il-pari u tinqasam l-aħjar prassi, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema tagħhom b'mod regolari u jibagħtu r-riżultati u s-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni.

(8)

Għandhom jiġu ddeterminati penali sabiex ibiegħdu lill-applikanti minn imġiba ta' frodi u ta' negliġenza serja.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubbliku għandu jkun konxju biżżejjed mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Iskema. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jesebixxu powster fl-istabbilimenti edukattivi li jipparteċipaw. Dan il-powster għandu jitfassal f'konformità ma' ċerti rekwiżiti minimi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw lir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana (“il-prodotti”) għat-tfal u għal ċerti spejjeż relatati, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott u l-Ħxejjex għall-Iskejjel kif imsemmi fl-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament (“l-Iskema”).

Artikolu 2

L-istrateġija tal-Istati Membri

1.   Meta jfasslu l-istrateġija tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-livell ġeografiku u amministrattiv li fih jixtiequ jimplimentaw l-Iskema. Jekk jagħżlu li jimplimentaw l-Iskema fil-livell reġjonali, dawn għandhom jipprovdu strateġija għal kull reġjun.

Stat Membru li jimplimenta l-Iskema fil-livell reġjonali għandu jistabbilixxi punt uniku ta' kuntatt għal informazzjoni u notifiki lill-Kummissjoni.

L-istrateġija tista' tkopri aktar minn sena skolastika waħda skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/248 (6).

2.   Il-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jappoġġaw id-distribuzzjoni tal-prodotti u għandhom ikunu marbutin direttament mal-għanijiet tal-Iskema. F'dawn il-miżuri jistgħu jkunu involuti wkoll il-ġenituri u l-għalliema.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-Iskema għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija tagħhom sal-31 ta' Jannar li jiġi qabel il-bidu tal-ewwel sena skolastika koperta bl-istrateġija.

4.   Meta l-Istat Membru jemenda l-istrateġija tiegħu, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-istrateġija emendata tiegħu sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara l-emenda.

Artikolu 3

Ir-riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni

1.   Meta l-Istati Membri ma jkunux applikaw għall-għajnuna tal-Unjoni sal-iskadenza msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/248, jew ikunu talbu biss parti tal-allokazzjoni indikattiva tagħhom tal-għajnuna kif imsemmi fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u ffissat fl-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/248, l-allokazzjoni indikattiva tagħhom jew il-parti minnha mhux mitluba għandha tiġi allokata mill-ġdid għal dawk l-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-istess skadenza li lesti jużaw aktar mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom.

2.   Ir-riallokazzjoni għandha tkun limitata skont il-livell ta' użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni mill-Istat Membru kkonċernat għas-sena skolastika li tkun intemmet qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna. Dan il-livell ta' użu għandu jiġi stabbilit skont id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa li jkunu ntbagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta' Ottubru tas-sena skolastika sussegwenti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (7).

Il-limiti għar-riallokazzjoni għandhom ikunu kif ġej:

(a)

meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva ma jaqbiżx il-50 %, ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni addizzjonali;

(b)

meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-50 % iżda ma jaqbiżx il-75 %, il-massimu tal-allokazzjoni addizzjonali għandu jkun limitat għal 50 % tal-allokazzjoni indikattiva;

(c)

meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqabeż il-75 %, l-allokazzjoni addizzjonali massima ma għandhiex tkun limitata.

Dawn il-limiti ma għandhomx japplikaw għall-ewwel sentejn skolastiċi ta' implimentazzjoni tal-Iskema minn Stat Membru.

Artikolu 4

L-ispejjeż eliġibbli

1.   Dan huma l-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni:

(a)

l-ispejjeż tal-prodotti forniti bl-Iskema u mqassma lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inklużi l-ispejjeż tax-xiri, ir-renta, il-kiri u x-xiri bin-nifs ta' tagħmir li jintuża għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti, kif previst fl-istrateġija tal-Istat Membru;

(b)

dawn l-ispejjeż relatati li għandhom ikunu marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-Iskema:

(i)

l-ispejjeż relatati mal-obbligu ta' monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament;

(ii)

l-ispejjeż għal pubbliċità tal-Iskema li għandhom l-għan dirett li jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar l-Iskema, inkluż:

l-ispiża tal-powster imsemmi fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament,

l-ispejjeż tal-kampanji ta' informazzjoni fuq ix-xandir, komunikazzjonijiet elettroniċi, gazzetti u mezzi simili tal-komunikazzjoni;

l-ispejjeż tas-sessjonijiet ta' informazzjoni, il-konferenzi, is-seminars u l-gruppi ta' ħidma iddedikati għall-informazzjoni tal-pubbliku ġenerali dwar l-Iskema u avvenimenti simili;

l-ispejjeż tal-materjal ta' informazzjoni u promozzjoni bħall-ittri, il-fuljetti, il-browxers, l-oġġetti u l-affarijiet simili;

(iii)

l-ispejjeż għall-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament, inklużi:

l-ispejjeż għall-organizzazzjoni ta' klassijiet tat-tidwiq, għall-ħolqien u ż-żamma ta' sessjonijiet ta' ġardinaġġ, għall-organizzazzjoni ta' żjarat fl-irziezet u għal attivitajiet simili mmirati li jqarrbu lit-tfal lejn il-biedja;

l-ispejjeż għal miżuri li għandhom l-għan li jedukaw lit-tfal dwar il-biedja, dwar id-drawwiet tajbin tal-ikel u dwar kwistjonijiet ambjentali marbutin mal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-prodotti.

2.   Meta t-trasport u d-distribuzzjoni ta' dawn il-prodotti jiġu fatturati separatament, dawn l-ispejjeż ikunu eliġibbli għal għajnuna tal-Unjoni biss jekk ma jkunux jaqbżu t-3 % tal-ispejjeż tal-prodotti.

Meta l-prodotti jiġu forniti bla ħlas lill-istabbilimenti edukattivi, l-ispejjeż tat-trasport u d-distribuzzjoni ta' dawk il-prodotti jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni, fuq il-bażi ta' fatturi, soġġetti għal limitu massimu li jiġi stabbilit fl-istrateġija tal-Istat Membru.

3.   L-ispejjeż għall-pubbliċità u għall-miżuri ta' akkumpanjament ma għandhomx jiġu ffinanzjati fil-qafas ta' skemi oħra tal-għajnuna tal-Unjoni.

4.   It-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) u n-nefqa relatata mal-ispejjeż tal-persunal mhumiex eleġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni jekk dawk l-ispejjeż tal-persunal ikunu jiffinanzjawhom il-fondi pubbliċi tal-Istat Membru.

5.   L-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli għar-reklamar ma għandux jaqbeż il-5 % tal-ammont annwali tal-allokazzjoni definittiva msemmija fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal kull Stat Membru kkonċernat.

L-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli tax-xiri, ir-renta, il-kiri u x-xiri bin-nifs ta' tagħmir, u għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ma għandux jaqbeż l-10 % tal-ammont annwali tal-allokazzjoni definittiva għal kull Stat Membru kkonċernat.

L-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli għall-miżuri ta' akkumpanjament ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont annwali tal-allokazzjoni definittiva għal kull Stat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Il-kundizzjonijiet ġenerali biex tingħata l-għajnuna u l-għażla tal-applikanti għall-għajnuna

1.   L-għajnuna mogħtija lil Stat Membru bl-iskema għandha tingħata lill-applikanti li lill-awtorità kompetenti jkunu ppreżentawlha applikazzjoni għall-għajnuna relatata mal-implimentazzjoni ta' wieħed jew aktar minn dan li ġej:

(a)

il-provvista u/jew id-distribuzzjoni ta' prodotti lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi permezz tal-Iskema;

(b)

il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet;

(c)

il-pubbliċità;

(d)

il-mizuri ta' akkumpanjament.

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jippreżentawhom biss l-applikanti li ġew approvati skont l-Artikolu 6.

2.   L-Istat Membru għandu jagħżel l-applikanti għall-għajnuna minn fost dawn l-entitajiet:

(a)

l-istabbilimenti edukattivi;

(b)

l-awtoritajiet edukattivi;

(c)

il-fornituri u/jew id-distributuri tal-prodotti;

(d)

l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f'isem wieħed jew aktar mill-istabbilimenti edukattivi jew mill-awtoritajiet edukattivi u stabbiliti b'mod speċifiku għal dan il-għan;

(e)

xi entità pubblika jew privata oħra li tkun involuta fil-ġestjoni u fil-forniment ta' xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna

1.   L-applikanti għall-għajnuna għandha tapprovahom l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment edukattiv li lilu jiġu fornuti u/jew mqassma l-prodotti. L-approvazzjoni għandha tkun soġġetta għal dawn l-impenji bil-miktub li għamel l-applikant:

(a)

li jiżgura li l-prodotti ffinanzjati mill-Unjoni bl-iskema huma disponibbli għall-konsum mit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi li għalihom ikunu applikaw għall-għajnuna;

(b)

li juża l-għajnuna allokata għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għall-pubbliċità jew għall-miżuri ta' akkumpanjament skont l-għanijiet tal-Iskema;

(c)

li jirrifondi kull ammont ta' għajnuna mħallsa b'mod mhux dovut għall-kwantitajiet konċernati, jekk jinstab li l-prodotti ma jkunux tqassmu lit-tfal jew ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni;

(d)

li jirrifondi kull ammont ta' għajnuna mħallsa b'mod mhux dovut għall-miżuri ta' akkumpanjament, jekk jinstab li dawn il-miżuri ma jkunux twettqu sew;

(e)

li d-dokumenti ta' sostenn jagħmilhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti meta dawn jitolbuhom;

(f)

li jippermetti kull verifika li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħmel, b'mod partikolari l-iskrutinju tar-reġistri u l-ispezzjonijiet fiżiċi.

2.   Fil-kaz ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna li għandhom x'jaqsmu mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, dawk li qed japplikaw għall-għajnuna għandhom jagħmlu impenn addizzjonali bil-miktub biex iżommu reġistru tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-istabbilimenti edukattivi jew, meta jkun xieraq, tal-awtoritajiet edukattivi u tal-prodotti u tal-kwantitajiet mibjugħa jew fornuti lil dawn l-istabbilimenti jew l-awtoritajiet.

3.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet ta' għajnuna relatati mal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni jew il-pubbliċità, għandhom japplikaw biss il-punti (b) u (e) tal-paragrafu 1.

4.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet ta' għajnuna relatati mal-miżuri ta' akkumpanjament, għandhom japplikaw biss il-punti (b), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika kull impenn bil-miktub li għandu jwettaq l-applikant, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

il-miżuri ta' akkumpanjament imwettqa fl-iskejjel, meta dawk l-iskejjel ma jkunux applikanti għall-għajnuna;

(b)

il-miżuri ta' akkumpanjament li jinkludu d-distribuzzjoni tal-prodotti.

Artikolu 7

Is-sospensjoni jew l-irtirar tal-approvazzjoni

Jekk l-applikant jonqos milli jikkonforma mal-obbligi previsti f'dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tissospendi l-approvazzjoni tal-applikant għal perjodu ta' bejn xahar u tnax-il xahar jew tirtiraha, skont il-gravità tan-nuqqas ta' konformità u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Azzjoni bħal din ma għandhiex tittieħed f'każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew jekk in-nuqqas ta' konformità kien minuri.

Meta jitlob l-applikant u jekk ikunu tranġaw ir-raġunijiet għall-irtirar, l-awtorità kompetenti tista' terġa' tagħti l-approvazzjoni lill-applikant wara perjodu minimu ta' 12-il xahar mid-data meta r-raġunijiet għall-irtirar ikunu ssewwew.

Artikolu 8

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istrutturi u l-forom adegwati sabiex jiżguraw il-monitoraġġ annwali tal-implimentazzjoni tal-Iskema.

2.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Iskema sabiex tiġi vvalutata l-effettività tagħha fid-dawl tal-għanijiet tagħha.

3.   Meta Stat Membru ma jressaqx rapport ta' evalwazzjoni quddiem il-Kummissjoni, li jkun fih ir-riżultati tal-evalwazzjoni previsti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fil-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/248, l-ammont tal-allokazzjoni definittiva li jmiss għandu jitnaqqas kif ġej:

(a)

b'5 % jekk il-limitu taż-żmien jinqabeż b'1 sa 30 jum;

(b)

b'10 % jekk il-limitu taż-żmien jinqabeż b'31 sa 60 jum.

Jekk il-limitu taż-żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum, l-allokazzjoni definittiva għandha titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkulata fuq il-bilanċ li jifdal.

Artikolu 9

Il-penali

Fil-każ ta' ħlasijiet irregolari li mhumiex dovuti għal erruri ovvji u fil-każ ta' frodi jew ta' negliġenza serja li għaliha l-applikant ikun responsabbli, minbarra li jirkupra l-ammonti mħallsa b'mod mhux dovut, dan għandu jħallas ukoll ammont li jkun ugwali għad-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment u l-ammont li huwa intitolat għalih l-applikant.

Artikolu 10

Powster tal-Unjoni dwar “L-iskema tal-Frott u l-Ħxejjex għall-Iskejjel”

Għall-finijiet tal-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jużaw powster li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, li għandu jitqiegħed b'mod permanenti f'post viżibbli u leġġibbli b'mod ċar fl-intrata tal-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw.

Artikolu 11

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 288/2009 huwa mħassar.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għall-għajnuna għas-sena skolastika 2016/2017 u għas-snin skolastiċi ta' wara.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas-7 ta' April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta' frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/248 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-Iskema tal-Frott u l-Ħxejjex għall-Iskejjel, u li jiffissa allokazzjoni indikattiva għal din l-għajnuna (ara l-paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).


ANNESS

Rekwiżiti minimi tal-powster imsemmi fl-Artikolu 10

Id-daqs tal-powster: A3 jew akbar

Ittri: Ċentimetru (1) jew akbar

Titlu: “Skema tal-Frott u l-Ħxejjex għall-Iskejjel” tal-Unjoni Ewropea

Kontenut: Tal-anqas bit-test li ġej:

“L-[speċifika t-tip ta' stabbiliment edukattiv (pereżempju skola tat-trabi/skola ta' qabel l-iskola primarja/skola)] tagħna tipparteċipa fl-‘Iskema Ewropea tal-Frott għall-Iskejjel’ tal-Unjoni Ewropea bl-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.”

Il-powster għandu jkollu l-emblema tal-Unjoni.


Top