EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0207

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/207 tal-15 ta' Frar 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

OJ L 39, 16.2.2016, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/207/oj

16.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/207

tal-15 ta' Frar 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/233/PESK (1) li tistabbilixxi l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).

(2)

Fis-7 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2276 (2) li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK, li tipprevedi b'mod partikolari estensjoni u ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sal-21 ta' Frar 2016.

(3)

Is-sitwazzjoni fil-Libja teħtieġ li l-Unjoni tħejji għal missjoni possibbli ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u ta' assistenza għall-immaniġġar ta' kriżi fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-pajjiż.

(4)

Il-provvediment immedjat għal kapaċità ċivili ta' ppjanar ser ikun limitat fin-numru, għalkemm jista' jikber skont kif jevolvu ċ-ċirkostanzi u d-domandi, u skont il-qbil tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà.

(5)

Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(6)

L-EUBAM Libya ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/233/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-EUBAM Libya ser tassisti fi proċess komprensiv ta' ppjanar għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, bil-ħsieb li ssir tħejjija għal missjoni possibbli ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u ta' assistenza għall-immaniġġar ta' kriżi.”

(2)

fl-Artikolu 3(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

li tinforma l-ippjanar tal-UE għal missjoni possibbli ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u ta' assistenza għall-immaniġġar ta' kriżi fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, filwaqt li tikkoopera mill-qrib fl-isforzi tal-UNSMIL u tikkontribwixxi għalihom, b'koordinazzjoni mal-awtoritajiet Libjani leġittimi u ma' interlokuturi rilevanti oħrajn fir-rigward tas-sigurtà.”

(3)

fl-Artikolu 13(1) jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUBAM Libya għall-perijodu mit-22 ta' Frar 2016 sal-21 ta' Awwissu 2016 għandu jkun ta' EUR 4 475 000.”

(4)

fl-Artikolu 16 it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Hija għandha tapplika sal-21 ta' Awwissu 2016.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija tapplika mit-22 ta' Frar 2016.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2276 tas-7 ta' Diċembru 2015 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2013/233/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 51).


Top