EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2329

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2329 tal-11 ta' Diċembru 2015 li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali stabbiliti taħt il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u skont il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra, mhix xierqa għall-importazzjoni tal-banana li joriġinaw rispettivament fil-Peru u fil-Gwatemala għas-sena 2015

OJ L 328, 12.12.2015, p. 116–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2329/oj

12.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/116


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2329

tal-11 ta' Diċembru 2015

li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali stabbiliti taħt il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u skont il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra, mhix xierqa għall-importazzjoni tal-banana li joriġinaw rispettivament fil-Peru u fil-Gwatemala għas-sena 2015

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 20/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana ġie introdott bil-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, li provviżjorjament daħal fis-seħħ fir-rigward tal-Kolombja u l-Perù fl-1 ta' Awwissu 2013 u fl-1 ta' Marzu 2013 rispettivament.

(2)

Mekkaniżmu simili għall-banana ġie introdott bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, li provviżjorjament daħal fis-seħħ fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali matul l-2013, bil-Gwatemala tkun l-aħħar waħda, fl-1 ta' Diċembru 2013.

(3)

Skont dawn il-mekkaniżmi, u skont l-Artikoli 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013 u r-Regolament (UE) Nru 20/2013, ġaladarba jinqabeż volum ta' skattar definit għall-importazzjoni ta' banana friska (intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Jannar 2010) minn wieħed mill-pajjiżi konċernati, il-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni li jista' jissospendi temporanjament id-dazji tad-dwana preferenzjali applikati fuq l-importazzjoni tal-banana friska għal dak il-pajjiż jew jiddetermina li tali sospensjoni mhix xierqa.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tittieħed skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

(5)

L-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' banana friska li joriġinaw fil-Gwatemala qabżet il-limitu ta' 62 500 tunnellata metriċi definit mill-Ftehim ta' Kummerċ t'hawn fuq f'Ottubru 2015. F'Novembru 2015 l-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' banana friska li toriġina mill-Perù ukoll qabżet il-limitu definit ta' 86 250 tunnellata metriċi.

(6)

F'dan il-kuntest, skont l-Artikoli 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013 u tar- Regolament (UE) Nru 20/2013, il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-impatt tal-importazzjoni kkonċernata fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana sabiex tiddeċiedi jekk id-dazju doganali preferenzjali għandux jiġi sospiż. Għal dan l-għan il-Kummissjoni eżaminat l-effett tal-importazzjoni fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjoni minn sorsi oħra u l-istabbiltà ġenerali tas-suq tal-Unjoni għal banana friska.

(7)

L-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Perù rrappreżentat ftit inqas minn 2 % tal-importazzjoni totali tal-banana friska lejn l-Unjoni meta qabżu l-limiti definit tagħhom għall-2015. Abbażi ta' projezzjoni tal-importazzjoni sa tmiem l-2015, b'kont meħud tal-importazzjoni ta' kull xahar fl-2015 u l-fatt li l-importazzjonijiet mill-Perù fl-2014 baqgħu taħt it-2 % tal-importazzjoni totali għas-sena kalendarja kollha, m'hemm l-ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-livell ta' importazzjoni mill-Perù kif imqabbel mal-importazzjoni total ikun materjalment differenti għas-sena sħiħa 2015.

(8)

L-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Gwatemala rrappreżentaw ftit inqas minn 1,5 % tal-importazzjonijiet totali tal-banana friska lejn l-Unjoni meta qabżu l-limiti definit tagħhom għall-2015. Anki jekk, f'termini assoluti, din tirrappreżenta d-doppju tal-volum ta' importazzjoni għall-2014, abbażi ta' projezzjoni tal-importazzjonijiet sa tmiem l-2015 b'kont meħud tal-importazzjoni ta' kull xahar fl-2015, l-importazzjonijiet tal-banana mill-Gwatemala x'aktarx li ma jaqbżux il-1,5 % tal-importazzjonijiet totali għas-sena 2015 sħiħa.

(9)

Filwaqt li l-prezz tal-importazzjoni Peruvjan kien medja ta' EUR 670/tunnellata fl-ewwel 9 xhur tal-2015, jiġifieri 4 % ogħla mill-prezz medju ta' importazzjonijiet oħra, il-prezz tal-importazzjoni mill-Gwatemala kien medja ta' EUR 621/tunnellata matul l-istess perjodu, li huwa 3,5 % aktar baxx mill-prezzijiet medji ta' importazzjonijiet oħra ta' banana friska lejn l-UE.

(10)

L-importazzjonijiet kkombinati mill-Peru u mill-Gwatemala huma mistennija li jibqgħu inqas minn 3,5 % tal-importazzjonijiet totali għas-sena 2015 sħiħa, u l-prezz medju kkombinat tagħhom huwa komparabbli mal-livell tal-prezz ta' importazzjonijiet oħra.

(11)

L-importazzjonijiet ta' banana friska minn pajjiżi esportaturi kbar tradizzjonali oħra li magħhom l-UE wkoll għandha Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, b'mod notevoli l-Kolumbja, l-Kosta Rika u l-Panama, baqgħu fil-biċċa l-kbira taħt il-limitu stipulat għalihom f'mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni komparabbli, u kienu qed isegwu l-istess tendenzi u valuri tal-unità għall-aħħar tliet snin. Pereżempju l-livell ta' importazzjonijiet mill-Kolombja u l-Kosta Rika kienu rispettivament 627 elf tunnellata u 516 elf tunnellata taħt il-limiti definiti f'Ottubru 2015, li huwa konsiderevolment ogħla minn dak tal-importazzjoni totali kemm mill-Peru kif ukoll mill-Gwatemala għas-sena sħiħa.

(12)

Il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana fuq is-suq tal-Unjoni f'Ottubru 2015 (EUR 960/tunnellata) ma rreġistrax kambjamenti notevoli kkumparat mal-medji tal-prezzijiet tal-banana għax-xhur ta' qabel.

(13)

Għaldaqstant la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet disturbata mill-importazzjoni ta' banana friska mill-Perù u l-Gwatemala li teċċedi l-volum ta' importazzjoni ta' skattar annwali definit, u lanqas li dan kellu xi impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-UE. Lanqas ma huwa mistenni li din is-sitwazzjoni se tinbidel għall-bqija tal-2015.

(14)

Fl-aħħar nett, kif mitlub mir-Regolament (UE) Nru 19/2013 u r-Regolament (UE) Nru 20/2013, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' theddida ta' deterjorament serju jew deterjorament serju għall-produtturi fir-reġjuni l-aktar imbegħda tal-UE għas-sena 2015.

(15)

Abbażi tal-eżaminazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sospensjoni tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù mhix xierqa. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li s-sospensjoni tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù mhix xierqa. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-importazzjoni tal-banana minn dawn iż-żewġ pajjiżi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana friska tal-intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea li toriġina mill-Perù u l-Gwatemala mhix xierqa matul is-sena 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 17, 19.1.2013, p. 13.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top