EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0873

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/873 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port

OJ L 142, 6.6.2015, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/873/oj

6.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/873

tat-18 ta' Mejju 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jistgħu jittejbu b'mod effettiv bi tnaqqis drastiku ta' bastimenti substandard fl-ibħra tal-Unjoni, billi jiġu applikati b'mod strett il-Konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali rilevanti.

(2)

Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-konformità tal-bastimenti mal-istandards internazzjonali għas-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord hija f'idejn l-Istat tal-bandiera, ir-responsabbiltà għaż-żamma tal-kundizzjoni tal-bastiment u t-tagħmir tiegħu, wara stħarriġ biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-bastiment, hija tal-kumpannija tal-bastiment. Madankollu, kien hemm nuqqas serju min-naħa ta' numru ta' Stati tal-bandiera meta ġew biex jimplimentaw u jinforzaw dawk l-istandards internazzjonali.

(3)

Għaldaqstant, bħala t-tieni linja ta' difiża kontra t-trasport marittimu substandard, il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards internazzjonali għas-sigurtà, għall-prevenzjoni ta' tniġġis u għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istati tal-port, waqt li jkun rikonoxxut li l-ispezzjoni ta' kontroll mill-Istat tal-port mhijiex stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati ta' adegwatezza għat-tbaħħir. Approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv ta' dawk l-istandards internazzjonali mill-Istati Membri kostali tal-Unjoni fir-rigward ta' bastimenti li jbaħħru fl-ilmijiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom u li jużaw il-portijiet tagħhom għandu jevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(4)

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi r-reġim tal-Unjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-port, billi tifformula mill-ġdid u tirrinforza l-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni f'dan il-qasam li ilha fis-seħħ mill-1995. Ir-reġim tal-Unjoni huwa bbażat fuq l-istruttura li kienet teżisti qabel il-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (il-“Memorandum ta' Pariġi”) li ġie ffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982.

(5)

Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, id-Direttiva 2009/16/KE tpoġġi b'mod effettiv ċerti proċeduri, għodod u l-ħidma tal-Memorandum ta' Pariġi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Bis-saħħa tad-Direttiva 2009/16/KE, ċerti deċiżjonijiet meħuda mis-sede kompetenti xierqa tal-Memorandum ta' Pariġi isiru vinkolanti fuq l-Istati Membri tal-Unjoni.

(6)

Il-Kumitat dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (PSCC) tal-Memorandum ta' Pariġi ser jorganizza t-48 sessjoni tiegħu mit-18 sat-22 ta' Mejju 2015. Matul dik is-sessjoni, il-PSCC huwa mistenni li jiddeċiedi dwar ċerti kwistjonijiet li għandhom effett legali dirett fuq id-Direttiva 2009/16/KE.

(7)

Il-PSCC huwa mistenni jikkunsidra u, sussegwentement, jadotta l-istatistika aġġornata tal-ispezzjonijiet tal-2014, inklużi l-listi ġodda ta' prestazzjoni tal-bandieri bojod, griżi u suwed u l-lista ta' prestazzjoni ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti li ser jintużaw għal skopijiet ta' identifikazzjoni mill-1 ta' Lulju 2015. Peress li l-istatistika tal-ispezzjonijiet tal-Memorandum ta' Pariġi hija essenzjali għall-implimentazzjoni tar-reġim ta' spezzjoni stabbilit mid-Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-adozzjoni tagħha.

(8)

Il-PSCC huwa wkoll mistenni jikkunsidra u, sussegwentement, jadotta l-impenn reġjonali u l-kalkolu ta' sehem ġust skont l-Anness 11 għall-Memorandum ta' Pariġi. Minħabba l-importanza li l-impenn ta' spezzjonijiet jiġi kondiviż b'mod ekwu fost l-Istati Membri u li kull Stat Membru jikkontribwixxi b'mod ġust biex jinkiseb l-objettiv tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad- Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jappoġġaw dawk l-azzjonijiet tal-PSCC.

(9)

Il-PSCC huwa wkoll mistenni jikkonferma l-proporzjonijiet medji tad-detenzjoni u d-defiċjenza. Filwaqt li jżomm f'moħħu r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 (2) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2012 (3), l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-adozzjoni tagħhom.

(10)

Barra minn hekk, il-PSCC huwa mistenni jiddiskuti l-formoli ta' segwitu tad-detenzjonijiet (FUD) u l-proċeduri fil-każ ta' nuqqas li bastiment jiġi riċiklat kif miftiehem u jikkunsidra emenda tal-proċeduri u l-linji gwida tal-Memorandum ta' Pariġi. B'kont meħud tal-importanza ta' detenzjoni effettiva, proporzjonali u dissważiva, rifjut għal aċċess u segwitu għal sistema ta' spezzjoni taħt l-Artikoli 16, 19 u 21 tad- Direttiva 2009/16/KE, l-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, għandhom jopponu l-proposta fil-punt 2.6 tal-linja gwida emendata stabbilita fl-Anness II għad-dokument PSCC48/4.3.8, li tikkonċerna projbizzjoni definittiva u permanenti fuq bastimenti, minflok projbizzjoni temporanja, peress li din il-proposta mhijiex konformi mad-Direttiva 2009/16/KE.

(11)

Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, għandha tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

(12)

L-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għall-Memorandum ta' Pariġi. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bid-deċiżjonijiet meħuda mill-PSCC,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fit-48 sessjoni tal-PSCC tal-Memorandum ta' Pariġi meta dik is-sede tintalab tadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma marbuta mill-Memorandum ta' Pariġi, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u minuri fil-pożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġu emendati dawk il-pożizzjonijiet.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SEILE


(1)  Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta' Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 4).

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2012 tal-14 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 802/2010 fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (ĠU L 347, 15.12.2012, p. 10).


ANNESS

Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, f'isem l-Unjoni, fit-48 sessjoni tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, huma li:

(a)

jiġu approvati l-azzjonijiet proposti fid-dokument PSCC48/3.3 A, paragrafu 9.1;

(b)

jiġu approvati l-azzjonijiet proposti fid-dokument PSCC48/4.2.2B, paragrafu 5.1;

(c)

jiġu approvati l-azzjonijiet proposti fid-dokument PSCC48/4.2.2C, paragrafu 6.1; u

(d)

tiġi opposta l-emenda proposta fil-punt 2.6 tal-linja gwida emendata fid-dokument PSCC48/4.3.8.


Top