EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0111

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/111 tas- 26 ta' Jannar 2015 li jistabbilixxi miżuri sabiex tittaffa t-theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-ispnott ( Dicentrarchus labrax ) fil-Baħar Ċeltiku, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Irlandiż u n-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana

OJ L 20, 27.1.2015, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/111/oj

27.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 20/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/111

tas-26 ta' Jannar 2015

li jistabbilixxi miżuri sabiex tittaffa t-theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-ispnott (Dicentrarchus labrax) fil-Baħar Ċeltiku, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Irlandiż u n-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprovdi li jistgħu jittieħdu miżuri ta' emerġenza għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati relatati ma' theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Fuq talba motivata ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista', sabiex ittaffi din it-theddida, tadotta miżuri ta' emerġenza ta' dan it-tip fl-għamla ta' atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament li japplikaw għal perjodu massimu ta' sitt xhur.

(2)

Skont il-parir xjentifiku mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) kif ukoll mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), l-ispnott (Dicentrarchus labrax) fil-Baħar Ċeltiku, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Irlandiż u n-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana (Diviżjonijiet tal-ICES IVb,c and VIIa, d-h) għaddej minn tnaqqis rapidu fil-bijomassa minħabba taħlita ta' tnaqqis fir-reklutaġġ u żieda fil-mortalità tal-ħut. Il-bijomassa tal-istokk riproduttiv miexja lejn l-iktar livell baxx li qatt ġie osservat. Il-mortalità attwali mis-sajd hija kważi erba' darbiet ogħla minn dik li jiflaħ l-istokk. Għalhekk, l-ICES huwa tal-parir li jiġu implimentati miżuri biex titnaqqas sostanzjalment il-mortalità mis-sajd fil-firxa kollha tal-istokk.

(3)

Bl-ittra tad-19 ta' Diċembru 2014, ir-Renju Unit talab li l-Kummissjoni tieħu azzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, bil-għan li ż-żona tal-ICES VIIe ma tibqax miftuħa għas-sajd pelaġiku tal-ispnott minn Jannar sa April 2015 sabiex titnaqqas il-pressjoni tas-sajd billi jiġu mħarsal-ġlejjeb riproduttivi tal-ispnott. Din it-talba ġiet ikkomunikata lill-Belġju, Franza, l-Irlanda, in-Netherlands kif ukoll lill-Kunsill Konsultattiv Reġjonali għall-Ilmijiet tal-Majjistral u l-ilmijiet tal-Majjistral u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana. Il-Belġju, Franza u n-Netherlands bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni.

(4)

Il-kummenti li saru minn Franza jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għat-theddid ikkawżat minn attivitajiet ta' sajd u l-proċedura, għall-prova ta' theddida serja, u għar-riskju ta' diskriminazzjoni bejn tipi differenti ta' sajd. Il-Belġju wieġeb b'mod pożittiv għar-rikjesta tar-Renju Unit. In-Netherlands issuġġerew l-estensjoni tal-azzjonijiet biex ikopru żona aktar wiesgħa u tipi oħra ta' sajd. Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-proċedura tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ta' min wieħed jinnota li din id-dispożizzjoni ma hija limitata għall-ebda kawża partikolari u għalhekk tista' tiġi applikata għal kwalunkwe theddida, kemm jekk tkun ikkawżata minn attivitajiet ta' sajd u kemm jekk minn kawżi oħra, u l-limiti ta' żmien previsti minn dak l-Artikolu huma ġġustifikati mill-urġenza tal-bżonn li tiġi indirizzata t-theddida serja. Il-prova ta' theddida serja għall-ispnott fil-każ inkwistjoni hija bbażata fuq evidenza xjentifika, kif stipulat hawn taħt.

(5)

L-ispnott jaggrega f'konċentrazzjonijiet f'żoni partikolari minn Diċembru sa April biex jirriproduċi. L-istokk tal-ispnott jiddependi minn din il-fażi tar-riproduzzjoni. F'dan il-perjodu jsir sajd immirat għal dawn il-ġlejbiet u dan jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-mortalità mis-sajd tal-istokk u speċjalment għat-tnaqqis fl-għadd ta' ħut matur li jista' jirriproduċi b'suċċess. L-istatistika tal-qbid tikkonferma li din il-prattika tas-sajd tneħħi prinċipalment ħut matur u għalhekk dan ma jkunx jista' jikkontribwixxi aktar għar-riproduzzjoni ta' dan l-istokk.

(6)

Skont il-valutazzjoni xjentifika mill-ICES u l-STECF, is-sajd kummerċjali bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiċi huwa responsabbli għal aktar minn 25 % tal-mortalità mis-sajd.

(7)

Is-sejba ta' theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar torbot fuq ir-riskju ta' ħsara serja lill-kapaċità riproduttiva tal-istokk, minħabba d-deterjorazzjoni kbira tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv, flimkien mal-istennija li s-sajd kontinwu mmirat jista' jikkawża ħsara mhux sostenibbli lill-istokk riproduttiv. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati billi (1) l-istaġun riproduttiv beda u (2) is-sajd għal dawn l-istokkijiet riproduttivi beda wkoll. L-evidenza xjentifika tappoġġa azzjoni immedjata kif meħtieġ matul l-istaġun riproduttiv attwali tal-ispnott billi tieħu miżuri li japplikaw immedjatament u li se jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta' April 2015.

(8)

Huwa għalhekk urġenti li jittieħdu miżuri biex jiġi pprojbit is-sajd immirat għall-ispnott permezz tat-tkarkir pelaġiku matul l-istaġun riproduttiv sensittiv ħafna bejn Jannar u t-30 ta' April 2015. Jekk ikun hemm aktar dewmien qabel jitħares l-istokk, l-effettivittà tal-miżuri ta' emerġenza tonqos b'mod konsiderevoli jew tiġi eliminata. Sabiex tissaħħaħ l-effettività ta' dawn il-miżuri, l-operaturi għandhom ukoll jiġu ordnati biex ma jaċċettawx trażbord u ħatt l-art tal-ispnott maqbud matul il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(9)

Biex dawn il-ġlejjeb jitħarsu b'mod effettiv, u billi l-post fejn ikunu jvarja ferm, il-miżuri ta' emerġenza għandhom ikopru ż-żona ta' distribuzzjoni sħiħa tal-istokk, jiġifieri l-Baħar Ċeltiku, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Irlandiż u n-Nofsinhar tal-Baħar tat-Tramuntana (iż-żoni tal-ICES IVb, c u VIIa, d-h) u jinkludu s-sajd bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir pelaġiċi. Barra minn hekk, iż-żoni tal-ICES VIIj, k huma inklużi biex jiġi evitat l-ispustament fl-attività tas-sajd billi d-distribuzzjoni tal-istokk mhijiex determinata b'mod sħiħ.

(10)

Il-miżuri alternattivi ssuġġeriti minn Franza ma jkollhomx l-istess riżultat bħall-miżura f'dan ir-Regolament, minħabba li l-effikaċja tagħhom hija inċerta. Barra minn hekk, sabiex tingħata aktar protezzjoni lill-istokk tal-ispnott, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali fir-rigward tal-impatt ta' tip ta' sajd ieħor fi stadju aktar tard.

(11)

Franza pprovdiet informazzjoni li turi li bastimenti li jużaw irkaptu pelaġiku bid-daqsijiet tal-malji ta' bejn 32 u 69 mm ma jaqbdux l-ispnott u li kwalunkwe qbid inċidentali minn dawn il-bastimenti jkollu impatt minimu fuq l-istokk.

(12)

Is-sitwazzjoni tal-istokk tal-ispnott fiż-żoni koperti tissodisfa l-kriterji kollha tar-raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta' urġenza relatati ma' theddida serja għall-konservazzjoni ta' dan l-istokk u, għalhekk, il-Kummissjoni tista' tadotta l-miżuri li jinsabu f'dan ir-Regolament skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fuq inizjattiva tagħha stess u lil hinn mit-talba tar-Renju Unit.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament se jiġu mgħoddija lill-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura għall-opinjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri ta' emerġenza għall-istokk tal-ispnott fiż-żoni tal-ICES IVb, c, VIIa, d-k biex itaffu l-ħsara imminenti u serja lil dak l-istokk.

Artikolu 2

Miżuri

Matul il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jkun ipprojbit is-sajd għall-ispnott (Dicentrarchus labrax) fiż-żoni tal-ICES IVb, c, VIIa, d-k bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir pelaġiċi (imsemmija bħala OTM — għeżula tat-tkarkir pelaġiku, PTM — xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi) bid-daqs tal-malji tal-manka ta' 70 mm jew akbar.

Għal bastimenti li jużaw dawk l-irkapti, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord, jiġi rilokat, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art l-ispnott maqbud fil-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-istess żona.

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw il-qabdiet tal-ispnott bl-irkapti pelaġiċi (OTM jew PTM) lill-Kummissjoni 14-il jum wara t-tmiem ta' kull xahar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika sat-30 ta' April 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.


Top