EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0913

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/913/PESK tal- 15 ta' Diċembru 2014 b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

OJ L 360, 17.12.2014, p. 44–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/913/oj

17.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/913/PESK

tal-15 ta' Diċembru 2014

b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

(2)

L-UE qed timplimenta l-Istrateġija b'mod attiv u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitoli II u III tagħha, bħal pereżempju li jiġu rilaxxati riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi li jwasslu għat-titjib ta' sistema multilaterali ta' nonproliferazzjoni u miżuri multilaterali ta' bini ta' fiduċja. Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi (“il-Kodiċi” jew “HCoC”) u s-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (“MTCR”) huma parti integrali minn dik is-sistema multilaterali ta' nonproliferazzjoni. Il-Kodiċi u l-MTCR għandhom bħala għan il-prevenzjoni u t-trażżin tal-proliferazzjoni ta' sistemi ta' missili ballistiċi li kapaċi jġorru armi ta' qerda massiva (AQM) u teknoloġiji relatati.

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1). Dik il-Pożizzjoni Komuni ssejjaħ, fost l-oħrajn, għall-promozzjoni tas-sottoskrizzjoni tal-akbar numru possibbli ta' pajjiżi għall-Kodiċi, b'mod speċjali dawk b'kapaċitajiet ta' missili ballistiċi, kif ukoll għall-iżvilupp ulterjuri u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Kodiċi, speċjalment il-miżuri tiegħu ta' bini ta' fiduċja, u għall-promozzjoni ta' relazzjoni eqreb bejn il-Kodiċi u s-sistema multilaterali tan-NU ta' nonproliferazzjoni.

(4)

Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu u dokument intitolat “Linji ta' azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-vetturi tagħhom”. Id-dokument jiddikjara, inter alia, li l-proliferazzjoni tal-AQM u l-vetturi tagħhom ikomplu jikkostitwixxu waħda mill-akbar sfidi għas-sigurtà u li l-politika tan-nonproliferazzjoni tikkostitwixxi parti essenzjali mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. Fid-dawl tal-progress li sar u ta' sforzi kontinwi fl-implimentazzjoni tal-“linji ta' azzjoni ġodda”, il-Kunsill qabel f'Diċembru 2010 li jtawwal il-perijodu ta' implimentazzjoni tagħhom sa tmiem l-2012.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/974/PESK (2) b'appoġġ għall-Kodiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

(6)

Fit-23 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/423 PESK (3). Dik id-Deċiżjoni ppermettiet il-promozzjoni b'suċċess tal-universalità tal-Kodiċi u l-konformità mal-prinċipji tiegħu. Hija prijorità tal-Unjoni li jitkompla d-djalogu fost l-Istati sottoskritti u l-Istati mhux sottoskritti bil-għan tal-promozzjoni ulterjuri tal-universalità tal-Kodiċi kif ukoll l-implimentazzjoni aħjar u t-tisħiħ tiegħu. Din id-Deċiżjoni għandha tikkontribwixxi għal dan il-proċess.

(7)

B'mod aktar ġenerali, il-proliferazzjoni kontinwata ta' missili ballistiċi li kapaċi jġorru AQM tikkostitwixxi kawża ta' tħassib li qed jiżdied għall-komunità internazzjonali, b'mod partikolari programmi missilistiċi kurrenti fil-Lvant Nofsani, fl-Asja tal-Grigal u fl-Asja tax-Xlokk, inkluż l-Iran, is-Sirja u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK).

(8)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU enfasizza fil-UNSCR 1540 (2004) u fakkar fil-UNSCR 1977 (2011) li l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, kif ukoll tal-vetturi tagħhom, jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u obbliga lill-Istati, fost l-oħrajn, biex iżommu lura milli jappoġġaw bi kwalunkwe mod atturi mhux Statali jiżviluppaw, jakkwistaw, jimmanifatturaw, jippossjedu, jittrasportaw, jittrasferixxu jew jużaw armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-vetturi tagħhom. It-theddida kkawżata minn armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-vetturi tagħhom għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali ġiet affermata mill-ġdid fil-UNSCR 1887 (2009) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari. Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda fil-UNSCR 1929 (2010) u 1718 (2006), fost l-oħrajn abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-UNSCR 1540 (2004), 1977 (2011) u 1887 (2009), li l-Iran u l-RDPK m'għandhom jagħmlu l-ebda attività marbuta ma' missili ballistiċi kapaċi li jġorru armi nukleari, inkluż varar bl-użu ta' teknoloġija tal-missili ballistiċi, u li l-Istati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni tat-trasferiment ta' teknoloġija jew għajnuna teknika marbuta ma' tali attivitajiet lejn l-Iran u l-RDPK.

(9)

Din id-Deċiżjoni għandha sservi, b'mod aktar ġenerali, biex tappoġġa firxa ta' attivitajiet fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' missili ballistiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u prattika ta' ċerti elementi tal-Istrateġija, kif imsemmijin fl-Anness, l-Unjoni għandha:

(a)

tappoġġa l-attivitajiet b'appoġġ għall-Kodiċi u l-MTCR, b'mod partikolari bl-għan li:

(i)

tippromwovi l-universalità tal-Kodiċi, u b'mod partikolari s-sottoskrizzjoni għall-Kodiċi mill-Istati kollha li għandhom kapaċitajiet ta' missili ballistiċi;

(ii)

tappoġġa l-implimentazzjoni u r-rinfurzar tal-viżibbiltà tal-Kodiċi;

(iii)

tippromwovi l-aderenza għal-linji gwida tal-MTCR u l-anness tagħhom.

(b)

b'mod aktar ġenerali, tappoġġa l-firxa ta' attivitajiet għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' missili ballistiċi, immirati partikolarment għas-sensibilizzazzjoni dwar din it-theddida, iżżid l-isforzi biex tiżdied l-effettività ta' strumenti multilaterali, tibni appoġġ għal inizjattivi biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi speċifiċi u tgħin lill-pajjiżi interessati biex nazzjonalment jinfurzaw is-sistemi rilevanti tagħhom ta' kontroll tal-esportazzjoni.

2.   F'dan il-kuntest, il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

Attivitajiet b'appoġġ għall-Kodiċi:

(i)

it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta' “pakkett ta' merħba” għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni lejn Stati mhux sottoskritti, waqt li jitfakkru wkoll l-obbligi għall-Istati sottoskritti;

(ii)

l-organizzazzjoni ta' attivitajiet sekondarji ta' sensibilizzazzjoni fi Vjenna fil-marġini tal-laqgħa annwali tal-HCoC tal-Istati sottoskritti;

(iii)

l-organizzazzjoni ta' attivitajiet sekondarji ta' sensibilizzazzjoni b'appoġġ għall-HCoC fil-marġini tal-laqgħat tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

(iv)

l-organizzazzjoni ta' massimu ta' tliet seminars reġjonali ta' sensibilizzazzjoni bbażati fuq il-prijoritajiet tal-UE (possibbilment l-Asja, il-pajjiżi tal-Golf u l-Amerika Latina);

(v)

l-inkoraġġiment ta' rappreżentanti ta' Stati sottoskritti u dawk mhux sottoskritti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jattendu l-laqgħat annwali u s-seminars ta' sensibilizzazzjoni tal-HCoC;

(vi)

l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għal Stati li reċentement ingħaqdu mal-HCoC biex jingħataw għajnuna biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom, inkluż fil-marġini tal-laqgħa annwali tal-HCoC fi Vjenna;

(vii)

appoġġ għall-koordinazzjoni tal-isforzi għall-promozzjoni tal-HCoC mal-attivitajiet tal-Kumitat tan-NU 1540, inkluż permezz tal-finanzjament tal-parteċipazzjoni ta' esperti tal-HCoC fiż-żjarat fil-pajjiżi tal-Kumitat 1540;

(viii)

appoġġ għall-mekkaniżmu sigur ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-HCoC bbażat fuq l-internet (e-ICC), inkluż permezz ta' titjib tekniku tas-sit elettroniku;

(b)

Attivitajiet b'appoġġ għan-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi inġenerali:

(i)

l-organizzazzjoni ta' massimu ta' erba' seminars għas-sensibilizzazzjoni dwar il-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-marġini ta' fora multilaterali, possibbilment marbuta mal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-HCoC imsemmija fil-punt (a), bħal seminar fil-marġini tal-AĠNU jew il-Kumitati ta' Tħejjija għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni;

(ii)

l-organizzazzjoni ta' massimu ta' tliet seminars għas-sensibilizzazzjoni dwar il-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi u l-inkoraġġiment għal diskussjonijiet dwar perspettivi biex tiġi indirizzata aħjar it-theddida tal-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-livell reġjonali, possibbilment marbuta ma' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni oħra tal-UE dwar l-HCoC; f'assoċjazzjoni mal-Istati konċernati, is-seminars jistgħu jsiru fl-Asja, ir-reġjun tal-Golf u l-Amerika Latina;

(iii)

il-provvediment ta' erba' dokumenti ta' punti ta' riflessjoni dwar il-possibbiltà ta' aktar passi multilaterali biex tiġi evitata t-theddida tal-proliferazzjoni tal-missili u jiġu promossi l-isforzi ta' diżarm fil-qasam tal-missili ballistiċi, li jiffokaw b'mod partikolari fuq miżuri possibbli ta' bini ta' fiduċja u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà tal-adozzjoni ta' fokus reġjonali bħala l-ewwel pass, pereżempju f'reġjuni ta' interess partikolari għall-Unjoni u/jew fejn jista' jkun mistenni progress fil-futur qrib;

(iv)

l-organizzazzjoni ta' massimu ta' tliet sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għall-esperti, speċjalment mill-komunitajiet xjentifiċi u/jew tal-ispazju u l-industrija, sabiex jiġu evitati kemm it-teknoloġija b'użu doppju kif ukoll it-trasferiment ta' għarfien fi stadju bikri;

(v)

l-inkoraġġiment tal-aċċess tal-akkademiċi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jaħdmu fuq in-nonproliferazzjoni tal-missili għal proġetti taċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE;

(vi)

f'koordinazzjoni maċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE, l-organizzazzjoni ta' missjonijiet ta' esperti mmirati f'pajjiżi terzi sabiex isir skambju ta' informazzjoni u tagħlimiet meħuda rigward il-kontroll tal-esportazzjoni relatat mat-teknoloġija tal-missili u ma' oġġetti b'użu doppju u l-għoti ta' għajnuna lilhom fil-bini tal-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom;

(vii)

appoġġ għal taħriġ ta' esperti dwar in-nonproliferazzjoni ta' missili ballistiċi, permezz tal-parteċipazzjoni fi programmi tal-UE bħal dak tal-Kulleġġ dwar is-Sigurtà u d-Difiża jew fi programmi tal-Istati Membri tal-Unjoni (“Stati Membri”).

Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha ssir mill-Fondazzjoni għar-Riċerka Strateġika (FRS), li għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-FRS.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 990 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont li jidher fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-FRS. Il-ftehim għandu jistipula li l-FRS għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, b'mod adegwat għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-FRS. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li ssir mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 30 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk sa dakinhar ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/CFSP tas-17 ta' Novembru 2003 fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari (f'pajjiżi li għad ma għandhomx dawn l-armi) għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/974/PESK tat-18 ta' Diċembru 2008 b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 91).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/423/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 b'appoġġ għan-nonproliferazzjoni ta' missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva u tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 74).


ANNESS

1.   OBJETTIVI

L-Unjoni hija promotur qawwi tan-nonproliferazzjoni tal-missili. L-isforzi tagħha f'dan ir-rigward jinkludu l-Istrateġija u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK. Addizzjonalment, il-Kunsill approva “Linji ta' azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-vetturi tagħhom”, u r-Riżoluzzjoni UNSC 1540 (2004), appoġġata mill-UE, li minn dak iż-żmien 'il hawn ġiet imfakkra mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni UNSC 1977 (2010).

L-Unjoni tikkunsidra l-MTCR bħala strument multilaterali importanti li għandu l-għan li jrażżan il-proliferazzjoni ta' sistemi ta' missili ballistiċi u t-teknoloġiji u l-kompetenzi relatati permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni fuq materjali sensittivi. 19-il Stat Membru huma membri tal-MTCR u l-Istati Membri kollha qed jimplimentaw il-lista tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-MTCR permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (1).

L-Unjoni appoġġat bil-qawwa wkoll il-Kodiċi mill-bidu tiegħu u regolarment esprimiet tħassib dwar il-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi. L-Unjoni tikkunsidra l-Kodiċi bħala miżura ċentrali ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma sottoskritti tal-Kodiċi u qed jimplimentaw il-Kodiċi in bona fede.

Fil-passat, l-Unjoni ppruvat tegħleb in-nuqqasijiet li kien għad fadal fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi u fl-universalità tiegħu permezz tal-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' ħidma, laqgħat tal-esperti u seminars ta' sensibilizzazzjoni reġjonali. Dawk l-attivitajiet, li ġew organizzati taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/974/PESK u implimentati mill-FRS, urew bis-sħiħ l-effiċjenza u r-rilevanza tagħhom.

Inkoraġġita mill-eżitu ta' dawk l-attivitajiet, l-Unjoni kompliet bl-inizjattiva tagħha u appoġġat tliet aspetti tal-Kodiċi kif ġej:

(a)

l-universalità tal-Kodiċi;

(b)

l-implimentazzjoni tal-Kodiċi;

(c)

it-tisħiħ u l-funzjonament imtejjeb tal-Kodiċi.

Din l-azzjoni ttieħdet taħt id-Deċiżjoni 2012/423/PESK, li ppermettiet l-iżvilupp ta' diversi inizjattivi b'appoġġ għall-HCoC inkluż:

(a)

l-iżvilupp ta' sit elettroniku sikur u speċjalizzat;

(b)

l-organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet sekondarji bl-għan li jippromwovu l-Kodiċi fir-rigward ta' Stati mhux sottoskritti fi Vjenna, Ġinevra u New York;

(c)

workshop ta' sensibilizzazzjoni għal Pajjiżi Afrikani u tal-Lvant Nofsani f'Pariġi;

(d)

seminars reġjonali f'Singapor, Abu Dhabi u Lima;

(e)

tħejjija ta' dokumenti ta' punti ta' riflessjoni.

Id-Deċiżjoni 2012/423/PESK ikkontribwixxiet biex titqajjem kuxjenza dwar il-Kodiċi u l-promozzjoni tiegħu ma' pajjiżi terzi. Permezz ta' dik id-Deċiżjoni, l-Unjoni appoġġat lil Kosta Rika, Franza, l-Ungerija, il-Ġappun, il-Perù u r-Rumanija fl-attivitajiet tagħhom bħala Presidenti tal-HCoC. Bit-tisħiħ tal-profil tal-HCoC, hija ffaċilitat l-aderenza ta' membri ġodda għall-Kodiċi.

Fid-dawl tar-riżultati miksuba, u tal-proliferazzjoni kontinwa ta' missili ballistiċi li kapaċi jġorru AQM li tikkostitwixxi kawża ta' tħassib li qed jiżdied għall-komunità internazzjonali, b'mod partikolari programmi missilistiċi kurrenti fil-Lvant Nofsani, fl-Asja tal-Grigal u fl-Asja tax-Xlokk, inkluż l-Iran u r-RDPK, ser isiru l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

proġett 1, informazzjoni u komunikazzjoni;

(b)

proġett 2, it-tisħiħ tan-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi;

(c)

proġett 3, l-universalità tal-HCoC — attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

Billi tmur lil hinn mill-promozzjoni unika ta' aderenza għall-Kodiċi u l-MTCR, din id-Deċiżjoni tippermetti l-approfondiment tad-dibattitu internazzjonali dwar il-proliferazzjoni tal-missili u l-parteċipazzjoni ta' żoni reġjonali ġodda u komunitajiet ġodda.

2.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETT

2.1.   Proġett 1: Informazzjoni u Komunikazzjoni

2.1.1.   Objettiv tal-proġett

Il-Kodiċi jirrappreżenta strument importanti biex titrażżan il-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi u t-teknoloġiji relatati permezz ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja u tat-trasparenza. Madankollu, għandu jsir aktar biex dan jiġi appoġġat, b'mod partikolari bl-għan:

(a)

tal-promozzjoni tal-universalità tal-Kodiċi, u b'mod partikolari s-sottoskrizzjoni għall-Kodiċi mill-Istati kollha b'kapaċitajiet ta' missili ballistiċi u b'kapaċitajiet spazjali;

(b)

tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi fl-aspetti kollha tiegħu;

(c)

tar-rinfurzar tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi.

2.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett jipprevedi tliet tipi ta' attivitajiet:

(a)

it-tħejjija, id-disinn, l-istampar u d-distribuzzjoni sa 1 500 fuljett li jiddeskrivu l-appoġġ tal-Unjoni għall-Kodiċi. Il-fuljett ser jinkludi wkoll:

(i)

deskrizzjoni tal-HCoC;

(ii)

l-objettivi tal-HCoC;

(iii)

deskrizzjoni ta' dikjarazzjonijiet annwali, notifiki ta' qabel il-varar u żjajjar ta' osservazzjoni volontarji;

(iv)

l-istrateġija Ewropea lejn l-HCoC u l-proliferazzjoni tal-vetturi tal-AQM;

(v)

demarches li għandhom isiru għas-sottoskrizzjoni għall-Kodiċi;

(vi)

dettalji ta' kuntatt għall-Istati mhux sottoskritti;

(b)

it-tħejjija, id-disinn, l-istampar u d-distribuzzjoni ta' sa 1 000 ktejjeb stampat bħala “pakkett ta' merħba” u USB stick għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-Istati mhux sottoskritti, waqt li jitfakkru wkoll l-obbligi tal-Istati sottoskritti. Dan ser ikun disponibbli wkoll online, waqt li jkopri l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-Kodiċi u l-punti ta' kuntatt rilevanti. Il-“pakkett ta' merħba” ser jinkludi l-fuljett deskritt fil-punt (a);

(c )

l-appoġġ u l-aġġornar għall-mekkaniżmu sigur ta' informazzjoni u komunikazzjoni bbażat fuq l-Internet (“electronic Immediate Central Contact” — e-ICC) tal-HCoC, inkluż permezz ta' titjib tekniku tas-sit elettroniku f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Ministeru Federali għall-Affarijiet Barranin Awstrijak.

2.1.3.   Riżultati mistennija tal-proġett/indikaturi

(a)

permezz ta' distribuzzjoni wiesgħa tal-“pakkett ta' merħba” matul l-attivitajiet varji, jinkiseb għarfien akbar fost is-sħab dwar il-valur miżjud tal-HCoC, u tar-rwol tal-Unjoni.

(b)

sit elettroniku aktar sikur tal-HCoC jippermetti skambju mtejjeb ta' informazzjoni rilevanti fost is-sħab.

(c)

użu tal-“pakkett ta' merħba” mill-President tal-HCoC, is-Segretarjat Awstrijak (“Immediate Central Contact” (ICC)), l-Unjoni u sħab oħra kif meħtieġ fl-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħhom.

2.1.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Il-benefiċjarji tal-proġett huma kemm l-Istati sottoskritti għall-HCoC kif ukoll dawk li mhumiex.

2.2.   Proġett 2: it-tisħiħ tan-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi

2.2.1.   Għan tal-proġett

Il-kontinwazzjoni tal-proliferazzjoni u l-użu operazzjonali ta' missili ballistiċi li kapaċi jġorru AQM jikkostitwixxu kawża ta' tħassib li qed jiżdied għall-komunità internazzjonali, b'mod partikolari programmi missilistiċi kurrenti fil-Lvant Nofsani, fl-Asja tal-Grigal u fl-Asja tax-Xlokk, inkluż l-Iran u r-RDPK.

B'mod aktar ġenerali, il-proġett ser jappoġġa firxa ta' attivitajiet għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' missili ballistiċi, immirati partikolarment għas-sensibilizzazzjoni dwar din it-theddida, jiġu intensifikati l-isforzi biex tiżdied l-effettività ta' strumenti multilaterali, jinbena l-appoġġ għal inizjattivi li jindirizzaw dawk l-isfidi speċifiċi u tingħata għajnuna lill-pajjiżi interessati biex jirrinfurzaw b'mod nazzjonali s-sistemi rilevanti tagħhom ta' kontroll tal-esportazzjoni.

2.2.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-pubblikazzjoni ta' żewġ dokumenti ta' punti ta' riflessjoni fis-sena (4 sa ma jiskadi l-proġett). Suġġetti possibbli jistgħu jinkludu:

(a)

l-użu ta' żoni ħielsa mill-AQM eżistenti bħala eżempju u qafas potenzjali għal aktar inizjattivi li jipprojbixxu missili ballistiċi;

(b)

passi multilaterali ulterjuri biex tiġi evitata t-theddida tal-proliferazzjoni tal-missili u jiġu promossi l-isforzi ta' diżarm fil-qasam tal-missili ballistiċi, li jiffokaw b'mod partikolari fuq miżuri possibbli ta' bini ta' fiduċja;

(c)

mekkaniżmi ta' kontroll tal-esportazzjoni u t-transitu;

(d)

ir-rwol tat-Trasferiment Intanġibbli tat-Teknoloġija (ITT) fil-qasam tal-missili ballistiċi.

2.2.3.   Riżultati mistennija tal-proġett/indikaturi

(a)

il-promozzjoni ta' sforzi multilaterali li jrażżnu l-proliferazzjoni tal-missili inkluż l-HCoC u l-MTCR iżżid l-influwenza tal-UE fil-qasam tan-nonproliferazzjoni tal-missili;

(b)

l-inkoraġġiment tad-dibattitu dwar inizjattivi ġodda għat-tisħiħ tal-Kodiċi u l-MTCR u l-ftuħ għal aktar inizjattivi;

(c)

it-trawwim tan-nonproliferazzjoni tal-missili;

(d)

il-pubblikazzjoni ta' għallinqas 4 dokumenti ta' punti ta' riflessjoni;

(e)

it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni dwar teknoloġija b'użu doppju u kwistjonijiet ta' trasferiment ta' għarfien tipprevjeni t-trasferiment mhux intenzjonali fost l-Istati Membri u t-titjib tal-għarfien globali dwar il-mekkaniżmu ta' kontroll tal-esportazzjoni.

2.2.4.   Benefiċjarji tal-proġett

L-Unjoni u l-Istati Membri ser jibbenifikaw mid-dokumenti ta' punti ta' riflessjoni; distribuzzjoni usa' ser tiġi deċiża mir-RGħ f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma kompetenti tal-Kunsill. Id-deċiżjoni finali ser tkun ibbażata fuq proposti mill-entità ta' implimentazzjoni f'konformità mal-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni.

2.3.   Proġett 3: Universalizzazzjoni tal-HCoC — Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni

2.3.1.   Għan tal-proġett

Il-proġett ser jagħti spunt għas-sensibilizzazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni tal-missili u l-HCoC permezz tal-organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet bl-għan li jinvolvu Stati mhux sottoskritti. Għal dan il-għan, ser jiġu organizzati attivitajiet fi Vjenna u New York biex jinvolvu d-delegazzjonijiet tan-NU fil-marġini tal-attivitajiet rilevanti.

2.3.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett ser jipprovdi għal tliet tipi ta' attivitajiet:

(a)

Il-finanzjament ta' erba' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni (2 f'kull belt) b'appoġġ kemm għall-HCoC kif ukoll għan-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi li ser iseħħu f'żewġt ibliet:

(i)

fi New York, fil-marġini tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU jew tal-Kumitati ta' Tħejjija għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni;

(ii)

fi Vjenna, fil-marġini tal-HCoC jew attivitajiet oħra rilevanti tan-NU fi Vjenna.

Fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-seminars:

(i)

kull seminar ser idum nofs ta' nhar u ser jiġbor sa 80 parteċipant minn missjonijiet tan-NU fi New York u Vjenna madwar grupp magħżul ta' kelliema u uffiċjali tal-UE;

(ii)

ser jiġu mistiedna sa 6 kelliema;

(iii)

ser ikun mistieden il-President supplenti tal-HCoC;

(iv)

ser jiġu organizzati u ffinanzjati, taħt din id-Deċiżjoni, pranzi u ċeni ristretti bil-għan li jinvolvu uffiċjali għolja minn pajjiżi magħżula mmexxija minn rappreżentant anzjan tal-UE u esperti.

Għal dan il-għan, l-entità ta' implimentazzjoni, għal kull attività ser tipproponi lista ta' pajjiżi, li wħud minnhom ser ikunu Stati mhux sottoskritti. Dan ser jippermetti li jitlaqqgħu rappreżentanti għoljin li jittrattaw kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni.

(b)

Il-finanzjament ta' tliet seminars ta' sensibilizzazzjoni reġjonali li jistgħu jseħħu fl-Amerika Latina (eż. l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Messiku jew non-membru fir-reġjun tal-Karibew), il-Lvant Nofsani (eż. il-pajjiżi tal-Golf, il-Baħrejn, il-Qatar u l-Arabja Sawdija), u l-Asja (eż. mill-Indoneżja jew il-Vjetnam). L-għażla tal-post ser issir bi ftehim mar-RGħ, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma kompetenti tal-Kunsill. Is-seminar ser ikun iddedikat għal xejriet fil-proliferazzjoni tal-missili u għal fokus fuq kwistjonijiet reġjonali u ser jindirizza l-HCoC u informazzjoni prattika dwar li wieħed ikun Stat sottoskritt. L-Istati sottoskritti tar-reġjun ser jiġu mistiedna f'livell governattiv sabiex jikkondividu l-esperjenza tagħhom mal-Istati mhux sottoskritti. Il-President supplenti tal-HCoC ser ikun mistieden ukoll jagħmel dikjarazzjoni u jippresiedi s-sessjoni. L-attendenza tkun tista' tinkludi uffiċjali, diplomatiċi, persunal militari, rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, rappreżentanti tal-UE, akkademiċi, eċċ.

Fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-seminars:

(i)

kull seminar ser idum ġurnata;

(ii)

jistgħu jiġu mistiedna sa 50 persuna biex jattendu;

(iii)

il-President supplenti tal-HCoC ser ikun mistieden jagħmel dikjarazzjoni.

(c )

jiġu mmirati sa 10 missjonijiet ta' esperti għal Stati mhux sottoskritti. Huma prinċipalment ser jimmiraw l-industriji rilevanti, il-komunità xjentifika, esperti tal-kontroll tal-esportazzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. F'koordinazzjoni maċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-Unjoni Ewropea, żewġ esperti dwar in-nonproliferazzjoni ta' missili ballistiċi mill-aġenzija ta' implimentazzjoni u espert tal-UE ser imexxu missjonijiet fuq il-post f'pajjiżi fil-mira. Destinazzjonijiet possibbli jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, l-Alġerija, il-Baħrejn, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Eġittu, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iżrael, il-Malasja, il-Messiku, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t'Isfel u t-Tajlandja. Il-lista finali tal-pajjiżi ser tiġi deċiża f'kooperazzjoni mill-qrib mar-RGħ daqstant ieħor l-opportunità ta' demarches konġunti mal-isforzi ta' sensibilizzazzjoni tal-Kumitat tan-NU 1540. L-attendenza tkun tista' tinkludi uffiċjali, diplomatiċi, persunal militari, akkademiċi, l-industrija, ir-riċerkaturi, eċċ. minn pajjiż miżjura. Ser tingħata prijorità lil uffiċjali u elementi deċiżivi politiċi, diplomatiċi, il-persunal militari rilevanti, eċċ.

Fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-seminars:

(i)

kull seminar ser idum ġurnata;

(ii)

jistgħu jiġu mistiedna sa 25 persuna biex jattendu;

(iii)

ser ikunu mistiedna 3 esperti;

(iv)

ser ikun mistieden il-President supplenti tal-HCoC.

2.3.3.   Riżultati mistennija tal-proġett/indikaturi

(a)

jiġu organizzati tal-anqas 4 attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fi New York u Vjenna;

(b)

it-tliet attivitajiet reġjonali jlaqqgħu komunità diplomatika u akkademika importanti u jippermettu perspettivi ġodda dwar l-adeżjonijiet;

(c)

saru 10 missjonijiet ta' esperti sabiex tiżdied l-universalizzazzjoni tal-HCoC. Dawk il-missjonijiet ġabru tal-anqas 20 persuna li tiddieċidi u uffiċjali u żiedu l-livell ta' impenn mill-uffiċjali u l-persuni b'setgħat deċiżjonali fil-pajjiżi li kellhom żjara;

(d)

titqajjem kuxjenza dwar ix-xejriet tal-proliferazzjoni tal-missili u b'mod aktar partikolari dwar il-Kodiċi fir-rigward ta' Stati mhux sottoskritti filwaqt li jiġu promossi diskussjonijiet dwar aktar sforzi biex titrażżan il-proliferazzjoni tal-missili;

(e)

il-proġett jippromwovi d-dibattitu ġewwa u barra mill-Unjoni dwar inizjattivi futuri;

(f)

il-proġett ikabbar il-profil tal-proliferazzjoni tal-missili bħala sfida strateġika.

2.3.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Il-fokus prinċipali ta' dawn l-attivitajiet ser ikunu l-Istati mhux sottoskritti, għalkemm l-Istati sottoskritti jistgħu jkunu assoċjati ma' ċerti attivitajiet għal raġunijiet ta' politika. Il-parteċipanti għandhom ikunu primarjament esperti governattivi u uffiċjali għolja.

L-għażla finali tal-Istati benefiċjarji ser issir f'konsultazzjoni bejn l-entità ta' implimentazzjoni u r-RGħ f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma kompetenti tal-Kunsill.

3.   TUL TA' ŻMIEN

It-tul ta' żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti huwa ta' 30 xahar.

4.   ENTITÀ TA' IMPLIMENTAZZJONI

(a)

l-FRS ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni teknika tal-proġetti;

(b)

il-kofinanzjament ser jiddipendi mill-FRS;

(c)

l-entità ta' implimentazzjoni ser tħejji:

(i)

rapporti kull tliet xhur dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti;

(ii)

rapport finali mhux iktar tard minn xahar mit-tmiem tal-implimentazzjoni tal-proġetti;

(d)

ser jintbagħtu rapporti lir-RGħ;

(e)

l-FRS ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adegwata għad-daqs tagħha.

5.   PARTEĊIPANTI TERZI

Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom taħt din id-Deċiżjoni. L-esperti mill-Istati sottoskritti tal-Kodiċi jew mill-Istati mhux sottoskritti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu f'konformità mar-regoli standard tal-FRS.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) NRU 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).


Top