EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1336

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2014 tas- 16 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015

OJ L 360, 17.12.2014, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1336/oj

17.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/13


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1336/2014

tas-16 ta' Diċembru 2014

li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi l-ħalib u prodotti tal-ħalib. Din il-projbizzjoni ħolqot disturb fis-suq bi tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet minħabba l-fatt li suq importanti tal-esportazzjoni f'daqqa waħda ma baqax disponibbli.

(2)

L-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Settembru.

(3)

Għaldaqstant inħolqot sitwazzjoni fejn il-miżuri normali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw id-disturb fis-suq.

(4)

Il-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat ġie estiż għall-31 ta' Diċembru 2014 bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 949/2014 (2).

(5)

Il-prezzijiet tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li tibqa' għaddejja.

(6)

Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fejn il-prezzijiet se jkomplu jiddeterjoraw u d-disturbi fis-suq se jiżdiedu, huwa essenzjali li l-intervent pubbliku jkun disponibbli wkoll wara l-31 ta' Diċembru 2014.

(7)

Għaldaqstant huwa xieraq li l-1 ta' Jannar jiġi stabbilit bħala l-bidu tal-perjodu ta' xiri sfurzat ta' intervent għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat f'2015.

(8)

Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u għall-kontribuzzjoni fl-istabilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżura temporanja stipulata f'dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-2015 l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, tas-16 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 949/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' estensjoni tal-perjodu tal-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2014, (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 21).


Top