EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0661

Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

OJ L 189, 27.6.2014, p. 143–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/661/oj

27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/143


REGOLAMENT (UE) Nru 661/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu b’konformità mal-proċedura ordinarja leġiżlattiva (3),

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (‘il-Fond’) kien ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (4).

(2)

Huwa importanti għall-Unjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha strument b’saħħtu u flessibbli li jippermettilha turi solidarjetà, tibgħat sinjal politiku ċar u tipprovdi assistenza ġenwina liċ-ċittadini milqutin minn diżastri naturali maġġuri li jkollhom riperkussjonijiet serji għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

(3)

L-intenzjoni ddikjarata tal-Unjoni li tassisti lill-pajjiżi kandidati fit-triq lejn stabbiltà u żvilupp ekonomiku u politiku sostenibbli permezz ta’ perspettiva Ewropea ċara ma għandiex tmur lura bl-effetti ħżiena ta’ diżastri naturali maġġuri. L-Unjoni għandha, għalhekk, tkompli turi solidarjetà mal-pajjiżi terzi li huma involuti fin-negozjati dwar l-adeżjoni magħha u li magħhom infetħet konferenza intergovernattiva dwar l-adeżjoni. L-inklużjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament titlob, bħala konsegwenza, rikors għall-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi ġuridika addizzjonali.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni malajr dwar l-impenn ta’ riżorsi finanzjarji speċifiċi u li tattivahom malajr kemm jista’ jkun. Il-proċeduri amministrattivi għandhom jiġu aġġustati kif xieraq u jiġu llimitati għal minimu meħtieġ. Għal dak l-għan, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkludew il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (5).

(5)

It-terminoloġija li jinsabu u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(6)

Id-definizzjoni ta’ diżastru naturali, li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002, ma għandhiex tkun ambigwa.

(7)

Id-dannu kkawżat minn tipi oħra ta’ diżastri li minħabba l-effett kaskata huma konsegwenza diretta ta’ diżastru naturali għandu, għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002, jkun ikkunsidrat parti mid-dannu dirett ikkawżat minn dak id-diżastru naturali.

(8)

Sabiex il-prattika stabbilita tiġi kkodifikata, u biex ikun żgurat trattament ugwali ta’ applikazzjonijiet, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond għandhom jingħataw fir-rigward ta’ ħsara diretta biss.

(9)

‘Diżastru naturali maġġuri’ fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għandu jiġi definit ulterjorment bħala diżastru li kkawża ħsara diretta iktar mil-livell minimu espress f’termini finanzjarji. Tali ħsara għandu jiġi espress bil-prezzijiet ta’ sena ta’ referenza, jew bħala perċentwal tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istat ikkonċernat.

(10)

Sabiex tkun ikkunsidrata aħjar in-natura speċifika ta’ diżastri naturali li, għalkemm dawn ikollhom riperkussjonijiet serji għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni kkonċernati, ma jilħqux l-iskala minima meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, il-kriterji għal diżastri naturali reġjonali għandhom jiġu ddeterminati abbażi tad-dannu kalkulabbli b’referenza għall-prodott domestiku gross reġjonali (PDG)) li abbażi tiegħu s-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika speċifika, aggravata bil-karatteristiċi speċjali ta’ Guadeloupe, il-Guiana Franċiża, Martinique, Réunion, Mayotte, Saint-Martin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Canary bħala reġjuni ultra-periferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 tat-TFEU, tiġġustifika li jiġi stabbilit għalihom limitu minimu ta’ 1 % tal-PDG bħala deroga. Dawk il-kriterji għandhom jiġu determinati b’mod ċar u sempliċi sabiex titnaqqas il-possibbiltà li jiġu sottomessi applikazzjonijiet li ma jilħqux ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(11)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara diretta, għandha tintuża data f’format armonizzat, ipprovdut mill-Eurostat, li tippermetti trattament ekwitabbli tal-applikazzjonijiet.

(12)

Il-Fond għandu jikkontribwixxi għar-restawr tal-infrastruttura biex terġa’ ssir funzjonali, għat-tindif taż-żoni milquta minn diżastru u għall-ispejjeż ta’ servizzi tas-salvataġġ u għall-akkomodazzjoni temporanja għall-popolazzjoni kkonċernata matul il-perjodu sħiħ ta’ implimentazzjoni. It-tifsira ta’ restawr tal-infrastruttura biex terġa’ ssir funzjonali għandha tiġi ddefinita, u sa fejn il-Fond se jkun jista’ jikkontribwixxi għall-ipejjeż korrispondenti għandu jiġi ċċarat. Il-firxa ta’ żmien li matulha huwa possibbli li tikkunsidra l-akkomodazzjoni għall-persuni li jkunu spiċċaw bla dar minħabba diżastru naturali bħala temporanja għandha tiġi definita wkoll.

(13)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għandhom jiġu allinjati mal-politika ġenerali tal-Unjoni dwar il-finanzjament fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(14)

Għandu jiġi speċifikat ukoll sa fejn huwa possibbli għal operazzjonijiet eliġibbli li jinkludu nefqa għal assistenza teknika.

(15)

Sabiex Stati benefiċjarji jiġu preklużi milli jagħmlu profitt nett minn intervent permezz tal-Fond, għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li taħthom l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond jistgħu jiġġeneraw dħul.

(16)

Ċerti tipi ta’ diżastri naturali, bħal, inter alia, nixfiet jiżviluppaw fuq perijodu estiż ta’ żmien qabel ma jinħassu l-effetti diżastrużi tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex l-użu tal-Fond jiġi permess f’każijiet bħal dawn ukoll.

(17)

Huwa importanti li jiġi żgurat li Stati eliġibbli jagħmlu l-isforzi rekwiżiti biex jevitaw diżastri naturali milli jseħħu u biex jimmitigaw l-effetti tagħhom, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri naturali u l-użu ta’ fondi tal-Unjoni disponibbli għal investimenti rilevanti. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jagħmluha possibbli li nuqqas, kif stabbilit permezz ta’ sentenza finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat Membru milli jikkonforma mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri wara li jkun irċieva kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għal diżastru naturali preċedenti, jista’ jirriżulta fir-rifjut tal-applikazzjoni jew fi tnaqqis tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja fl-eventwalità ta’ applikazzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ diżastru naturali tal-istess natura.

(18)

Huwa possibbli li Stati Membri jkunu jirrikjedu appoġġ finanzjarju iktar malajr milli possibbli permezz tal-proċedura normali biex jirrispondu għal diżastru naturali. Għal dan l-għan, ikun xieraq provvediment għall-possibbiltà li jsir ħlas ta’ pagament bil-quddiem meta ssir talba mill-Istat Membru kkonċernat ftit wara li tkun ġiet sottomessa lill-Kummissjoni applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Il-pagament bil-quddiem ma għandux jaqbeż ċertu ammont u għandu jkun jidher meta jitħallas l-ammont finali tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-pagamenti bil-quddiem li jsiru indebitament għandhom jitħallsu lura mill-Istat Membru fi żmien qasir determinat. Il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem ma għandux jippreġudika r-riżultat tad-deċiżjoni finali dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(19)

Il-proċeduri amministrattivi għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għandhom ikunu kemm jista’ jkun sempliċi u effiċjenti fil-ħin. Dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, għandhom għaldaqstant jiġu inklużi, għall-Istati Membri, fl-atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu dik il-kontribuzzjoni finanzjarja. Madankollu, għall-Istati benefiċjarji li għadhom mhumiex Stati Membri, għal raġunijiet ġuridiċi għandhom jinżammu ftehimiet ta’ implimentazzjoni separati.

(20)

Il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida biex tassisti lill-Istati Membri dwar kif, b’mod effettiv, ikollhom aċċess u l-użu tal-Fond, u dwar kif japplikaw bl-aktar mod sempliċi għall-assistenza mill-Fond.

(21)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 introduċa bidliet fl-immaniġġar kondiviż u indirett, inklużi rekwiżiti ta’ rappurtar speċifiċi li għandhom jiġu kkunsidrati. L-obbligi tar-rappurtar għandhom jirriflettu l-perijodu qasir tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fond. Il-proċeduri għall-ħatra ta’ korpi responsabbli għall-immaniġġar u l-kontroll tal-fondi tal-Unjoni, għandhom jirriflettu n-natura tal-istrument u ma jdewmux il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Għaldaqstant hu neċessarju li jkun hemm deroga mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(22)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex jiġi evitat il-finanzjament doppju ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni jew strumenti ġuridiċi internazzjonali relatati mal-kumpens ta’ ħsara speċifika.

(23)

Id-dikjarazzjoni tan-nefqa li l-pajjiżi jkunu għamlu minn kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għandha tkun sempliċi kemm jista’ jkun. Għalhekk għandha tintuża rata unika tal-kambju matul l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-pajjiżi li mhumiex membri taż-żona tal-euro.

(24)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji partikolari jew dwar kwalunkwe pagament bil-quddiem mill-Fond lil Stati eliġibbli.

(25)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jirregolaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom isiru iktar speċifiċi sabiex jidentifikaw b’mod ċar miżuri għall-prevenzjoni, l-iskoperta jew l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament.

(26)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tkun żgurata azzjoni ta’ solidarjetà fl-Unjoni kollha biex tappoġġa Stat milqut minn diżastru naturali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri fuq bażi ad hoc, iżda pjuttost jistgħu, bl-applikazzjoni ta’ metodu sistematiku, regolat u ekwitabbli ta’ għoti ta’ appoġġ finanzjarju li jinvolvi lill-Istati Membri kollha skont il-kapaċità tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(27)

Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jiġi sostitwit kif ġej:

“Artikolu 2

1.   Fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż involut f’negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni, (minn hawn ‘il quddiem imsemmi bħala ‘Stat eliġibbli’), l-assistenza mill-Fond tista’ tiġi mobilizzata meta jseħħu riperkussjonijiet serji għall-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija f’reġjun wieħed jew iktar ta’ dak l-Istat eliġibbli bħala konsegwenza ta’ diżastru naturali maġġuri jew reġjonali li jkun seħħ fit-territorju tal-istess Stat eliġibbli jew ta’ Stat eliġibbli tal-viċinat. Ħsara diretta kkawżata bħala l-konsegwenza diretta ta’ diżastru naturali għandha titqies bħala parti mill-ħsara kkawżata minn dak id-diżastru naturali.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘diżastru naturali maġġuri’ għandha tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta, fi Stat Membru eliġibbli fi ħsara diretta stmata jew iktar minn EUR 3 000 000 000 bil-prezzijiet tal-2011, jew iktar minn 0,6 % tal-IGN tiegħu.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali reġjonali” għandha tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta, f’reġjun fil-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli, fi ħsara diretta li taqbeż 1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tar-reġjun.

Bħala deroga mill-ewwel subparagrafu, meta r-reġjun konċernat, li fih seħħ diżastru naturali, ikun reġjun ultra-periferiku fis-sens tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż 1 % tal- PDG ta’ dak ir-reġjun.

Fejn id-diżastru naturali jikkonċerna diversi reġjuni fil-livell NUTS 2, il-limitu minimu għandu jiġi applikat għall-medja tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni, peżata skont is-sehem mill-ħsara totali li jkun hemm f’kull reġjun.

4.   L-assistenza mill-Fond tista’ tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li jkun ukoll diżastru naturali maġġuri fi Stat eliġibbli tal-viċinat.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandha tintuża data statistika armonizzata pprovduta mill-Eurostat.”;

(2)

L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-assistenza għandha tieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Għal kull diżastru naturali għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja waħda lil Stat eliġibbli.

2.   L-għan tal-Fond huwa li jikkumplimenta l-isforzi tal-Istati kkonċernati u li jkopri parti min-nefqa pubblika tagħhom sabiex jgħinu lill-Istat eliġibbli jwettaq, skont it-tip ta’ diżastru naturali, l-operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u rkupru li ġejjin

(a)

ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni;

(b)

il-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u l-finanzjament ta’ servizzi ta’ salvataġġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kkonċernata;

(c)

l-iżgurar ta’ infrastrutturi preventivi u ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ wirt kulturali;

(d)

it-tindif ta’ żoni milquta minn diżastri, inklużi żoni naturali, b’konformità, fejn ikun il-każ, ma’ approċċi bbażati fuq l-ekosistema kif ukoll restawr immedjat ta’ żoni naturali affettwati biex jiġu evitati effetti immedjati mill-erożjoni tal-ħamrija.

Għall-finijiet tal-punt (a) ‘restawr biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw’ tfisser restawr tal-infrastruttura u l-impjanti għall-kundizzjoni tagħhom ta’ qabel ma seħħ id-diżastru naturali. Fejn ma jkunx legalment possibbli jew ekonomikament ġustifikat li tinġieb lura l-kondizzjoni għal kif kienet qabel ma seħħ id-diżastru naturali, jew fejn l-istat benefiċjarju jiddeċiedi li jirriloka jew itejjeb il-funzjonament tal-infrastruttura jew l-impjant affettwat sabiex itejjeb il-kapaċità tiegħu biex ikun jiflaħ għal diżastri naturali futuri, il-Fond jista’ jikkontribwixxi għall-ispiża tar-restawr sal-ispiża stmata biex iġibha lura għall-istatus quo ante tagħha biss.

Spejjeż li jaqbżu l-livell tal-ispiża msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istat benefiċjarju mill-fondi proprji, jew fejn possibbli, minn fondi oħra tal-Unjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b), ‘akkomodazzjoni temporanja’ tfisser akkomodazzjoni li ddum sakemm il-popolazzjonijiet ikkonċernatjkunu jistgħu jmorru lura lejn id-djar oriġinali tagħhom wara li jkunu ssewwew jew inbnew mill-ġdid.

3.   Il-ħlasijiet mill-Fond huma limitati għall-finanzjament ta’ miżuri li jtaffu l-ħsara li mhijiex assigurata u għandhom jiġu rkuprati jekk l-ispiża tat-tiswija tal-ħsara titħallas sussegwentement minn parti terza b’konformità mal-Artikolu 8(4).”;

(b)

Jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma għandiex tikkostitwixxi nefqa eliġibbli ta’ operazzjoni, ħlief jekk ma tistax tiġi rkuprata skont il-leġislazzjoni nazzjonali tal-VAT.

5.   L-assistenza teknika għall-immaniġġar, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-soluzzjoni għall-ilmenti, u l-kontroll u l-awditjar, ma għandhiex tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond.

L-ispejjeż marbuta mat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2, inklużi spejjeż relatati ma’ kompetenza teknika essenzjali għandhom ikunu eliġibbli bħala parti mill-ispejjeż tal-proġett.

6.   Fejn jiġi ġġenerat dħul mill-operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-Fond ma għandiex taqbeż it-total tal-ispejjeż netti ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru mġarrba mill-Istat benefiċjarju. L-Istat benefiċjarju għandu jinkludi dikjarazzjoni għal dak l-effett fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond skont l-Artikolu 8(3).

7.   Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart tal-ammont annwali tal-Fond għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri l-bżonnijiet li jinqalgħu sal-aħħar tas-sena.”;

(3)

L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn tnax-il ġimgħa wara l-ewwel okkorrenza tal-ħsara bħala konsegwenza ta’ diżastru naturali, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli ta’ Stat eliġibbli jistgħu jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond u jipprovdu, bħala minimu, l-informazzjoni disponibbli kollha dwar:

(a)

il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru u l-impatt tagħha fuq il-popolazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent ikkonċernat;

(b)

l-ispiża stmata tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2);

(c)

kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament tal-Unjoni;

(d)

kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament nazzjonali jew internazzjonali, inkluża kopertura tal-assigurazzjoni pubblika u privata li tista’ tikkontribwixxi għall-ispejjeż tat-tiswija tal-ħsara;

(e)

deskrizzjoni qasira tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri relatati man-natura tad-diżastru naturali;”;

(b)

Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   F’każijiet ġustifikati l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jistgħu jissottomettu, wara d-data ta’ skadenza msemmija fil-paragrafu 1, informazzjoni addizzjonali sabiex jikkompletaw jew jaġġornaw l-applikazzjoni tagħhom.

1b.   Il-Kummissjoni għandha tħejji gwida għall-aċċess u l-implimentazzjoni effettivi tal-Fond. Il-Gwida għandha titfassal sat-30 ta’ Settembru 2014 u għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri għall-abbozzar tal-applikazzjoni, inklużi r-rekwiżiti għall-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni. Il-Gwida għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti elettroniċi tad-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni għandha tiżgura d-disseminazzjoni wiesgħa tagħha lil Stati eliġibbli.

1c.   Fil-każ ta’ diżastru naturali li jitfaċċa progressivament, l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tibda tgħodd mid-data li fiha l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat eliġibbli jieħdu azzjoni uffiċjali għall-ewwel darba kontra l-effetti tad-diżastru naturali jew mid-data meta jiddikjaraw stat ta’ emerġenza.”;

(c)

Il-paragrafi 2 sa 5 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u kwalunkwe kjarifika li għandha tiġi pprovduta mill-Istat eliġibbli, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond jintlaħqux u għandha tiddetermina l-ammont ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja possibbli mill-Fond kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li tirċievi l-applikazzjoni, li tibda tgħodd mid-data minn meta tkun waslet l-applikazzjoni kompluta u eskluż iż-żmien meħtieġ għat-traduzzjoni, fil-limiti disponibbli tar-riżorsi finanzjarji.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond abbażi ta’ applikazzjoni li tkun waslet wara t-28 ta' Ġunju 2014 għal diżastru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, hija tista’ tirrifjuta applikazzjoni ulterjuri għal kontribuzzjoni finanzjarja relatata ma’ diżastru tal-istess natura jew tnaqqas l-ammont li għandu jkun disponibbli meta l-Istat Membru huwa soġġett għal proċeduri ta’ ksur u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun tat sentenza finali li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jimplimenta l-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri, li huwa direttament marbut man-natura tad-diżastru naturali mġarrab.

Il-Kummissjoni għandha tittratta l-applikazzjonijiet kollha għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b’mod ekwitabbli.

3.   Meta l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-proposti meħtieġa sabiex jiġi mobilizzat il-Fond u sabiex jiġu awtorizzati l-approprjazzjonijiet korrispondenti. Dawk il-proposti għandhom jinkludu;

(a)

kull informazzjoni disponibbli, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)

kull informazzjoni rilevanti oħra fil-pussess tal-Kummissjoni;

(c)

prova dimostrazzjoni li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 2 ġew sodisfatti; u

(d)

ġustifikazzjoni tal-ammonti proposti.

Id-deċiżjoni sabiex jiġi mobilizzat il-Fond għandha tittieħed konġuntement mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun wara s-sottomissjoni tal-proposta mill-Kummissjoni.

Kemm il-Kummissjoni, minn naħa waħda, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, min-naħa l-oħra, għandhom jagħmlu sforz sabiex jimminimizzaw iż-żmien meħud għall-mobilizzazzjoni tal-Fond.

4.   Ladarba l-approprjazzjonijiet isiru disponibbli mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tagħti kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, u għandha tħallas dik il-kontribuzzjoni finanzjarja immedjatament u f’pagament wieħed lill-Istat benefiċjarju. Jekk ikun sar ħlas ta’ pagament bil-quddiem, skont l-Artikolu 4a, għandu jitħallas il-bilanċ biss.

5.   Il-perijodu ta’ eliġibbiltà għan-nefqa għandu jibda fid-data tal-ewwel okkorrenza tal-ħsara kif imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-każ ta’ diżastru naturali li jitfaċċa progressivament, il-perijodu ta’ eliġibbiltà għan-nefqa għandu jibda fid-data li fiha l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat eliġibbli jieħdu azzjoni għall-ewwel darba jew mid-data li fiha huma jiddikjaraw stat ta’ emerġenza, kif imsemmi fil-paragrafu 1c.”;

(4)

Jiżdied l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Meta jissottometti applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lill-Kummissjoni, Stat Membru jista’ jitlob il-pagament bil-quddiem. Il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni preliminari dwar jekk l-applikazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet stiuplati fl-Artikolu 4(1) u tivverifika d-disponibbiltà ta’ riżorsi baġitarji. Fejn dawk il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti u r-riżorsi suffiċjenti jkunu disponibbli, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tagħti l-pagament bil-quddiem u tħallsu mingħajr dewmien qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-ħlas ta’ pagament bil-quddiem huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond.

2.   L-ammont tal-pagament bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-10 % tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata u ma għandu fi kwalunkwe każ jaqbeż EUR 30 000 000. Ladarba jkun ġie determinat l-ammont definittiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-somma tal-pagament bil-quddiem qabel ma jitħallas il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tirkupra l-pagamenti bil-quddiem li jitħallsu indebitament.

3.   Kwalunkwe ħlas lura li jkollu jsir lill-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jsir qabel id-data stipulata indikata fl-ordni ta’ rkupru li ssir b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Id-data stipulata għandha tkun l-aħħar jum tat-tieni xahar wara l-ħruġ tal-ordni.

4.   Meta tadotta l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għal sena finanzjarja partikolari” il-Kummissjoni għandha, meta jkun meħtieġ sabiex tkun żgurata d-disponibbilta’ fil-ħin tar-riżorsi baġitarji” tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jiġi mobilizzat il-Fond f’ammont sa massimu ta’ EUR 50 000 000 għall-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem u tipproponi li l-approprjazzjonijiet korrispondenti jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

L-arranġamenti baġitarji għandhom ikunu konformi mal-limiti massimi msemmijin fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (**).

(*)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)."

(**)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).”;"

(5)

L-Artikolu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 4(4) għandu jinkludi fl-Anness tiegħu dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiddeskrivu, b’mod partikolari t-tip u l-post tal-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond wara li ssir proposta mill-Istat eliġibbli.

2.   Qabel ma titħallas kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lil Stat eliġibbli li ma jkunx Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ delegazzjoni ma’ dak l-Istat li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond imsemmi fil-paragrafu 1 b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (***), kif ukoll l-obbligi relatati mal-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri naturali.

3.   Ir-responsabbiltà tal-għażla ta’ operazzjonijiet individwali u l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għandha tkun tal-Istat benefiċjarju, b’konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) u (3), l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(4) u, fejn applikabbli, il-ftehim tad-delega msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lil Stat Membru għandha tiġi implimentata fil-kuntest tal-immaniġġar kondiviż b’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lil Stat eliġibbli li ma jkunx Stat Membru għandha tiġi implimentata fil-qafas tal-immaniġġar indirett b’konformità ma’ dak ir-Regolament.

5.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-Istati benefiċjarji għandhom jieħdu r-responsabbiltà għall-immaniġġar ta’ operazzjonijiet appoġġati mill-Fond u l-kontroll finanzjarju tal-operazzjonijiet. Il-miżuri li jieħdu għandhom jinkludu:

(a)

il-verifika li twaqqfu l-ftehimiet ta’ mmaniġġar u kontroll u qed jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi tal-Unjoni qed jintużaw b’mod effiċjenti u korrett, b’konformità mal-prinċipji tal-immaniġġar finanzjarju sod;

(b)

il-verifika li l-azzjonijiet iffinanzjati twettqu kif dovut;

(c)

l-iżgurar li n-nefqa ffinanzjata hija bbażata fuq dokumenti ta’ sostenn verifikabbli, u li hija korretta u regolari;

(d)

il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u l-irkupru ta’ ammonti li tħallsu mingħajr ma kienu dovuti flimkien mal-interessi fuq ħlasijiet tard fejn xieraq. Huma għandhom jinnotifikaw kwalunkwe tali irregolarità lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali.

6.   L-Istati benefiċjarji għandhom jaħtru korpi responsabbli għall-immaniġġar u l-kontroll tal-operazzjonijiet appoġġati mill-Fond b’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jikkunsidraw kriterji dwar l-ambjent intern, attivitajiet ta’ kontroll, informazzjoni u komunikazzjoni, u monitoraġġ. L-Istati Membri jistgħu jaħtru l-korpi diġà nnominati taħt ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

Dawk il-korpi maħtura għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 59(5) jew l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 li tkopri l-perijodu ta’ implimentazzjoni kollu meta jissottomettu r-rapport u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-Istat benefiċjarju għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa meta tiġi aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet li jsiru mill-Istat benefiċjarju jikkonsistu fil-kanċellazzjoni sħiħa jew parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. L-Istat benefiċjarju għandu jirkupra kwalunkwe ammont mitluf bħala riżultat ta’ irregolarità li tinstab.

8.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri jew il-kontrolli mwettqa mill-Istat benefiċjarju b’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki fuq il-post dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat benefiċjarju bl-għan li tikseb l-assistenza neċessarja kollha. Uffiċjali jew aġenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, jistgħu jipparteċipaw f’tali kontrolli.

9.   L-Istat benefiċjarju għandu jiżgura li d-dokumenti ta’ appoġġ kollha relatati man-nefqa mġarrba jinżammu disponibbli għall-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għal perijodu ta’ tliet snin wara t-tmiem tal-assistenza mill-Fond.

(***)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1)."

(****)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).”;"

(6)

L-Artikolu 6 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   L-Istat benefiċjarju għandu jkun responsabbli għall-koordinament tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, minn naħa waħda, b’assistenza mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, il-Bank Ewropew tal-Investiment u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

2.   L-Istat benefiċjarju għandu jiżgura li n-nefqa rimborżata b’konformità ma’ dan ir-Regolament, ma tiġix rimborżata permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni b’mod partikolari permezz tal-istrumenti tal-politiki ta’ koeżjoni, agrikola jew tas-sajd.

3.   Il-ħsara msewwija mill-istrumenti tal-Unjoni jew internazzjonali relatati mal-kumpens ta’ ħsara speċifika, ma għandhomx, ikunu eliġibbli għal assistenza mill-Fond għall-istess għan.”;

(7)

L-Artikolu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u strumenti adottati taħtu, bil-politiki u l-miżuri tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-immaniġġar finanzjarju, l-akkwist pubbliku, il-protezzjoni ambjentali, il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri naturali, l-adattament għat-tibdil fil-klima inkluż, fejn ikun il-każ, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema, u bi strumenti ta’ assistenza qabel l-adeżjoni. Fejn applikabbli, l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għandhom jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Unjoni f’dawk l-oqsma.”;

(8)

L-Artikoli 8 u 9 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għandha tintuża fi żmien tmintax-il xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ħallset l-ammont sħiħ ta’ assistenza. Kwalunkwe parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja li tibqa’ ma tintużax sa dik l-iskadenza jew li jinstab li ntużat għal operazzjonijiet mhux eliġibbli għandha tiġi rkuprata mill-Kummissjoni mingħand l-Istat benefiċjarju.

2.   L-Istati benefiċjarji għandhom jitolbu l-kumpens kollu possibbli minn partijiet terzi.

3.   Mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tmintax-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat benefiċjarju għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b’dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa, filwaqt li jindika kwalunkwe sors ta’ finanzjament ieħor li jkun wasal għall-operazzjonijiet ikkonċernati, inklużi saldi tal-assigurazzjoni u kumpens minn partijiet terzi.

Ir-rapport ta’ implimentazzjoni għandu jagħti fid-dettall:

(a)

il-miżuri preventivi, meħudin jew proposti mill-Istat benefiċjarju sabiex jillimita ħsara futura u sabiex jevita, kemm jista’ jkun, ir-rikorrenza ta’ diżastri naturali simili, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-Unjoni għal dan il-għan;

(b)

l-istat ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar tar-riskju ta’ diżastri naturali;

(c)

l-esperjenza miksuba mid-diżastru naturali u l-miżuri meħudin jew proposti sabiex tkun żgurata l-protezzjoni u r-reżiljenza ambjentali rigwardanti tibdil fil-klima u diżastri naturali; u

(d)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni meħudin relattivament għan-natura tad-diżastru naturali.

Ir-rapport ta’ implimentazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni ta’ korp indipendenti tal-awditjar, imfassla skont standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li tistabbilixxi li d-dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa tagħti dehra reali u ġusta u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond hija legali u regolari, b’konformità mal-Artikolu 59(5) u l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Fl-aħħar tal-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha twaqqaf l-assistenza mill-Fond.

4.   Fejn l-ispiża tat-tiswija tal-ħsara sussegwentement titħallas minn parti terza, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat benefiċjarju jirrimborża ammont korrispondenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond.

Artikolu 9

L-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond u l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4), kif ukoll il-ftehim ta’ delegazzjoni, ir-rapporti u kwalunkwe dokument relatat ieħor għandhom jesprimu l-ammonti kollha f’Euro.

L-ammonti tan-nefqa mġarrba fil-muniti nazzjonali għandhom jiġu kkonvertiti f’euro fir-rati tal-kambju ppubblikati fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-ġurnata li fiha l-att ta’ implimentazzjoni relatat jiġi adottat mill-Kummissjoni. Fejn ma tiġi ppubblikata l-ebda rata tal-kambju f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-ġurnata li fiha l-att ta’ implimentazzjoni relatat jiġi adottat mill-Kummissjoni, il-konverżjoni għandha ssir skont il-medja tar-rati ta’ kontabbiltà ta’ kull xahar stabbiliti mill-Kummissjoni, determinati għal dak il-perijodu. Din ir-rata tal-kambju unika għandha tintuża fl-implimentazzjoni kollha tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond u bħala l-bażi għar-rapport dwar l-implimentazzjoni finali u d-dikjarazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-elementi meħtieġa skont l-Artikolu 59(5) jew l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-kontribuzzjoni finanzjarja.”;

(9)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-każ ta’ valutazzjoni sostanzjalment iktar baxxa tal-ħsara mġarrba, kif jidher minn elementi ġodda, l-Istat benefiċjarju għandu jirrimborża l-ammont korrispondenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lill-Kummissjoni.”;

(10)

L-Artikolu 11 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u fejn applikabbli, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha li jirċievu finanzjamenti, kuntratturi, subkuntratturi, li jkunu rċivew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, b’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*****) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (******) bl-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’konnessjoni ma’ kuntratt li jikkonċerna finanzjament tal-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ delegazzjoni ma’ pajjiżi terzi, kuntratti u deċiżjonijiet li jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali eżerċizzji tal-awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

(*****)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1)."

(******)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”;"

(11)

L-Artikoli 13 u 14 jiġu mħassra.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-28 ta’ Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

(5)  Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (OJ L 298, 26.10.2012, p. 1).


Top