EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0611

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2014 tal- 11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel

OJ L 168, 7.6.2014, p. 55–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/611/oj

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/55


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 611/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programmi ta' appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar il-programmi ta' ħidma b'appoġġ għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel. Dawn ir-regoli għandhom ikunu ssuplimentati sabiex ikun żgurat l-użu effikaċi u effettiv tal-għajnuna tal-Unjoni. Dawn ir-regoli l-ġodda għandhom jissostitwixxu dawk previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 867/2008 (2) li għalhekk għandhom jitħassru.

(2)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta' ħidma, għandu jkun stipulat li l-finanzjament mill-Unjoni jiġi allokat proporzjonalment mat-tul tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat li n-nefqa annwali għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati ma taqbiżx l-ammont speċifikat fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(3)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza globali tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, tal-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti (minn hawn 'il quddiem “l-organizzazzjonijiet benefiċjarji”), jeħtieġ li jiġu speċifikati t-tipi ta' miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni kif ukoll it-tipi ta' attivitajiet mhux eliġibbli. Jeħtieġ ukoll li jiġu speċifikati l-proċeduri ta' preżentazzjoni tal-programmi ta' ħidma u l-kriterji tal-għażla ta' dawn il-programmi. Barra minn hekk, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jitħallew jistabbilixxu l-kundizzjonijiet addizzjonali ta' eliġibbiltà sabiex jadattaw aħjar il-miżuri għar-realtajiet nazzjonali fis-settur taż-żebbuġ.

(4)

Meta titqies l-esperjenza miksuba, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti minimi ta' finanzjament mill-Unjoni għall-oqsma tat-titjib tal-impatt ambjentali tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ, tat-titjib tal-kompetittività tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ permezz tal-modernizzazzjoni u t-traċċabbiltà, iċ-ċertifikazzjoni u l-protezzjoni tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel permezz ta', fost affarijiet oħra, il-kontroll tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa mibjugħ lill-konsumatur finali b'mod li jiġi żgurat l-infurzar ta' minimu ta' miżuri f'oqsma sensittivi u ta' prijorità.

(5)

Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u biex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tas-sistema ta' appoġġ tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-proċeduri għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni, l-għażla u l-approvazzjoni tal-programmi ta' ħidma.

(6)

L-Artikolu 231 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprovdi li l-programmi pluriennali adottati qabel l-1 ta' Jannar 2014 jibqgħu jkunu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) sakemm jintemmu. Huwa għalhekk xieraq li jkun previst li r-Regolament (KE) Nru 867/2008 jibqa' japplika għall-programmi ta' ħidma li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li jikkumplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 rigward il-miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni, l-allokazzjoni minima mill-Istati Membri tal-finanzjament mill-Unjoni lil oqsma speċifiċi u l-kriterji u l-proċeduri ta' approvazzjoni tal-programmi ta' ħidma fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel.

Artikolu 2

Finanzjament mill-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament mill-UE previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiġi allokat b'mod proporzjonat skont it-tul tal-programmi ta' ħidma previst fl-imsemmi Artikolu, filwaqt li jiżguraw li n-nefqa annwali maħsuba għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma approvati ma taqbiżx l-ammont previst fit-tieni paragrafu tal-istess Artikolu.

Artikolu 3

Miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma dawn li ġejjin:

(a)

fil-qasam tas-segwitu u tal-ġestjoni tas-suq fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel:

(i)

il-ġbir ta' dejta dwar is-settur u s-suq, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-metodu, tar-rappreżentattività ġeografika u tal-preċiżjoni stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(ii)

it-twettiq ta' studji dwar suġġetti marbuta mal-miżuri l-oħrajn previsti fil-programm ta' ħidma tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji kkonċernati;

(b)

fil-qasam tat-titjib tal-impatt ambjentali tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ:

(i)

l-operazzjonijiet kollettivi ta' manutenzjoni ta' msaġar taż-żebbuġ li għandhom valur ambjentali għoli u li huma f'riskju ta' abbandun skont ir-rekwiżiti ddeterminati abbażi ta' kriterji oġġettivi mill-awtorità nazzjonali kompetenti, u b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda ż-żoni reġjonali li jistgħu jkunu eliġibbli kif ukoll l-erja u l-għadd minimu ta' produtturi taż-żebbuġ li għandhom ikunu involuti biex l-operazzjonijiet ikkonċernati jkunu effettivi;

(ii)

l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli tajba għall-kultivazzjoni taż-żebbuġ, ibbażati fuq kriterji ambjentali adattati għall-kundizzjonijiet lokali, kif ukoll it-tixrid tagħhom fost il-produtturi u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni fil-prattika tagħhom;

(iii)

il-miżuri ta' dimostrazzjoni prattika tat-tekniki li jippermettu s-sostituzzjoni tal-prodotti kimiċi għall-ġlieda kontra d-dubbiena taż-żebbuġ, kif ukoll miżuri ta' osservazzjoni staġjonali tal-iżvilupp tagħha;

(iv)

il-miżuri ta' dimostrazzjoni prattika ta' tekniki tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ immirati lejn il-ħarsien tal-ambjent u l-manutenzjoni tal-pajsaġġ, bħall-biedja organika, il-biedja b'użu minimu ta' inputs, il-protezzjoni tal-ħamrija billi titnaqqas l-erożjoni u l-biedja integrata;

(v)

il-miżuri ta' ħarsien tal-varjetajiet reżistenti u tal-varjetajiet mhedda;

(c)

fil-qasam tat-titjib tal-kompetittività tas-settur taż-żebbuġ permezz tal-modernizzazzjoni:

(i)

it-titjib tas-sistemi ta' tisqija u tat-tekniki tal-biedja;

(ii)

is-sostituzzjoni ta' siġar taż-żebbuġ li ma jipproduċux b'siġar ġodda;

(iii)

it-taħriġ tal-produtturi f'tekniki ġodda tal-biedja;

(iv)

il-miżuri ta' taħriġ u komunikazzjoni;

(d)

fil-qasam tat-titjib tal-kwalità tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel:

(i)

it-titjib tal-kundizzjonijiet tat-tkabbir, tal-ħsad, tal-kunsinna u tal-ħażna taż-żebbuġ qabel ma jiġi pproċessat, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(ii)

it-titjib tal-varjetajiet tal-imsaġar taż-żebbuġ fl-azjendi individwali, sakemm dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-programmi ta' ħidma;

(iii)

it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u l-irkupru tar-residwi mill-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u t-titjib tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid fil-fliexken taż-żejt taż-żebbuġa;

(iv)

l-assistenza teknika għall-produzzjoni, l-industrija tal-ipproċessar taż-żebbuġ, in-negozji li jipproduċu ż-żebbuġ tal-ikel, l-imtieħen u l-ippakkjar relatat ma' aspetti marbutin mal-kwalità tal-prodott;

(v)

il-ħolqien u t-titjib ta' laboratorji għall-analiżi taż-żjut taż-żebbuġa verġni;

(vi)

it-taħriġ tal-bordijiet ta' dewwieqa għall-evalwazzjonijiet organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel;

(e)

fil-qasam tat-traċċabbiltà, taċ-ċertifikazzjoni u tal-protezzjoni tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel permezz ta', fost oħrajn, il-kontroll tal-kwalità taż-żjut taż-żebbuġa mibjugħin lill-konsumatur finali:

(i)

il-ħolqien u l-ġestjoni ta' sistemi li jippermettu t-traċċabbiltà tal-prodotti mill-persuni li jkabbru ż-żebbuġ, għall-ippakkjar u t-tikkettar, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(ii)

il-ħolqien u l-ġestjoni ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità, ibbażati fuq sistema ta' analiżi tar-riskji u tal-kontroll tal-elementi kritiċi, li l-ispeċifikazzjoni tagħhom tissodisfa l-kriterji tekniċi adottati mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(iii)

il-ħolqien u l-ġestjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ tal-konformità mal-istandards tal-awtentiċità, tal-kwalità u tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel mqiegħda fis-suq, b'mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(f)

fil-qasam tad-disseminazzjoni ta' tagħrif dwar il-miżuri implimentati mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji sabiex itejbu l-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel:

(i)

id-disseminazzjoni ta' tagħrif dwar il-miżuri mwettqa mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-oqsma msemmija fil-punti a) sa e);

(ii)

il-ħolqien u l-manutenzjoni ta' sit elettroniku dwar il-miżuri mwettqa mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-oqsma msemmija fil-punti a) sa e);

2.   Fir-rigward tal-miżuri previsti fil-punt c(ii) u l-punt d(ii) tal-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżugraw li jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġi rkuprat l-investiment jew il-valur residwu tiegħu jekk il-membru sid ta' azjenda partikolari jitlaq mill-organizzazzjoni tal-produtturi.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw kundizzjonijiet addizzjonali li jispeċifikaw il-miżuri eliġibbli, sakemm dawn ma jagħmlux il-preżentazzjoni jew it-twettiq tagħhom impossibbli.

4.   L-esternalizzazzjoni tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-produtturi jew ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tista' tkun awtorizzata għall-miżuri msemmija fil- punti b), c) u d) tal-paragrafu 1, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konklużjoni ta' kuntratt bil-miktub bejn l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u entità oħra, għat-twettiq tal-miżura kkonċernata. L-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi tibqa' madankollu responsabbli mit-twettiq ta' din il-miżura kif ukoll mill-kontroll tal-ġestjoni globali u tas-superviżjoni ġenerali tal-imsemmi kuntratt bil-miktub;

(b)

biex ikun hemm kontroll tal-ġestjoni u sorveljanza effettiva, il-kuntratt imsemmi fil-punt a):

(i)

għandu jippermetti li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew li l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jagħtu struzzjonijiet vinkolanti u għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu li l-organizzazzjoni jew li l-assoċjazzjoni jtemmu l-kuntratt jekk il-fornitur tas-servizz ma jirrispettax it-termini u l-kundizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt;

(ii)

għandu jistabbilixxi termini u kundizzjonijiet dettaljati, inklużi l-obbligi tar-rappurtar u l-iskadenzi li jippermettu li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew li l-assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jivvalutaw u jeżerċitaw kontroll reali fuq il-miżuri esternalizzati.

Artikolu 4

Attivitajiet u spejjeż mhux eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni

1.   Dawn l-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013:

(a)

l-attivitajiet li jgawdu minn finanzjament mill-Unjoni minbarra dawk previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

l-attivitajiet li jimmiraw direttament għal żieda fil-produzzjoni, żieda fil-kapaċità tal-ħażna jew tal-ipproċessar;

(c)

l-attivitajiet marbuta max-xiri jew mal-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa jew taż-żebbuġ tal-ikel jew dawk li għandhom impatt fuq il-prezzijiet tagħhom;

(d)

l-attivitajiet marbuta mal-promozzjoni kummerċjali taż-żejt taż-żebbuġa jew taż-żebbuġ tal-ikel;

(e)

l-attivitajiet marbuta mar-riċerka xjentifika minbarra t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka lill-impriżi taż-żebbuġ;

(f)

l-attivitajiet li jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi l-oħrajn tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji;

(g)

l-attivitajiet marbuta mal-ġlieda kontra d-dubbiena taż-żebbuġ minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1)(b)(iii).

2.   Biex jiżguraw il-konformità mar-regola stabbilita fil-paragrafu 1(a), l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jintrabtu bil-miktub, f'isimhom u f'isem il-membri tagħhom, li jiċħdu kull finanzjament taħt skema oħra mill-Unjoni ta' appoġġ għall-miżuri effettivament iffinanzjati skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

3.   Fit-twettiq tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 mhumiex eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni l-ispejjeż ikkawżati minn:

(a)

ir-rimborż ta' self, b'mod partikolari fil-forma ta' pagamenti annwali, meħud għal miżura mwettqa kompletament jew parzjalment qabel il-bidu tal-programm ta' ħidma;

(b)

il-pagamenti lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jieħdu sehem fil-laqgħat u fil-programmi ta' taħriġ b'kumpens għat-telf tad-dħul;

(c)

in-nefqa għall-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal, imġarrba mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet li jgawdu mill-appoġġ tal-FAEG skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 (4);

(d)

ix-xiri ta' art mhux mibnija;

(e)

ix-xiri ta' tagħmir użat;

(f)

l-ispejjeż relatati mal-kuntratti tal-kiri, fosthom it-taxxi, l-imgħaxijiet u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni;

(g)

il-kiri meta dan ikun aktar ippreferut mix-xiri u l-ispejjeż operattivi tal-proprjetà mikrija.

4.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw kundizzjonijiet supplimentari li jispeċifikaw l-attivitajiet u l-ispejjeż mhux eliġibbli, imsemmija fil-paragrafi 1 u 3.

Artikolu 5

Tqassim tal-finanzjament mill-Unjoni

1.   F'kull Stat Membru, għandu jkun iddedikat perċentwal minimu ta' 20 % mill-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni disponibbli skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għall-qasam imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b), perċentwal minimu ta' 15 % ta' dan l-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni għandu jkun iddedikat għall-qasam imsemmi fl-Artikolu 3(1)(c), u perċentwal minimu ta' 10 % ta' dan l-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni għandu jkun iddedikat għall-qasam imsemmi fl-Artikolu 3(1)(e).

2.   Jekk il-perċentwal minimu stabbilit fl-ewwel paragrafu ma jintużax kollu fl-oqsma msemmija fl-ewwel paragrafu, l-ammonti mhux użati ma jistgħux jiġu allokati lill-oqsma ta' azzjoni oħrajn iżda għandhom jiġu allokati lura fil-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 6

Kriterji għall-għażla u għall-eliġibbiltà tal-programmi ta' ħidma

1.   L-Istat Membru għandu jagħżel il-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kwalità ġenerali tal-programm u l-koerenza tiegħu mal-linji gwida u l-prijoritajiet fil-qasam taż-żebbuġ fiż-żona reġjonali kkonċernata, stabbiliti mill-Istat Membru;

(b)

il-kredibbiltà finanzjarja u l-adegwatezza tar-riżorsi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti;

(c)

il-kobor taż-żona reġjonali involuta fil-programm ta' ħidma;

(d)

id-diversità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi taż-żona reġjonali kkonċernata kkunsidrata mill-programm ta' ħidma;

(e)

l-eżistenza ta' diversi oqsma u l-importanza tal-kontribut finanzjarju tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji;

(f)

l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-effikaċja li jippermettu l-evalwazzjoni matul l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ex post tal-programm, stabbiliti mill-Istat Membru;

(g)

l-evalwazzjoni tal-programmi li jistgħu jkunu ġew implimentati qabel mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1334/2002 (5), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2080/2005 (6) jew tar-Regolament (KE) Nru 867/2008

L-Istat Membru għandu jikkunsidra t-tqassim tal-applikazzjonijiet bejn id-diversi tipi ta' organizzazzjonijiet benefiċjarji minn kull żona reġjonali.

2.   L-Istat Membru għandu jirrifjuta l-programmi ta' ħidma li ma jkunux kompluti u li ma jkollhomx informazzjoni eżatta jew li jinkludu xi waħda mill-attivitajiet mhux eliġibbli msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 7

Bidu u approvazzjoni tal-programmi ta' ħidma

1.   L-ewwel perjodu ta' tliet snin tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jibda mill-1 ta' April 2015. Il-perjodi sussegwenti jibdew kull tliet snin fl-1 ta' April.

2.   Kull organizzazzjoni benefiċjarja approvata bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tista' tippreżenta, sa data li għandha tiġi deċiża mill-Istat Membru u sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar ta' kull sena, applikazzjoni għall-approvazzjoni għal programm ta' ħidma wieħed.

3.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tal-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata;

(b)

l-informazzjoni dwar il-kriterji tal-għażla previsti fl-Artikolu 6(1);

(c)

id-deskrizzjoni, il-ġustifikazzjoni u l-iskeda ta' implimentazzjoni ta' kull miżura proposta;

(d)

il-pjan tan-nefqa, li għandu jkun imqassam skont il-miżura u l-qasam imsemmijin fl-Artikolu 3(1), u ddettaljat f'porzjonijiet ta' tnax-il xahar mid-data tal-approvazzjoni tal-programm ta' ħidma, b'distinzjoni bejn l-ispejjeż ġenerali, li ma jistgħux jaqbżu l-5 % tat-total, u t-tipi ewlenin ta' spejjeż oħrajn;

(e)

il-pjan ta' finanzjament għal kull qasam imsemmi fl-Artikolu 3(1), li għandu jkun dettaljat f'porzjonijiet ta' tnax-il xahar massimu mid-data tal-approvazzjoni tal-programm ta' ħidma, b'indikazzjoni fost oħrajn tal-finanzjament mill-Unjoni mitlub u, jekk ikun il-każ, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-organizzazzjonijiet membri u l-kontribuzzjoni tal-Istat Membru;

(f)

l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-effikaċja li jippermettu l-evalwazzjoni matul l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ex post tal-programm abbażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-Istat Membru;

(g)

prova li saret garanzija skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 (7);

(h)

applikazzjoni għal ħlas bil-quddiem;

(i)

id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2);

(j)

għall-organizzazzjonijiet benefiċjarji, l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji responsabbli mill-implimentazzjoni effettiva tal-attivitajiet esternalizzati tal-programmi tagħhom;

(k)

dikjarazzjoni li l-miżuri previsti fil-programmi tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji mhumiex is-suġġett ta' xi applikazzjoni oħra għall-finanzjament mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.

4.   L-approvazzjoni definittiva ta' programm ta' ħidma tista' tkun soġġetta għall-inkorporazzjoni ta' emendi meqjusa meħtieġa mill-Istat Membru. F'dan il-każ, l-organizzazzjoni benefiċjarja kkonċernata għandha tikkomunika l-qbil tagħha fi żmien ħmistax-il ġurnata min-notifika tal-emendi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont ta' finanzjament mill-Unjoni jiġi allokat f'kull kategorija ta' benefiċjarji filwaqt li jiġi kkunsidrat il-valur taż-żejt taż-żebbuġa prodott jew ikkumerċjalizzat mill-membri tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji.

Sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istat Membru għandu jinforma lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji dwar il-programmi ta' ħidma approvati u, jekk ikun il-każ, dwar il-programmi ta' ħidma li għalihom ikun ser jingħata l-finanzjament nazzjonali korrispondenti.

F'każ li l-programm ta' ħidma propost ma jiġix aċċettat, l-Istat Membru għandu jirrilaxxa minnufih il-garanzija msemmija fil- paragrafu 3(g).

Artikolu 8

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 867/2008 huwa b'dan imħassar. Madankollu, huwa jkompli japplika għall-programmi ta' ħidma li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 867/2008 tat-3 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-organizzazzjoniet tal-operaturi fis-settur taż-żebbuġ, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-finanzjament tagħhom (ĠU L 237, 4.9.2008, p. 5).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1334/2002 tat-23 ta' Lulju 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 rigward il-programmi tax-xogħol ta' organizzazzjonijiet ta' operaturi fis-settur taż-żebbuġ għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2004/2005 (ĠU L 195, 24.7.2002, p. 16).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2080/2005 tad-19 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2004 fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-operaturi fis-settur taż-żebbuġ, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-finanzjament tagħhom (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 8).

(7)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 tat-28 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4).


Top