EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0190

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 190/2014 tal- 24 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009

OJ L 59, 28.2.2014, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/190/oj

28.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 190/2014

tal-24 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ssussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2603/2000 (2), il-Kunsill impona miżuri kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja. Konsegwentement għal reviżjoni ta’ skadenza, dawk il-miżuri ġew miżmuma fis-seħħ l-aħħar mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 (3).

(2)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 2604/2000 (4), il-Kunsill impona miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ PET li joriġina mill-Indja. Konsegwentement għal reviżjoni ta’ skadenza, dawk il-miżuri ġew miżmuma fis-seħħ l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 (5). Fl-24 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni ta’ skadenza sussegwenti. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/226/UE (6), il-Kunsill irrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jżomm fis-seħħ id-dazju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ PET li joriġina, inter alia, mill-Indja u, għalhekk, il-miżuri kontra d-dumping skadew.

(3)

Fl-2000, permezz tad-Deċiżjoni 2000/745/KE (7), il-Kummissjoni aċċettat impenji dwar prezzijiet, offruti b’rabta kemm mal-proċedimenti anti-dumping kif ukoll mal-proċedimenti anti-sussidji minn, inter alia, il-kumpaniji Indjani: Pearl Engineering Polymers Limited (“Pearl”) u Reliance Industries Limited (“Reliance”). Fl-2005, permezz tad-Deċiżjoni 2005/697/KE (8), il-Kummissjoni aċċettat impenn mill-kumpanija Indjana South Asean Petrochem Limited li, bħala riżultat ta’ fużjoni, biddlet isimha għal Dhunseri Petrochem & Tea Limited (“Dhunseri”) (9).

B.   IRTIRAR TA’ IMPENJI U EMENDAMENT TAR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI (UE) NRU 461/2013

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/109/UE (10), il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenji offruti mit-tliet kumpaniji Indjani: Dhunseri, Reliance u Pearl. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013, flimkien mal-Anness ta’ dak ir-Regolament, għandhom jitħassru. Għaldaqstant, id-dazji kumpensatorji definittivi imposti bl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013 għandhom japplikaw għal importazzjonijiet ta’ PET li jiġu prodotti mill-kumpaniji Dhunseri, Reliance u Pearl (kodiċi addizzjonali TARIC A585 għal Dhunseri, kodiċi addizzjonali TARIC A181 għal Reliance u kodiċi addizzjonali TARIC A182 għal Pearl),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013 u l-Anness tar-Regolament huma b’dan imħassra.

2.   L-Artikolu 1(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013 huwa b’dan rinumerat bħala l-Artikolu 1(4).

3.   L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 461/2013 huwa b’dan rinumerat bħala l-Artikolu 2.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

K. ARVANITOPOULOS


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2603/2000 tas-27 ta’ Novembru 2000 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, il-Malajsja u t-Tajlandja u jtemm il-proċediment anti-sussidju dwar importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indonesja, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 1).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 461/2013 tal-21 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalatli (PET) li joriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 137, 23.5.2013, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2604/2000 tas-27 ta’ Novembru 2000 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, l-Indonesja, il-Malajsja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Taiwan u t-Tajlandja (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 21).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007 tat-22 ta’ Frar 2007 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilenetereftalat li joriġina mill-Indja, l-Indonesja, il-Malajsja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajlandja u t-Taiwan wara reviżjoni ta’ skadenza u reviżjoni interim parzjali skadenza skont l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 59, 27.2.2007, p. 1).

(6)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE tal-21 ta’ Mejju 2013 li jirrifjuta l-proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU L 136, 23.5.2013, p. 12).

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/745/KE tad-29 ta’ Novembru 2000 li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċedimenti tal-antidumping u kontra s-sussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja u r-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU L 301, 30.11.2000, p. 88).

(8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/697/KE tat-12 ta’ Settembru 2005 li temenda d-Deċiżjoni 2000/745/KE li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċedimenti tal-antidumping u kontra s-sussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja (ĠU L 266, 11.10.2005, p. 62).

(9)  Avviż dwar il-miżuri ta’ kumpens diġà fis-seħħ fir-rigward ta’ importazzjoni lejn l-Unjoni ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja: bidla f’isem il-kumpanija suġġetta għal miżura ta’ kumpens individwali (ĠU C 335, 11.12.2010, p. 7).

(10)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/109/UE tal-4 ta’ Frar 2014 li tħassar id-Deċiżjoni 2000/745/KE li taċċetta impenji offruti f’rabta mal-proċedimenti tal-antidumping u kontra s-sussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti polietilentereftalat (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja (Ara paġna 35 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top