EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1384

Regolament (UE) Nru 1384/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 li jintroduċi l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova

OJ L 354, 28.12.2013, p. 85–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1384/oj

28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/85


REGOLAMENT (UE) Nru 1384/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Diċembru 2013

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 li jintroduċi l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 (2) jistabbilixxi skema speċifika ta' preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova (minn hawn 'il quddiem "il-Moldova"). Dik l-iskema tipprovdi aċċess liberu għas-swieq tal-Unjoni lil kull prodott li joriġina mill-Moldova, ħlief lil ċerti prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness I ta' dak ir-Regolament li għalihom ingħataw konċessjonijiet limitati f'forma ta' eżenzjoni mid-dazji doganali fil-limitu tal-kwoti tariffarji jew f'forma ta' tnaqqis fid-dazji doganali.

(2)

Fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV bejn l-UE u l-Moldova, u s-Sħubija tal-Lvant, il-Moldova adottat aġenda ambizzjuża għal assoċjazzjoni politika u aktar integrazzjoni ekonomika mal-Unjoni. Il-Moldova għamlet ukoll progress qawwi fl-approssimazzjoni regolatorja li twassal għal konverġenza mal-liġijiet u l-istandards tal-Unjoni.

(3)

In-negozjati għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġdid, inkluż it-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles profonda u komprensiva bejn l-Unjoni u l-Moldova bdew f'Jannar tal-2010 u ntemmu f'Lulju tal-2013. Dak il-Ftehim jipprevedi l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kummerċ bilaterali tal-inbid.

(4)

Sabiex jitwieżnu l-isforzi tal-Moldova skont il-PEV u s-Sħubija tal-Lvant, u sabiex ikun provdut suq attraenti u affidabbli għall-esportazzjonijiet tal-inbid tagħha, l-importazzjoni tal-inbid mill-Moldova lejn l-Unjoni għandu jiġi liberalizzat mingħajr dewmien.

(5)

Bil-għan li jiġu garantiti l-kontinwità tal-flussi kummerċjali mill-Moldova u ċ-ċertezza tad-dritt għall-operaturi ekonomiċi, jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ japplikaw mingħajr interruzzjoni sad-data ta' skadenza fissata fir-Regolament (KE) Nru 55/2008.

(6)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 55/2008 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 55/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 16 jitħassru t-tielet, ir-raba' u l-ħames paragrafi;

(2)

fit-tabella fil-punt 1 tal-Anness I, titħassar l-aħħar ringiela dwar l-ordni Nru 09.0514 "Inbid ta' għeneb frisk, ħlief inbid effervexxenti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta'Diċembru 2013.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 tal-21 ta' Jannar 2008 li jintroduċi l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 980/2005 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/924/KE (ĠU L 20, 24.1.2008, p. 1.)


Top