EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1311

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat- 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

OJ L 347, 20.12.2013, p. 884–891 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/04/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1311/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/884


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, EURATOM) Nru 1311/2013

tat-2 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-limiti massimi annwali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali fuq l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-limiti massimi stabbiliti għall-impenji u r-riżorsi proprji fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom (1).

(2)

Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti fuq terminu medju, it-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jiġi stabbilit għal seba' snin li jibdew fl-1 ta' Jannar 2014. Ser isir rieżami mhux aktar tard mill-2016, wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Permezz ta' dan, l-istituzzjonijiet, inkluż il-Parlament Ewropew elett fl-2014, ser ikunu jistgħu jivvalutaw mill-ġdid il-prijoritajiet. Għandu jittieħed kont tar-riżultati ta' dan ir-rieżami fi kwalunkwe reviżjoni ta' dan ir-Regolament għall-kumplament tas-snin tal-QFP. Dan l-arranġament minn hawn 'il quddiem jissejjaħ "rieżami/reviżjoni".

(3)

Fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jeżaminaw flimkien l-aktar durata adegwata għall-QFP sussegwenti qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha bil-għan li jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn id-durtata tal-mandati rispettivi tal-membri tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea - u l-ħtieġa ta' stabbilità għal ċikli ta' programmar u predivibbiltà tal-investiment.

(4)

Flessibbiltà possibbli speċifika u massima għandha tiġi implimentata biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha f'konformità mal-Artikolu 323 Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(5)

L-istrumenti speċjali li ġejjin huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fi ħdan il-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-proċedura baġitarja: ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Marġini ta' Kontinġenza, il-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ. Għalhekk hu neċessarju li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għal possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet għall-impenji li jissuperaw il-limiti massimi stabbiliti fil-QFP, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.

(6)

Jekk ikun meħtieġ li jiġu mmobilizzati l-garanziji mogħtija taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-self ipprovdut fil-qafas tal-Faċilità tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet jew tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (2) u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (3), rispettivament, l-ammont neċessarju għandu jiġi mmobilizzat b'tali mod li jaqbeż il-limiti massimi tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet tal-QFP filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

(7)

Il-QFP għandu jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2011. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi tal-QFP biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġini disponibbli.

(8)

Il-QFP m’għandux iqis il-partiti tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fit-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ("ir-Regolament Finanzjarju").

(9)

Jista' jkun meħtieġ li dan ir-Regolament jiġi revedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fi ħdan il-limiti massimi stabbiliti tal-QFP. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal reviżjoni tal-QFP f'każijiet bħal dawn.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament jew reviżjoni tal-QFP. Dawk l-aġġustamenti jew reviżjonijiet jistgħu jkunu relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, ma' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba, mar-reviżjoni tat-Trattati, mat-tkabbir, mar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, jew mad-dewmien fl-adozzjoni ta’ regoli ġodda li jirregolaw ċerti oqsma ta' politika.

(11)

Il-pakketti nazzjonali li jiffavorixxu l-politika ta’ koeżjoni huma stabbiliti fuq il-bażi tad-data statistika u t-tbassir użat għall-aġġornament ta' Lulju 2012 tal-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament. B'kont meħud tal-inċertezzi previsti u l-impatt għall-Istati Membri b'limitu massimu u biex tikkunsidra s-sitwazzjoni b'mod partikolari diffiċli tal-Istati Membri li qed ibgħatu minn kriżi, il-Kummissjoni ser, fl-2016, terġa' teżamina l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020.

(12)

Huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja.

(13)

Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex wieħed jittratta l-proġetti l-kbar tal-infrastruttura li l-ħajja tagħhom tmur sostanzjalment lil hinn mill-perijodu stabbilit għall-QFP. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal dawk il-proġetti biex b'hekk jiġi żgurat li ma għandhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati minn dak il-baġit.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid qabel l-1 ta' Jannar 2018 sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jadottawh kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju li jmiss. Il-qafas finanzjarju stabbilit f’dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika jekk il-qafas finanzjarju l-ġdid ma jiġix adottat qabel it-tmiem tat-terminu tal-qafas finanzjarju stabbilit f'dan ir-Regolament.

(15)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni ġew ikkonsultati u adottaw l-opinjonijiet (5),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Il-Qafas Finanzjarju Plurennali

Il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2014-2020 (il-QFP) huwa stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP

Sal-aħħar tal-2016 l-Kummissjoni għandha tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal- QFP filwaqt li jieħu kont sħiħ tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien kif ukoll l-aktar projezzjonijiet makroekonomiċi reċenti. Dan ir-rieżami, għandu jkun akkumpanjat, kif adegwat, minn proposta leġislattiva għar-reviżjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-TFUE. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, pakketti nazzjonali allokati minn qabel ma għandhomx jitnaqqsu permezz ta' tali reviżjoni.

Artikolu 3

Il-Konformità mal-limiti massimi tal-QFP

1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, ikunu konformi mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fil-QFP.

Is-sublimitu għall-Intestatura 2, kif stabbilit fl-Anness, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li għandu jiġi applikati għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandhom jiġu stabbiliti fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 9 sa 15 jiżguraw il-flessibbiltà tal-QFP u għandhom ikunu stabbiliti sabiex jippermettu li l-proċedura baġitarja taħdem bla xkiel. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti stabbiliti fil-QFP fejn huwa neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Marġini ta' Kontinġenza, il-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (6), ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (7), u l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il- Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (8).

3.   Fejn ikun meħtieġ li tiġi mmobilizzata garanzija għal self koperta mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 jew ir-Regolament (UE) Nru 407/2010, din għandha tkun lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP.

Artikolu 4

Ir-Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

1.   Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustamenti jew reviżjonijiet oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3, ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata għall-ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

2.   Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għandhom jitbaxxew permezz ta' reviżjoni sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

Artikolu 5

Marġini globali għall-pagamenti

1.   Kull sena, mill-2015 'l quddiem, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-limitu massimu għall-pagamenti għas-snin 2015-2020 'l fuq b'ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1.

2.   L-aġġustamenti annwali ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2011) għas-snin 2018-2020 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-sena rilevanti:

 

2018 - EUR 7 biljun

 

2019 - EUR 9 biljun

 

2020 - EUR 10 biljun.

3.   Kull aġġustament 'l fuq għandu jkun ikkumpensat bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagament għas-sena n-1.

Artikolu 6

Aġġustamenti tekniċi

1.   Kull sena l-Kummissjoni, biex taġixxi qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:

(a)

valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri ġlobali għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet;

(b)

kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom;

(c)

kalkolu tal-ammont assolut tal-Marġini ta' Kontinġenża previst fl-Artikolu 13;

(d)

kalkolu tal-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 5;

(e)

kalkolu tal-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 14.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2 % kull sena.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija f’paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 8 l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma' għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet ex-post fis-snin sussegwenti.

Artikolu 7

Aġġustament tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni

1.   B'kont meħud tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-Istati Membri li qed ibatu mill-kriżi, il-Kummissjoni għandha fl-2016, flimkien mal-aġġustamenti tekniċi għas-sena 2017, terġa' teżamina l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020, filwaqt li tapplika l-metodu ta' allokazzjoni definit fl-att bażiku rilevanti abbażi tal-aktar statistika reċenti disponibbli u tal-paragun, għall-Istati Membri li għandhom limitu massimu, bejn il-PDG nazzjonali akkumulat osservat fis-senin 2014 u 2015, u l-PDG nazzjonali akkumulat stmat fl-2012. Hija għandha taġġusta dawk l-allokazzjonijiet totali meta jkun hemm diverġenza kumulattiva ta' aktar minn +/- 5 %.

2.   L-aġġustamenti meħtieġa għandhom jitqassmu fi proporzjonijiet ugwali fuq is-snin 2017-2020 u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-QFP għandhom jiġu mmodifikati skont dan. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu modifikati kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f'rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji.

3.   Fl-aġġustamenti tekniċi tagħha għas-sena 2017, wara r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-eliġibbiltà tal-Istati Membri għall-Fond ta' Koeżjoni previst fl-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (9), f'każ li Stat Membru jsir eliġibbli għall-ewwel darba għall-Fond ta' Koeżjoni jew inkella jitlef eliġibbiltà eżistenti tiegħu, il-Kummissjoni għandha żżid jew tnaqqas l-ammonti li jirriżultaw mill-fondi allokati lill-Istati Membri għas-snin 2017 sal-2020.

4.   L-aġġustamenti mitluba li jirriżultaw mill-paragrafu 3 jitqassmu fi proporzjonijiet indaqs tul is-snin 2017-2020 u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP jkunu mmodifikati skont kif meħtieġ. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu modifikati skont kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f'rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji.

5.   L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv kif ukoll jekk negattiv, tal-aġġustamentimsemmija fil-paragrafi 1u 3, ma għandux jaqbeż EUR 4 biljun.

Artikolu 8

Aġġustamenti relatati ma' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba

Fil-każ tat-tneħħija ta’ sospensjoni mill-Kummissjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jew il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd fil-kuntest ta' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba, il-Kummissjoni, f'konformità mal-att bażiku rilevanti, għandha tittrasferixxi l-impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena 'n' ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena 'n+3'.

KAPITOLU 2

Strumenti speċjali

Artikolu 9

Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza

1.   L-għan tar-Riżerva tal-Għajnuna għall-Emerġenza huwa li tipprovdi reazzjoni rapida għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ għajnuna ta' pajjiżi terzi wara li jkunu seħħew ġrajjiet li ma setgħux ikunu previsti meta l-baġit ġie stabbilit, l-ewwel u qabel kollox għal ħidmiet umanitarji, iżda wkoll għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u għall-protezzjoni, u sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari li tirriżulta minn flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, fejn iċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk.

2.   L-ammont annwali tar-Riżerva huwa stabbilit għal EUR 280 miljun (prezzijiet tal-2011) u jista' jintuża sas-sena n+1 f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. Din ir-riżerva għandha tiddaħħal bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali minn sena n li ma jintużax fis-sena n+1 jiskadi.

Artikolu 10

Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

1   Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa maħsub biex jippermetti għajnuna finanzjarja rapida fil-każ li jiġru diżastri kbar fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż kandidat, kif iddefinit fl-att bażiku rilevanti. Għandu jkun hemm limitu fuq l-ammont annwali disponibbli għal dak il-Fond ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011). Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena. Il-porzjon tal-ammont annwali mhux imdaħħal fil-baġit jista' jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 jiskadi.

2.   F’każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fil-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fis-sena meta jkun seħħ id-diżastru, kif imfisser fl-att bażiku rilevanti, ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammont ta' assistenza meqjus bħala neċessarju mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' tipproponi li d-differenza tkun iffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għas-sena ta' wara.

Artikolu 11

Strument ta' Flessibbiltà

1.   L-Istrument ta’ Flessibbiltà hu maħsub biex jippermetti l-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari u sal-ammont indikat, ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti disponibbli għal intestatura waħda jew aktar. Għandu jkun hemm limitu fuq l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà ta’ EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011).

2.   Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi użat sas-sena n+3. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin preċedenti għandu jintuża l-ewwel, skont iż-żmien. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+3 jiskadi.

Artikolu 12

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

1.   Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011).

2.   L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 13

Marġini ta' Kontinġenza

1.   Marġini ta' Kontinġenza ta' mhux iżjed minn 0,03 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Unjoni għandu jiġi kostitwit barra mil-limiti massimi tal-QFP, bħala strument tal-aħħar-rimedju b'reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Dan jista' jiġi mmobilizzat biss f'rabta ma' baġit emendatorju jew annwali.

2.   L-użu tal-marġini ta' kontinġenza ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, l-ammont massimu previst fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP, u għandu jkun konsistenti mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

3.   L-ammonti magħmulin disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għandhom jiġu kollha kkumpensati mal-marġini f'waħda jew aktar mill-intestaturi tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.

4.   L-ammonti hekk ikkumpensati ma għandhomx jiġu mobilizzati aktar fil-kuntest tal-QFP. L-użu tal-Marġini ta' Kontinġenza ma għandux jirriżulta fil-qbiż tal-limiti totali tal-approprjazzjonijiet ta' impenji u pagamenti stipulati fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.

Artikolu 14

Marġini globali għall-approprazzjonijiet għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ

1.   Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limitu massimu tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2014-2017 għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ.

2.   Kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont disponibbli. Il-Marġini Globali tal-QFP jew parti minnu jista' jiġi mmobilizzat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 TFUE.

Artikolu 15

Flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka

Sa EUR 2 543 miljun (fil-prezzijiet tal-2011) jistgħu jingħataw minn qabel fl-2014 u l-2015, bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali, għal objettivi ta' politika speċifiċi relatati mal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ir-riċerka, ERASMUS b'mod partikolari għall-apprendistati, u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Dak l-ammont għandu jiġi kkumpensat b'mod sħiħ kontra approprjazzjonijiet fi u/jew bejn l-intestaturi sabiex ma jinbidlux il-limiti massimi annwali totali għall-perijodu 2014-2020 u l-allokazzjoni totali għal kull intestatura jew sotto-intestatura matul il-perijodu.

Artikolu 16

Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

1.   Ammont massimu ta' EUR 6 300 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.

2.   Ammont massimu ta' EUR 2 707 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għall-proġett Internazzjonali tar-Reattur Esperimentali Termonukleari (ITER) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.

3.   Ammont massimu ta' EUR 3 786 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għal Copernicus (il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.

KAPITOLU 3

Reviżjoni

Artikolu 17

Reviżjoni tal-QFP

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), l-Artikoli 18 sa 22 u l-Artikolu 25, f'ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit f'konformità mad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

2.   Bħala regola ġenerali, kull proposta għal reviżjoni tal-QFP skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.

3.   Kwalunkwe proposta għalreviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b’referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet. L-objettiv għandu jkun li ammont sinifikanti, f'termini assoluti u bħala perċentwali tan-nefqa l-ġdida ppjanata, ikun fil-limitu eżistenti għall-intestatura.

4.   Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 tqis il-possibbiltà ta' kumpens għal kull żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.

5.   Kwalunkwe reviżjoni fil-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet.

Artikolu 18

Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni

Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi fil-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet li din tkun tqis bħala meħtieġa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni, biex tiżgura tmexxija tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu dwar dawk il-proposti qabel l-1 ta’ Mejju tas-sena n.

Artikolu 19

Reviżjoni wara regoli jew programmi ġodda tal-Fondi Strutturali, tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u tal-Fond għas-Sigurtà Interna

1.   Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2014 ta' regoli ġodda jew programmi taħt ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u għall-Fond għas-Sigurtà Interna, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jiġu trasferiti għal snin sussegwenti, lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa korrispondenti, l-allokazzjonijiet li ma jintużawx fl-2014.

2.   Ir-reviżjoni li tikkonċerna t-trasferiment ta' allokazzjonijiet mhux użati għas-sena 2014, jiġi adottat qabel l-1 ta' Mejju 2015.

Artikolu 20

Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta'reviżjoni tat-Trattati

F'każ li reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji isseħħ bejn l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.

Artikolu 21

Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni

Jekk ikun hemm adeżjoni jew adeżjonijiet għall-Unjoni bejn l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.

Artikolu 22

Reviżjoni tal-QFP f’każ ta’ riunifikazzjoni ta’ Ċipru

Fil-każ ta' riunifikazzjoni ta' Ċipru matul l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.

Artikolu 23

Koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem "l-istituzzjonijiet") jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.

L-istituzzjonijiet jikkooperaw b’rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza.

L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Jistgħu jiġu organizzati trilogi f’kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Artikolu 24

Unità tal-baġit

L-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluża n-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.

Artikolu 25

Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Qabel l-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.

Jekk ma jiġi adottat l-ebda regolament tal-Kunsill li jiddetermina qafas finanzjarju pluriennali ġdid qabel il-31 ta' Diċembru 2020, il-limiti massimi u d-dispożizzjonijiet l-oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-QFP eżistenti għandhom jiġu estiżi sakemm jiġi adottat regolament li jiddetermina qafas finanzjarju ġdid. Jekk Stat Membru ġdid jissieħeb fl-Unjoni wara l-2020, il-qafas finanzjarju estiż għandu, jekk meħtieġ, jiġi rivedut sabiex jieħu l-adeżjoni inkunsiderazzjoni.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GUSTAS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).

(4)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar 'Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020' (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 32); Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar 'Il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-perjodu ta’ wara l-2013' (ĠU C 391, 18.12.2012, p. 31).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

(7)  Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).

(8)  Ftehim Interistituzzjonali bejn il- Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' 2 ta' Diċembru 2013 dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' 17 ta' Diċembru 2013 Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-28)

(EUR miljuni - prezzijiet tal-2011)

APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENJI

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Total 2014 [-2020].

1.

Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv

60 283

61 725

62 771

64 238

65 528

67 214

69 004

450 763

1a:

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

15 605

16 321

16 726

17 693

18 490

19 700

21 079

125 614

1b:

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

44 678

45 404

46 045

46 545

47 038

47 514

47 925

325 149

2.

Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali

55 883

55 060

54 261

53 448

52 466

51 503

50 558

373 179

li minnhom: Nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti

41 585

40 989

40 421

39 837

39 079

38 335

37 605

277 851

3.

Sigurtà u ċittadinanza

2 053

2 075

2 154

2 232

2 312

2 391

2 469

15 686

4.

Ewropa Globali

7 854

8 083

8 281

8 375

8 553

8 764

8 794

58 704

5.

Amministrazzjoni

8 218

8 385

8 589

8 807

9 007

9 206

9 417

61 629

li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet

6 649

6 791

6 955

7 110

7 278

7 425

7 590

49 798

6.

Kumpensi

27

0

0

0

0

0

0

27

APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENJI TOTALI

134 318

135 328

136 056

137 100

137 866

139 078

140 242

959 988

bħala perċentwali tad-DGN

1,03  %

1,02  %

1,00  %

1,00  %

0,99  %

0,98  %

0,98  %

1,00  %

 

APPROPRJAZZJONIJIET TA' PAGAMENTI TOTALI

128 030

131 095

131 046

126 777

129 778

130 893

130 781

908 400

bħala perċentwali tad-DGN

0,98  %

0,98  %

0,97  %

0,92  %

0,93  %

0,93  %

0,91  %

0,95  %

Marġini disponibbli

0,25  %

0,25  %

0,26  %

0,31  %

0,30  %

0,30  %

0,32  %

0,28  %

Limitu massimu tar-riżorsi proprji bħala perċentwali tad-DGN

1,23  %

1,23  %

1,23  %

1,23  %

1,23  %

1,23  %

1,23  %

1,23  %


Top