EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0665

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat- 3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 192, 13.7.2013, p. 1–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 005 P. 307 - 329

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/08/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/665/oj

13.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 665/2013

tat-3 ta’ Mejju 2013

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/30/UE tad-19 ta' Mejju 2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/30/UE tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta atti ddelegati fir-rigward tat-tikkettar ta' prodotti marbuta mal-enerġija li jirrappreżentaw potenzjal sostanzjali għall-iffrankar tal-enerġija u jippreżentaw differenzi estensivi fil-livelli ta' prestazzjoni b’funzjonalià ekwivalenti.

(2)

L-enerġija użata minn vacuum cleaners tammonta għal parti sinifikanti tad-domanda totali tal-enerġija fl-Unjoni. Il-kamp tal-applikazzjoni biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-vacuum cleaners huwa sostanzjali.

(3)

Vacuum cleaners li jnaddfu l-likwidi, dawk li jnaddfu l-likwidi u fix-xott, dawk robot, industrijali, dawk ċentrali u li jaħdmu bil-batterija u magni li jillustraw l-art u vacum cleaners għal barra kollha għandhom karatteristiċi partikolari u għalhekk għandhom jiġu eżentati mill-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(4)

L-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketta għandha tinkiseb bis-saħħa ta’ proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta' kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxuti inkluż, fejn disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (2).

(5)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika disinn u kontenut uniformi għat-tikketta tal-vacuum cleaners.

(6)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti fir-rigward tad-dokumentazzjoni teknika u l-iskeda għall-vacuum cleaners.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika wkoll ir-rekwiżiti fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-bejgħ mill-bogħod, għar-reklami u għall-materjal promozzjonali tekniku tal-vacuum cleaners.

(8)

Huwa xieraq li jsir provvediment għal reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li tqis il-progress teknoloġiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp tal-applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar u l-għoti ta' informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għal vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

vacuum cleaners li jnaddfu l-likwidi, dawk li jnaddfu l-likwidi u fix-xott, dawk li jaħdmu bil-batterija, dawk robot, industrijali, jew ċentrali;

(b)

magni li jillustraw l-art;

(c)

vacuum cleaners għal barra.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/30/UE, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

"vacuum cleaner" tfisser apparat li jneħħi l-ħmieġ minn fuq wiċċ li jeħtieġ jitnaddaf permezz ta' fluss tal-arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unità;

2.

"vacuum cleaners ibridi" tfisser vacuum cleaner li jista' jitħaddem kemm bil-mejn tal-elettriku u bil-batteriji;

3.

"vacuum cleaner li jnaddaf il-likwidi" tfisser vacuum cleaner li jneħħi materjal niexef u/jew imxarrab (ħmieġ) minn fuq wiċċ bl-applikazzjoni ta' deterġent b'bażi tal-ilma jew ta' stim fuq il-wiċċ li jeħtieġ jitnaddaf, u jneħħieh, flimkien mal-ħmieġ permezz ta' fluss ta' arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unità, inklużi tipi magħrufin l-aktar bħala spray-extraction vacuum cleaners;

4.

"vacuum cleaner li jnaddaf il-likwidi u fix-xott" tfisser vacuum cleaner imfassal sabiex ineħħi volum ta' aktar minn 2,5 litri, ta' likwidu, flimkien mal-funzjonalità ta' vacuum cleaner li jnaddaf fix-xott;

5.

"vacuum cleaner li jnaddaf fix-xott" tfisser vacuum cleaner imfassal biex ineħħi ħmieġ li huwa prinċipalment xott (trab, fibra, ħjut), inklużi tipi mgħammra b’żennuna attiva li taħdem bil-batterija;

6.

"żennuna attiva li taħdem bil-batteriji" tfisser parti fit-tarf li jnaddaf, fornuta b'tagħmir li jiċċaqlaq u li jaħdem bil-batteriji biex jgħin fit-tneħħija tal-ħmieġ;

7.

"vacuum cleaner li jaħdem bil-batteriji" tfisser vacuum cleaner li jaħdem bil-batteriji biss;

8.

"vacuum cleaner robot" tfisser vacuum cleaner li jaħdem bil-batteriji li jkun kapaċi jaħdem mingħajr intervent mill-bniedem f'perimetru definit, li jikkonsisti f’parti mobbli u stazzjon fiss u/jew aċċessorji oħra biex jgħinu fit-tħaddim tiegħu;

9.

"vacuum cleaner industrijali" tfisser vacuum cleaner iddisinjat biex ikun parti minn proċess ta' produzzjoni, iddisinjat għat-tneħħija ta' materjal perikoluż, iddisinjat għat-tneħħija ta' materjal skabruż mill-industriji tal-bini, funderiji, minjieri jew mill-industriji tal-ikel, bħala parti minn magni jew għodod industrijali u/jew vacuum cleaner industrijali b’tarf wiesa' aktar minn 0,50 m;

10.

"vacuum cleaner kummerċjali" tfisser vacuum cleaner għal skopijiet ta' tindif professjonali u maħsub biex jintuża minn persuni sekulari, persunal tat-tindif jew naddafa li jaħdmu b'kuntratt, f'uffiċini, ħwienet, sptarijiet u ambjenti tal-lukandi, iddikjarati fid-Dikjarazzjoni tal-Konformità mill-manifattur bħala tali li jappartjenu għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

11.

"vacuum cleaner ċentrali" tfisser vacuum cleaner bis-sors tal-pressjoni baxxa b'lokazzjoni fissa (ma tiċċaqqlaqx) u bil-konnessjonijiet tal-pajp (il-hose) impoġġijja f'pożizzjonijiet fissi fil-bini;

12.

"magna li tillostra l-art" tfisser tagħmir elettriku li huwa mfassal biex jipproteġi, jillixxa u/jew jagħmel ċerti tipi ta’ art tleqq, ġeneralment imħaddem flimkien ma' lostru li jkun jingħorok fuq l-art permezz tal-apparat u normalment mgħammar ukoll b’funzjonalità awżiljarja ta' vacuum cleaner;

13.

"vacuum cleaner għal barra" tfisser apparat li huwa mfassal għall-użu barra sabiex jiġbor f'kontenitur apposta terrapien bħal biċċiet tal-ħaxix u weraq permezz ta' fluss ta' arja maħluq minn pressjoni baxxa żviluppata fl-unità u li jista’ jinkludi apparat tat-tqattigħ u li jista' jintuża wkoll bħala blower.

14.

"vacuum cleaner ta' daqs sħiħ li jaħdem bil-batteriji" tfisser vacuum cleaner li jaħdem bil-batteriji, li meta jkun iċċarġjat għal kollox, jista' jnaddaf art b'erja ta' 15 m2 bl-applikazzjoni ta’ żewġ daqqiet doppji għal kull parti ta' art mingħajr iċċarġjar mill-ġdid;

15.

"vacuum cleaner bl-ilma bħala filter" tfisser vacuum cleaner li jnaddaf fix-xott u li juża aktar minn 0,5 litru ilma bħala l-mezz ewlieni tal-iffiltrar, fejn l-arja miġbuda hija sfurzata tgħaddi mill-ilma biex b'hekk il-materjal niexef jinqabad fl-ilma kif ikun għaddej;

16.

"vacuum cleaner għad-djar" tfisser vacuum cleaner maħsuba għall-użu fid-djar jew f'sitwazzjonijiet domestiċi, iddikjarat mill-manifattur bħala tali fid-Dikjarazzjoni tal-Konformità li tikkonċerna d-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

17.

"vacuum cleaner bi skopijiet ġenerali" tfisser vacuum cleaner li jiġi b’żennuna fissa jew tal-anqas b'żennuna waħda li tinqala' maħsub għat-tindif kemm ta' twapet kif ukoll ta' art iebsa, jew fornuta bit-tnejn li huma jiġifieri tal-anqas b’żennuna waħda li tinqala' mfassla speċifikament għat-tindif tat-twapet u tal-anqas żennuna waħda li tinqala' għat-tindif ta' art iebsa;

18.

"vacuum cleaner għal art iebsa" tfisser vacuum cleaner fornut b'żennuna fissa mfassla speċifikament għat-tindif ta' art iebsa, jew fornut biss b'żennuna waħda li tinqala' jew aktar, imfasslin speċifikament għat-tindif ta' art iebsa;

19.

"vacuum cleaner għat-twapet" tfisser vacuum cleaner fornut b'żennuna fissa mfassla speċifikament għat-tindif tat-twapet, jew fornut biss b'żennuna waħda jew aktar li tinqala' imfasslin speċifikament għat-tindif tat-twapet;

20.

"vacuum cleaner ekwivalenti" tfisser mudell ta' vacuum cleaner li jitqiegħed fis-suq u jkollu l-istess potenza input, l-istess konsum annwali ta' enerġija, l-istess trab miġbur mit-twapet u minn fuq art iebsa, l-istess emissjoni mill-ġdid tat-trab, l-istess livell fil-qawwa tal-ħoss, l-istess durabilità tal-pajp u l-istess ħajja tal-mutur operazzjonali bħal mudell ieħor ta' vacuum cleaner li jitqiegħed fis-suq mill-istess manifattur imma b’numru tal-kodiċi kummerċjali differenti.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet tal-fornituri u skeda taż-żmien

1.   Il-fornituri għandhom jiżguraw li mill-1 ta' Settembru 2014:

(a)

kull vacuum cleaner ikun fornut b'tikketta stampata fil-format u bil-kontenut kif stipulat fl-Anness II;

(b)

tkun disponibbli skeda tal-prodott, kif stabbilit fl-Anness III;

(c)

id-dokumentazzjoni teknika, kif stipulata fl-Anness IV, tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq talba tagħhom

(d)

jekk tkun qed tingħata informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz, kull reklamar għal mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner għandu jindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(e)

kwalunkwe materjal tekniku ta’ promozzjoni dwar mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner li tiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi tindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dak il-mudell.

2.   Il-format tat-tikketta stipulata fl-Anness II se japplika skont l-iskeda li ġejja:

(a)

għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill-1 ta' Settembru 2014 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 1 tal-Anness II;

(b)

għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill-1 ta' Settembru 2017 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 2 tal-Anness II.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tan-negozjanti

In-negozjantigħandhom jiżguraw li mill-1 ta' Settembru 2014:

(a)

Kull mudell ippreżentat fil-punt tal-bejgħ għandu tikketta pprovduta mill-fornituri skont l-Artikolu 3 li tidher fuq barra tal-apparat jew imdendla miegħu b'mod li tkun viżibbli b'mod ċar;

(b)

il-vacuum cleaners offruti għall-bejgħ, għall-kiri jew għax-xiri bin-nifs f’postijiet fejn l-utent aħħari ma jkunx mistenni jara l-prodott għall-wiri, kif speċifikat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/30/UE, jiġu kkummerċjalizzati bl-informazzjoni pprovduta mill-fornituri skont l-Anness V ta' dan ir-Regolament;

(c)

jekk tkun qed tingħata informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz, kull reklamar għal mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner għandu jindika l-informazzjoni dwar il-prezz jew il-klassi tal-effiċjenza enerġetika;

(d)

kwalunkwe materjal tekniku ta' pubbliċità dwar mudell speċifiku ta' vacuum cleaner li jiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi jkun fih il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' dak il-mudell.

Artikolu 5

Metodi ta' kejl

L-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb permezz ta’ metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VI.

Artikolu 6

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura stipulata fl-Anness VII meta jevalwaw il-konformità tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika, il-klassijiet tal-prestazzjoni tat-tindif, il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab, il-konsum annwali tal-enerġija u l-livell tal-qawwa tal-ħoss iddikjarati.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b'mod partikolari tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fl-Anness VII, jekk il-vacuum cleaners ta' daqs sħiħ li jaħdmu bil-batteriji għandhomx ikunu inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni u jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta' kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b'kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Dan ir-Regolament għandu japplika għal vacuum cleaners bl-ilma bħala filters mill-1 ta' Settembru 2017.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(3)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(4)  ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.


ANNESS I

Il-klassijiet għall-effiċjenza enerġetika, il-prestazzjoni tat-tindif u l-emissjoni mill-ġdid tat-trab

1.   Klassijiet tal-effiċjenza enerġetika

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta' vacuum cleaner għandha tkun iddeterminata skont il-konsum annwali tagħha tal-enerġija kif stipulat fit-Tabella 1. Il-konsum annwali tal-enerġija ta’ vacuum cleaner għandu jkun iddeterminat skont l-Anness VI.

Tabella 1

Klassijiet tal-effiċjenza enerġetika

Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika

Konsum annwali tal-enerġija (AE) [kWh/sena]

It-tikketta numru 1

It-tikketta numru 2

A+++

Mhux applikabbli

AE ≤ 10,0

A++

Mhux applikabbli

10,0 < AE ≤ 16,0

A+

Mhux applikabbli

16,0 < AE ≤ 22,0

A

AE ≤ 28,0

22,0 < AE ≤ 28,0

B

28,0 < AE ≤ 34,0

28,0 < AE ≤ 34,0

C

34,0 < AE ≤ 40,0

34,0 < AE ≤ 40,0

D

40,0 < AE ≤ 46,0

AE > 40,0

E

46,0 < AE ≤ 52,0

Mhux applikabbli

F

52,0 < AE ≤ 58,0

Mhux applikabbli

G

AE > 58,0

Mhux applikabbli

2.   Klassijiet tal-prestazzjoni tat-tindif

Il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif ta' vacuum cleaner għandha tiġi ddeterminata skont it-trab miġbur (dpu) tagħha kif stipulat fit-Tabella 2. It-trab miġbur ta' vacuum cleaner għandu jkun iddeterminat skont l-Anness VI.

Tabella 2

Klassijiet tal-prestazzjoni tat-tindif

Klassi tal-prestazzjoni tat-tindif

Trab miġbur minn fuq tapit (dpuc )

Trab miġbur minn fuq art iebsa (dpuhf )

A

dpuc ≥ 0,91

dpuhf ≥ 1,11

B

0,87 ≤ dpuc < 0,91

1,08 ≤ dpuhf < 1,11

C

0,83 ≤ dpuc < 0,87

1,05 ≤ dpuhf < 1,08

D

0,79 ≤ dpuc < 0,83

1,02 ≤ dpuhf < 1,05

E

0,75 ≤ dpuc < 0,79

0,99 ≤ dpuhf < 1,02

F

0,71 ≤ dpuc < 0,75

0,96 ≤ dpuhf < 0,99

G

dpuc < 0,71

dpuhf < 0,96

3.   Emissjoni mill-ġdid tat-trab

Il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab ta' vacuum cleaner għandha tiġi ddeterminata skont l-emissjoni mill-ġdid tat-trab tagħha kif stabbilit fit-Tabella 3. L-emissjoni mill-ġdid tat-trab ta' vacuum cleaner għandu jkun iddeterminat skont l-Anness VI.

Tabella 3

Emissjoni mill-ġdid tat-trab

Klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab

Emissjoni mill-ġdid tat-trab (dre)

A

dre ≤ 0,02 %

B

0,02 % < dre ≤ 0,08 %

C

0,08 % < dre ≤ 0,20 %

D

0,20 % < dre ≤ 0,35 %

E

0,35 % < dre ≤ 0,60 %

F

0,60 % < dre ≤ 1,00 %

G

dre > 1,00 %


ANNESS II

It-tikketta

1.   IT-TIKKETTA NUMRU 1

1.1.   Vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fit-tikketta:

Image

I.

L-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali;

II.

L-identifikatur tal-fornitur tal-mudell, fejn l-"identifikatur tal-mudell" tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew isem tal-fornitur;

III.

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika kif stipulata fl-Anness I; it-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner għandu jitpoġġa fl-istess livell bħat-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika relevanti;

IV.

Il-medja tal-konsum annwali tal-enerġija, kif iddefinit fl-Anness VI;

V.

Il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab, iddeterminata skont l-Anness I;

VI.

Il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif ta' tapit, iddeterminata skont l-Anness I;

VII.

Il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif ta' art iebsa, iddeterminata skont l-Anness I;

VIII.

Il-livell tal-qawwa tal-ħoss, kif iddefinit fl-Anness VI.

Id-disinn tat-tikketti għandu jkun skont il-punt 4.1 ta' dan l-Anness. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata "ekotikketta tal-UE" skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), tista’ tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta tal-UE.

1.2.   Vacuum cleaners għal art iebsa

Image

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fit-tikketta:

I.

L-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali;

II.

L-identifikatur tal-fornitur tal-mudell, fejn l-"identifikatur tal-mudell" tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew isem tal-fornitur;

III.

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika kif stipulata fl-Anness I; it-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner għandu jitpoġġa fl-istess livell bħat-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika relevanti;

IV.

Il-medja tal-konsum annwali tal-enerġija, kif iddefinit fl-Anness VI;

V.

Il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab, iddeterminata skont l-Anness I;

VI.

Is-sinjal tal-esklużjoni;

VII.

Il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif ta' art iebsa, iddeterminata skont l-Anness I;

VIII.

Il-livell tal-qawwa tal-ħoss, kif iddefinit fl-Anness VI.

Id-disinn tat-tikketti għandu jkun skont il-punt 4.2 ta' dan l-Anness. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata "ekotikketta tal-UE" skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tista’ tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta tal-UE.

1.3.   Vacuum cleaners tat-twapet

Image

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fit-tikketta:

I.

Isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

II.

L-identifikatur tal-fornitur tal-mudell, fejn l-"identifikatur tal-mudell" tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew isem tal-fornitur;

III.

Il-klassi tal-effiċjenza enerġetika kif stipulata fl-Anness I; it-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner għandu jitpoġġa fl-istess livell bħat-tarf tal-vleġġa li fih tidher il-klassi tal-effiċjenza enerġetika relevanti;

IV.

Il-medja tal-konsum annwali tal-enerġija, kif iddefinit fl-Anness VI;

V.

Il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab, iddeterminata skont l-Anness I;

VI.

Il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif tat-twapet, iddeterminata skont l-Anness I;

VII.

Is-sinjal tal-esklużjoni;

VIII.

Il-livell tal-qawwa tal-ħoss, kif iddefinit fl-Anness VI.

Id-disinn tat-tikketti għandu jkun skont il-punt 4.3 ta' dan l-Anness. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata "ekotikketta tal-UE" skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tista’ tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta tal-UE.

2.   IT-TIKKETTA NUMRU 2

2.1.   Vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali

Image

L-informazzjoni mniżżla fil-punt 1.1 għandha tiġi inkluża f'din it-tikketta.

Id-disinn tat-tikketti għandu jkun skont il-punt 4.1 ta' dan l-Anness. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata "ekotikketta tal-UE" skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tista’ tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta tal-UE.

2.2.   Vacuum cleaners għal art iebsa

Image

L-informazzjoni li mniżżla fil-punt 1.2 għandha tiġi inkluża f'din it-tikketta:

Id-disinn tat-tikketti għandu jkun skont il-punt 4.2 ta' dan l-Anness. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata "ekotikketta tal-UE" skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tista’ tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta tal-UE.

2.3.   Vacuum cleaners għat-twapet

Image

L-informazzjoni mniżżla fil-punt 1.3 għandha tiġi inkluża fit-tikketta.

Id-disinn tal-ekotikketta għandu jkun skont il-punt 4.3 ta' dan l-Anness. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata "ekotikketta tal-UE" skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tista’ tiżdied ukoll kopja tal-ekotikketta

3.   DISINN TAT-TIKKETTA

3.1.   Id-disinn tat-tikketti għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

Image

Fejn:

(a)

It-tikketta trid tkun tal-inqas wiesgħa 75 mm u għolja 150 mm. F’każ li t-tikketta tiġi stampata f’format ikbar, il-kontenut tagħha xorta waħda għandu jibqa’ proporzjonat ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

(b)

L-isfond għandu jkun abjad.

(c)

Il-kuluri għandhom il-kodiċi CMYK – cyan (blu jagħti fl-aħdar), maġenta, isfar u iswed – bħal f’dan l-eżempju: 00-70-X-00: 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed.

(d)

It-tikketta għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin (in-numri jirreferu għad-disinn t’hawn fuq):

Image

Il-linja tal-bordura tat-tikketta tal-UE: 3,5 pt – kulur: Cyan 100 % – truf fit-tond: 2,5 mm.

Image

Il-logo tal-UE: Kuluri: X-80-00-00 u 00-00-X-00.

Image

Il-logo tal-enerġija: Kulur: X-00-00-00. Il-pittogramma kif tidher: Il-logo tal-UE + it-tikketta tal-enerġija: wisa’: 62 mm, għoli: 12 mm.

Image

Il-linja tal-bordura tal-lowgos iż-żgħar: 1 pt – kulur: cyan 100 % – tul: 62 mm.

Image

Skali A-G u A+++-D:

Il-vleġġa: għoli: 6 millimetri, spazju bejn vleġġa u oħra: 1 mm - kuluri:

L-aħjar klassi: X-00-X-00

It-tieni klassi: 70-00-X-00,

It-tielet klassi: 30-00-X-00,

Ir-raba’ klassi: 00-00-X-00,

Il-ħames klassi: 00-30-X-00,

Is-sitt klassi: 00-70-X-00,

L-aħħar klassi: 00-X-X-00,

Il-kliem: Calibri bold 13 pt, b’ittri kapitali bojod.

Image

Klassi tal-effiċjenza enerġetika

Il-vleġġa: wisa’: 17 mm, għoli: 9 mm, 100 % sewda;

Il-kliem: Calibri tipa grassa 18,5 pt, kapitali, abjad; simboli ‧+‧: Calibri bold 11 pt, bojod allinjati fuq ringiela waħda.

Image

Enerġija

il-kliem: Calibri regular 6 pt, b’ittri kapitali suwed.

Image

Konsum annwali tal-enerġija f'kWh/sena:

Il-valur "YZ": Calibri tipa grassa 20 pt, 100 % iswed;

"kWh/sena": Calibri tipa grassa 12 pt, 100 % iswed.

Image

Prestazzjoni tat-tindif fuq it-tapit:

Bordura: 1,5 pt – kulur: cyan 100 % – kantunieri fit-tond: 2,5 mm;

L-ittri: Calibri regular 13,5 pt, 100 % iswed. u Calibri bold 18 pt, 100 % iswed;

Image

Prestazzjoni tat-tindif fuq art iebsa:

Bordura: 1,5 pt – kulur: cyan 100 % – kantunieri fit-tond: 2,5 mm;

L-ittri: Calibri regular 13,5 pt, 100 % iswed. u Calibri bold 18 pt, 100 % iswed;

Image

Emissjoni mill-ġdid tat-trab

Bordura: 1,5 pt – kulur: cyan 100 % – kantunieri fit-tond: 2,5 mm;

L-ittri: Calibri regular 13,5 pt, 100 % iswed. u Calibri bold 18 pt, 100 % iswed;

Image

Livell tal-qawwa tal-ħoss:

Bordura: 1,5 pt – kulur: cyan 100 % – kantunieri fit-tond: 2,5 mm;

Valur: Calibri tipa grassa 16 pt, 100 % iswed;

"dB": Calibri regular 11 pt, 100 % iswed.

Image

L-isem tal-fornitur jew iil-marka kummerċjali

Image

L-identifikatur tal-mudell tal-fornitur

Image

Isem il-fornitur jew tal-marka kummerċjali u l-identifikatur tal-mudell għandhom joqogħdu fi spazju ta' 62 × 10 mm

Image

Innumerar tar-Regolament u tat-tikketta:

Il-kliem: Calibri tipa grassa 8 pt.

3.2.   Id-disinn tat-tikketti għal vacuum cleaners għal art iebsa għandu jkunu dan li ġej:

Image

Fejn:

Id-deskrizzjoni tad-disinn tat-tikketta għandu jkun skont il-punt 4.1 ta' dan l-Anness ħlief għall-punt Numru 9 fejn għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

Image

Prestazzjoni tat-tindif fuq it-tapit:

Is-sinjal tal-esklużjoni: il-bordura 3 pt – kulur: 00-X-X-00 (100 % ħamra) – dijametru 16 mm.

3.3.   Id-disinn tat-tikketti għal vacuum cleaners għat-twapet għandu jkunu dan li ġej:

Image

Fejn:

Id-deskrizzjoni tad-disinn tat-tikketta għandu jkun skont il-punt 4.1 ta' dan l-Anness ħlief għall-punt Numru 10 fejn għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

Image

Prestazzjoni tat-tindif fuq art iebsa:

Is-sinjal tal-esklużjoni: il-bordura 3 pt – kulur: 00-X-X-00 (100 % ħamra) – dijametru 16 mm.


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS III

L-iskeda

1.

It-tagħrif mogħti fl-iskeda tat-tagħrif tal-prodott tal-vacuum cleaner għandu jingħata fl-ordni li ġejja u għandu jiddaħħal fil-fuljett tal-prodott jew f’materjal ieħor għall-qari mogħti mal-prodott:

(a)

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

(b)

l-identifikatur tal-fornitur tal-mudell tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ vacuum cleaner speċifiku minn mudelli oħra li jkollhom l-istess marka kummerċjali jew l-istess isem ta’ fornitur;

(c)

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika, iddeterminata skont l-Anness I;

(d)

il-konsum annwali tal-enerġija f’kWh/sena, aġġustat sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali, kif iddefinit fl-Anness VI; għandu jiġi deskritt kif ġej: "il-konsum annwali tal-enerġija (kWh/sena), ibbażat fuq 50 biċċa xogħol ta' tindif. Il-konsum reali tal-enerġija jiddependi fuq kif jintuża l-apparat.";

(e)

għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali u vacuum cleaners għat-twapet, il-klassi tal-kapaċità tat-tindif tat-tapit iddeterminata skont l-Anness I. Għal vacuum cleaners għal art iebsa, id-dikjarazzjoni "mhux adattat għall-użu fuq it-twapet biż-żennuna pprovduta";

(f)

għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali u għal vacuum cleaners għal art iebsa, il-klassi tal-kapaċità tat-tindif tal-art iebsa ddeterminata skont l-Anness I. Għal vacuum cleaners tat-twapet, id-dikjarazzjoni "mhux adattat għall-użu fuq art iebsa biż-żennuna pprovduta";

(g)

il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab, iddeterminata skont l-Anness I;

(h)

il-livell tal-qawwa tal-ħoss, kif iddefinit fl-Anness VI;

(i)

il-potenza input nominali, kif iddefinita fl-Anness VI;

(j)

fejn il-vacuum cleaner ikun ingħata l-‧Ekotikketta tal-UE‧ skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, din l-informazzjoni tista' tiġi inkluża;

2.

Skeda ta’ prodott waħda tista’ tkopri għadd ta’ mudelli ta’ vacuum cleaners fornuti mill-istess fornitur.

3.

L-informazzjoni mogħtija fl-iskeda tista’ tingħata fil-forma ta’ kopja tat-tikketta, bil-kulur jew bl-abjad u iswed. Meta dan ikun il-każ, għandha tiġi pprovduta wkoll l-informazzjoni msemmija fil-punt 1 li ma tkunx diġà tidher fuq it-tikketta.


ANNESS IV

Dokumentazzjoni teknika

1.

Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 3 għandha tinkludi:

(a)

isem il-fornitur u l-indirizz tiegħu;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tat-tip ta' vacuum cleaner it-tip u/jew il-mudell u/jew il-kodiċi kummerċjali, suffiċjenti biex tkun identifikata faċilment u bla ebda dubju;

(c)

fejn ikun xieraq, ir-referenzi tal-istandards armonizzati applikati;

(d)

fejn ikun xieraq, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra użati;

(e)

identifikazzjoni u firma tal-persuna mogħtija s-setgħa li torbot lill-fornitur;

(f)

parametri tekniċi mkejjla u kkalkulati skont l-Anness VI:

(i)

il-konsum speċifiku tal-enerġija matul it-test tat-tapit, fejn applikabbli;

(ii)

il-konsum speċifiku tal-enerġija matul it-test fuq art iebsa, fejn applikabbli;

(iii)

it-trab miġbur minn fuq it-tapit u minn fuq l-art iebsa kif applikabbli;

(iv)

l-emissjoni mill-ġdid tat-trab;

(v)

il-livell tal-qawwa tal-ħoss;

(vi)

il-qawwa ta' input nominali;

(vii)

valuri speċifiċi kif indikati fil-punti 3 u 4 tal-Anness VI kif applikabbli.

(g)

ir-riżultati tal-kalkoli mwettqa skont l-Anness VI.

2.

Fejn l-informazzjoni inkluża fil-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għal mudell ta' vacuum cleaner partikolari tkun inkisbet permezz ta' kalkolu abbażi ta' ta' vacuum cleaner ekwivalenti, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta' dawn il-kalkoli u tat-testijiet imwettqa mill-fornituri biex jivverifikaw il-preċiżjoni tal-kalkoli mwettqa. L-informazzjoni għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha ta' vacuum cleaners ekwivalenti fejn l-informazzjoni tkun inkisbet fuq l-istess bażi.

3.

L-informazzjoni li tinsab f'din id-dokumentazzjoni teknika tista' tingħaqad mad-dokumentazzjoni teknika pprovduta skont il-miżuri fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE.


ANNESS V

It-tagħrif li għandu jingħata f’każijiet fejn l-utent finali ma jkunx mistenni jara l-prodott għall-wiri

1.

It-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 4(b) għandu jingħata fl-ordni li ġejja:

(a)

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika, iddeterminata skont l-Anness I;

(b)

il-konsum tal-enerġija annwali, kif iddefinit fl-Anness VI;

(c)

għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali u vacuum cleaners għat-twapet, il-klassi tal-kapaċità tat-tindif tat-tapit iddeterminata skont l-Anness I. Għal vacuum cleaners għal art iebsa, id-dikjarazzjoni "mhux adattat għall-użu fuq it-twapet";

(d)

għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali u għal vacuum cleaners għal art iebsa, il-klassi tal-kapaċità tat-tindif tal-art iebsa ddeterminata skont l-Anness I. Għal vacuum cleaners tat-twapet, id-dikjarazzjoni "mhux adattat għall-użu fuq art iebsa";

(e)

il-klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab, iddeterminata skont l-Anness I;

(f)

il-livell tal-qawwa tal-ħoss, kif iddefinit fl-Anness VI;

2.

Fejn tingħata wkoll informazzjoni oħra li tinsab fl-iskeda tal-informazzjoni dwar il-prodott, din għandha tkun fil-forma u fl-ordni speċifikati fl-Anness III.

3.

Id-daqs u t-tipa li bihom jiġi stampat jew muri t-tagħrif kollu msemmi f’dan l-Anness għandhom ikunu jistgħu jinqraw.


ANNESS VI

Il-metodi tal-kejl u l-kalkolu

1.   Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom jitwettqu permezz ta' proċedura ta' kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta' kejl u kalkolu l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi armonizzati stipulati f'dokumenti li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbilit b'dan l-Anness.

2.   Definizzjonijiet tekniċi

(a)

"test tal-art iebsa" tfisser test ta' żewġ ċikli tat-tindif fejn it-tarf li jnaddaf tal-vacuum cleaner li jkun qed jopera fuq il-ġbid massimu jgħaddi minn fuq folja tal-injam bħala żona tat-test bl-istess wisa’ daqs it-tarf li jnaddaf u b'tul xieraq, li huwa test ta' fil dijagonali (45°), fejn jiġu mkejla u rreġistrati kontinwament b'rata xierqa tal-kampjun, iż-żmien li jgħaddi, il-konsum tal-elettriku u l-pożizzjoni relattiva taċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf maż-żona tat-test u fejn x'ħin jispiċċa kull ċiklu ta' tindif jiġi vvalutat b'mod xieraq in-nuqqas fil-massa tal-fil tat-test;

(b)

"fil tat-test" tfisser inserzjoni f'forma ta’ U, u li tista' tinqala', ta' dimensjonijiet adattati li jimtlew bi trab artifiċjali fil-bidu ta' ċiklu ta' tindif;

(c)

"test tat-twapet" tfisser test b'ammont xieraq ta' ċikli ta' tindif fuq pjattaforma tat-test b'tapit Wilton fejn it-tarf li jnaddaf tal-vacuum cleaner li jkun qed jopera fuq il-ġbid massimu jgħaddi minn fuq l-erja tat-test li tkun tal-istess wisa’ daqs it-tarf li jnaddaf u b'tul xieraq, maħmuġ bi trab imdeffes apposta għat-test u mqassam indaqs u f'ammont medju, fejn jiġu mkejla u rreġistrati kontinwament b'rata xierqa tal-kampjun, iż-żmien li jgħaddi, il-konsum tal-elettriku u l-pożizzjoni relattiva taċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf maż-żona tat-test u fejn x'ħin jispiċċa kull ċiklu ta' tindif jiġi vvalutat b'mod xieraq iż-żieda fil-massa tal-kontenitur tat-trab tal-apparat;

(d)

"il-wisa' tat-tarf li jnaddaf" f'm, bi preċizzjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, tfisser il-wisa’massimu estern tat-tarf li jnaddaf;

(e)

"ċiklu tat-tindif" tfisser sekwenza ta' ħames(5) daqqiet doppji bil-vacuum cleaner fuq erja speċifika ta' art għat-test ("tapit" jew "art iebsa");

(f)

"daqqa doppja" tfisser moviment parallel wieħed 'l quddiem u wieħed b'lura bit-tarf li jnaddaf, imwettaq b'veloċita uniformi tad-daqqa tat-test u b'tul speċifikat għad-daqqa tat-test;

(g)

"veloċita tad-daqqa tat-test" f’m/h tfisser il-veloċità adegwata għall-ittestjar tat-tarf li jnaddaf, preferibbilment magħmula minn operatur elettromekkaniku. Prodotti bi truf li jnaddfu li jduru weħidhom għandhom jippruvaw jaslu qrib kemm jista' jkun tal-veloċità xierqa, iżda hija permessa devjazzjoni meta jkun iddikjarat hekk b'mod ċar fid-dokumentazzjoni teknika;

(h)

"tul tad-daqqa tat-test" f’m tfisser it-tul tal-erja tat-test flimkien mad-distanza koperta miċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf meta mmexxi fuq iż-żoni ta' aċċelerazzjoni xierqa qabel u wara l-erja tat-test;

(i)

"it-trab miġbur" (dpu), bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, tfisser il-proporzjon tal-massa artifiċjali mingħajr trab, iddeterminat għal tapit permezz taż-żieda fil-massa tal-kontenitur tat-trab tal-apparat, u għal art iebsa permezz tat-tnaqqis fil-massa tat-test tal-fil, wara għadd ta' daqqiet doppji bit-tarf li jnaddaf fuq il-massa ta' trab artifiċjali inizjalment applikata fuq l-erja tat-test, għal korrezzjoni tat-tapit għall-kundizzjonijiet speċifiċi tat-test u għall-korrezzjoni tal-art iebsa għat-tul u l-pożizzjonar tat-test tal-fil;

(j)

"sistema ta' vacuum cleaner ta' referenza" tfisser tagħmir tal-laboratorju li jaħdem bl-elettriku użat biex jitkejjel it-trab miġbur ta' referenza u kalibrat minn fuq it-twapet b'parametri relatati tal-arja biex tittejjeb ir-riproduċibilità tar-riżultati tat-test;

(k)

"il-qawwa ta' input nominali" f’W tfisser il-potenza elettrika input iddikjarata mill-manifattur, fejn għal apparat li jista' jintuża wkoll għal għanijiet oħra għajr dawk ta' tindif bil-vakum, tapplika biss il-potenza elettrika input rilevanti għat-tindif bil-vakum;

(l)

"emissjoni mill-ġdid tat-trab" tfisser il-proporzjon, espress bħala persentaġġ bi preċiżjoni sa żewġ (2) ċifri wara l-punt deċimali, tal-għadd ta' partikuli kollha ta' trab ta' daqs minn 0,3 sa 10 μm li joħorġu minn vacuum cleaner mal-għadd ta' partikuli kollha ta' trab tal-istess firxa ta' daqs li jidħlu fid-daħla minn fejn tinġibed l-arja, meta pprovduta b'ammont speċifiku ta' trab ta' dik il-firxa ta' daqs ta' partikuli. Il-valur ma jinkludix biss it-trab imkejjel fl-iżbokk tal-vacuum cleaner iżda wkoll it-trab imtajjar xi mkien ieħor jew minn tnixxijiet, jew iġġenerat mill-vacuum cleaner stess;

(m)

"il-livell tal-qawwa tal-ħoss" tfisser l-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja, espress f'dB(A) re 1 pW u aġġustat għall-eqreb numru sħiħ.

3.   Konsum annwali tal-enerġija

Il-konsum annwali tal-enerġija AE jiġi kkalkulat, f'kWh/sena u aġġustat sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali, kif ġej:

 

għal vacuum cleaners tat-twapet:

Formula

 

għal vacuum cleaners għal art iebsa:

Formula

 

għal vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali:

Formula

Fejn:

ASEc hija l-medja tal-konsum tal-enerġija speċifika f'Wh/m2 matul it-test tat-tapit, ikkalkulat kif previst hawn taħt;

ASEhf hija l-medja tal-konsum tal-enerġija speċifika f'Wh/m2 matul it-test tal-art iebsa, ikkalkulat kif previst hawn taħt;

dpuc huwa t-trab miġbur minn fuq it-tapit, iddeterminat skont il-punt 4 ta’ dan l-Anness;

dpuhf huwa t-trab miġbur minn fuq art iebsa, iddeterminat skont il-punt 4 ta’ dan l-Anness;

l-għadd standard ta' kompiti ta' tindif fis-sena huwa 50;

il-wiċċ li jitnaddaf f'abitazzjoni standard f'm2 huwa 87

l-għadd standard ta' drabi li vacuum cleaner jgħaddi minn fuq kull punt fl-art huwa 4 (żewġ daqqiet doppji);

il-fattur ta' konverżjoni minn Wh għal kWh huwa 0,001;

l-istandard tat-trab miġbur huwa 1;

id-differenza standard bejn it-trab miġbur wara ħames u wara żewġ daqqiet doppji hija 0,20.

Il-medja tal-konsum tal-enerġija speċifika (ASE)

Il-medja tal-konsum tal-enerġija speċifika matul it-test tat-tapit (ASEc ) u matul it-test tal-art iebsa (ASEhf ) għandha tiġi ddeterminata bħala medja tal-konsum speċifiku tal-enerġija (SE) tal-għadd ta’ ċikli ta' tindif li jikkostitwixxu t-test tat-tapit u tal-art iebsa rispettivament.. L-ekwazzjoni ġenerali għall-konsum speċifiku ta’ enerġija SE fl-erja tat-test f'Wh/m2, bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, applikabbli għal vacuum cleaners tat-twapet, tal-art iebsa u għal dawk bi skopijiet ġenerali bis-suffissi xierqa, huwa:

Formula

Fejn:

P huwa l-medja tal-qawwa f’W, bi preċiżjoni sat-tieni (2) ċifra wara l-punt deċimali, matul iż-żmien f'ċiklu ta' tindif li ċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf ikun miexi fuq l-erja tat-test;

NP huwa l-qawwa medja ekwivalenti f’W, bi preċiżjoni sat-tieni (2) ċifra wara l-punt deċimali, ta' żennuni attivi li jaħdmu bil-batteriji, jekk hemm, tal-vacuum cleaner, ikkalkulat kif jidher hawn taħt;

t huwa l-ħin totali f'sigħat, bi preċiżjoni sar-raba' (4) ċifra wara l-punt deċimali, f’ċiklu ta' tindif waqt li ċ-ċentru tat-tarf li jnaddaf, jiġifieri punt fin-nofs bejn il-ġenb, quddiem u wara tat-tarf li jnaddaf, ikun miexi fuq l-erja tat-test;

A huwa l-erja tal-wiċċ f'm2, bi preċiżjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, mgħoddija mit-tarf li jnaddaf f'ċiklu ta' tindif, ikkalkulata bħala 10 darbiet il-prodott tal-wisa' tat-tarf li jnaddaf u t-tul xieraq tal-erja tat-test. Jekk vacuum cleaner domestika għandu tarf li jnaddaf usa' minn 0,320 m, allura ċ-ċifra ta' 0,320 m għandha tkun sostitwita għal wisa' tat-tarf li jnaddaf f'din il-kalkolazzjoni.

Għal testijiet tal-art iebsa s-suffiss hf u l-ismijiet tal-parametri SEhf, Phf, NPhf, thf u Ahf għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta' hawn fuq. Għal testijiet tat-twapet is-suffiss c u l-ismijiet tal-parametri SEc, Pc, NPc, tc u Ac għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta' hawn fuq. Għal kull wieħed miċ-ċikli ta' tindif, il-valuri SEhf, Phf, NPhf, thf , Ahf u/jew SEc, Pc, NPc, tc , Ac , kif applikabbli, għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

L-ekwivalenti tal-qawwa f'żennuni attivi li jaħdmu bil-batteriji (NP)

L-ekwazzjoni ġenerali għall-medja tal-ekwivalenti tal-qawwa f'żennuni attivi li jaħdmu bil-batteriji NP f'W, applikabbli għal vacuum cleaners tat-twapet, tal-art iebsa u għal dawk bi skopijiet ġenerali bis-suffissi xierqa, huwa:

Formula

Fejn:

E huwa l-konsum tal-elettriku meħtieġ, f'Wh bi preċizzjoni sat-tielet (3) ċifra wara l-punt deċimali, biex żennuna attiva, tal-vacuum cleaner, li taħdem bil-batterija terġa' tiċċarġja l-batterija kompletament sal-istat oriġinali tagħha wara ċiklu ta' tindif;

tbat huwa l-ħin totali f'sigħat, bi preċiżjoni sar-raba' (4) ċifra wara l-punt deċimali, f'ċiklu ta' tindif li fih iż-żennuna attiva, tal-vacuum cleaner, li taħdem bil-batterija tiġi attivata, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

Fil-każ li l-vacuum cleaner ma jkunx mgħammar b'żennuna attiva li taħdmu bil-batterija il-valur ta' NP ikun żero.

Għal testijiet tal-art iebsa s-suffiss hf u l-ismijiet tal-parametri NPhf, Ehf, tbathf għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta' hawn fuq. Għat-testijiet tat-twapet is-suffiss c u l-ismijiet tal-parametri NPc, Ec, tbatc għandhom jintużaw fl-ekwazzjoni ta' hawn fuq. Għal kull wieħed miċ-ċikli ta' tindif, il-valuri ta’ Ehf, tbathf u/jew Ec, tbatc , kif applikabbli, għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

4.   It-trab miġbur

It-trab miġbur minn fuq art iebsa (dpuhf ) għandu jkun iddeterminat bħala l-medja tar-riżultati taż-żewġ ċikli tat-tindif f'test tal-art iebsa.

It-trab miġbur minn fuq tapit (dpuc ) għandu jkun iddeterminat bħala l-medja tar-riżultati taċ-ċikli tat-tindif f'test tat-twapet. Għall-korrezzjoni tad-devjazzjonijiet mill-proprjetajiet oriġinali tat-test tat-twapet, it-trab miġbur minn fuq it-tapit (dpuc ) għandu jkun ikkalkolat kif ġej:

Formula

Fejn:

dpum huwa t-trab miġbur mill-vacuum cleaner imkejjel;

dpucal huwa t-trab miġbur tas-sistema ta' vacuum cleaner ta’ referenza mkejjel meta t-test tat-twapet kien f’kundizzjoni oriġinali;

dpuref huwa t-trab miġbur mis-sistema ta' vacuum cleaner ta' referenza u mkejjel;

Il-valuri ta’ dpum , għal kull wieħed miċ-ċikli ta' tindif, dpuc, dpucal u dpuref għandhom jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

5.   Emissjoni mill-ġdid tat-trab

L-emissjoni mill-ġdid tat-trab għandha titkejjel meta l-vacuum cleaner ikun qed jaħdem fuq l-ogħla influss ta' arja.

6.   Il-livell tal-qawwa tal-ħoss

Il-livell tal-qawwa tal-ħoss għandu jkun iddeterminat fuq it-tapit.

7.   Vacuum cleaners ibridi

Għal vacuum cleaners ibridi l-kejl kollu għandu jiġi esegwit mal-vacuum cleaner li jaħdem permezz tal-mejn tal-elettriku u ma' kwalunkwe żennuna attiva li taħdem bil-batterija biss.


ANNESS VII

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja:

1.

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw unità waħda biss għal kull mudell.

2.

Il-mudell tal-vacuum cleaner għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli jekk il-valuri u l-klassijiet li jidhru fuq it-tikketta u fl-iskeda tal-prodott jikkonformaw mal-valuri fid-dokumentazzjoni teknika u jekk l-ittestjar tal-parametri rilevanti tal-mudell elenkat fit-Tabella 4 juri konformità għal dawk il-parametri kollha.

3.

F'każ li ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell magħżula b'mod każwali Bħala alternattiva, it-tliet unitajiet addizzjonali magħżula jistgħu jkunu ta' mudell wieħed jew aktar li jkunu ġew elenkati bħala vacuum cleaner ekwivalenti fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur.

4.

Il-mudell tal-vacuum cleaner għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli jekk l-ittestjar tal-parametri tal-mudell relevanti elenkat fit-Tabella 4 juri konformità għal dawk il-parametri kollha.

5.

Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punt 4, il-mudell u l-mudelli kollha ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala mhux konformi ma' dan ir-Regolament.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stipulati fl-Anness VI.

It-tolleranzi tal-verifika definiti f’dan l-Anness jirreferu biss għall-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istat Membru u ma għandhomx jintużaw mill-fornitur bħala tolleranza permessa fuq il-valuri fid-dokumentazzjoni teknika. Il-valuri u l-klassijiet fuq it-tikketta jew fl-iskeda tal-prodott ma għandhomx jiffavorixxu lill-fornitur iktar mill-valuri rraportati fid-dokumentazzjoni teknika.

Tabella 4

Parametru

Tolleranzi tal-verifika

Konsum annwali tal-enerġija

Il-valur stabblit (1) mhuwiex aktar minn 10 % ogħla mill-valur iddikjarat.

It-trab miġbur minn fuq it-twapet

Il-valur stabblit (1) mhuwiex aktar minn 0,03 anqas mill-valur iddikjarat.

It-trab miġbur minn fuq l-art iebsa

Il-valur stabblit (1) mhuwiex aktar minn 0,03 anqas mill-valur iddikjarat.

Emissjoni mill-ġdid tat-trab

Il-valur stabblit (1) mhuwiex aktar minn 15 % ogħla mill-valur iddikjarat.

Il-livell tal-qawwa tal-ħoss

Il-valur stabblit (1) mhuwiex ogħla mill-valur iddikjarat.


(1)  il-medja aritmetika tal-valuri stabbiliti fil-każ ta’ tliet unitajiet addizzjonali ttestjati kif preskritt fil-punt 3.


Top