EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0607

Regolament (UE) Nru 607/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Ġunju 2013 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Mjanmar/Burma

OJ L 181, 29.6.2013, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/06/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/607/oj

29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/13


REGOLAMENT (UE) Nru 607/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 2013

li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 li jirtira temporanjament l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-Mjanmar/Burma

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 tal-24 ta’ Marzu 1997 li jirtira temporanjament l-aċċess għall-preferenzi ta’ tariffi ġeneralizzati mill-Unjoni ta’ Mjanmar (2), kif emendat bl-Artikolu 28(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-1 ta’ Jannar 2009 (3), jistipula li l-aċċess tal-Mjanmar/Burma għall-preferenzi tariffarji mogħtija bir-Regolament (KE) Nru 732/2008 huwa rtirat temporanjament.

(2)

Il-punt (a) tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 jistipula li l-arranġamenti preferenzjali previsti f’dak ir-Regolament jistgħu jiġu rtirati temporanjament, fir-rigward tal-prodotti kollha jew ta’ wħud minnhom li joriġinaw f’pajjiż benefiċjarju, għal ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stipulati fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, abbażi tal-konklużjonijiet tal-korpi rilevanti ta’ monitoraġġ.

(3)

Il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) rigward Xogħol Furzat jew Obbligatorju, 1930 (Nru 29), hija mniżżla fil-Parti A tal-Anness III, għar-Regolament (KE) Nru 732/2008.

(4)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 552/97, l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament għandha tintemm fid-dawl ta’ rapport tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol furzat fil-Mjanmar/Burma, li juri li l-prattiki msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 ma għadhomx jeżistu.

(5)

Fit-13 ta’ Ġunju 2012, il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (ILC) adottat ir-Riżoluzzjoni “li tikkonċerna l-miżuri dwar is-suġġett tal-Mjanmar adottati skont l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni tal-ILO” (“Riżoluzzjoni ILC”). Filwaqt li ħadet nota tal-konklużjonijiet adottati fl-4 ta’ Ġunju 2012 mill-Kumitat dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards tal-ILC, u waqt li qieset li ż-żamma tal-miżuri eżistenti ma tibqgħax tgħin aktar biex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, l-ILC ddeċidiet li tneħħi r-restrizzjonijiet, li eskludew il-Gvern tal-Mjanmar/Burma milli jirċievi kooperazzjoni teknika u għajnuna teknika mill-ILO. Hija wkoll sospendiet għal sena t-talba tal-ILO mingħand il-membri tagħha biex jirrevedu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Mjanmar/Burma biex jiżguraw li x-xogħol furzat mhux qed jintuża f’dawn ir-relazzjonijiet.

(6)

Fis-17 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat rapport “skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 552/97 fir-rigward tax-xogħol furzat fil-Mjanmar/Burma” bis-sejbiet tagħha (“ir-Rapport”). Ir-Rapport jikkonkludi li l-progress li sar mill-Mjanmar/Burma lejn il-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO, li ġie rrikonoxxut mill-korpi kompetenti ta’ monitoraġġ tal-ILO, ifisser li l-vjolazzjonijiet tal-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO mhux qed jitqiesu aktar bħala “serji u sistematiċi” u jirrakkomanda li l-aċċess għal preferenzi tariffarji ġeneralizzati għandu jiġi riintegrat għall-Mjanmar/Burma.

(7)

Fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-ILC u tar-Rapport, u skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 552/97, l-irtirar temporanju tal-aċċess għall-preferenzi tariffarji tal-Mjanmar/Burma mogħti bir-Regolament (KE) Nru 732/2008 għandu għalhekk jitħassar, mid-data tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni ILC.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-iżviluppi fil-Mjanmar/Burma fir-rigward ta’ xogħol furzat u tirreaġixxi għalihom skont il-proċeduri fis-seħħ, inkluż, jekk meħtieġ, il-proċeduri tal-irtirar imġedda,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 552/97 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta’ Ġunju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2013.

(2)  ĠU L 85, 27.3.1997, p. 8.

(3)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.


Top