EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0328

2013/328/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż

OJ L 175, 27.6.2013, p. 61–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 04 Volume 012 P. 175 - 184

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Imħassar b' 32018D1986

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/328/oj

27.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/61


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2013

li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż

(2013/328/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 japplika għall-attivitajiet kollha koperti mill-Politika Komuni tas-Sajd imwettqa fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew, bla ħsara għar-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru tal-bandiera, minn ċittadini tal-Istati Membri, u jistabbilixxi b’mod partikulari li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar isiru fuq bażi mhux diskriminatorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi, bastimenti jew persuni, u fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (2) jistipula l-kundizzjonijiet għal sfruttament sostenibbli tal-merluzz fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-ħażniet tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana (3) jistipula l-kundizzjonijiet għal sfruttament sostenibbli tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata.

(3)

L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddetermina, flimkien mal-Istati Membri konċernati, it-tipi ta’ sajd li huma suġġetti għal programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni. Tali programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara l-objettivi, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju u għandhom jiġu riveduti perjodikament wara analiżi tar-riżultati miksuba. L-Istati Membri konċernati huma obbligati li jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riżorsi umani u materjali u l-perjodi u ż-żoni fejn dawn għandhom jiġu użati.

(4)

L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistipula li l-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ ġestjoni tar-riskju. Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għall-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ verifikazzjoni sabiex l-analiżijiet tar-riskju u l-valutazzjonijiet globali tal-informazzjoni rilevanti ta’ kontroll u spezzjoni jitħallew isiru f’waqthom. Il-kriterji komuni huma maħsuba biex jiżguraw approċċ armonizzat fil-konfront tal-ispezzjoni u l-verifikazzjoni fl-Istati Membri kollha u sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha.

(5)

Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkun stabbilit għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2018 u għandu jiġi implimentat mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Irlanda, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Isvezja u mir-Renju Unit.

(6)

L-Artikolu 98(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (4) jipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet misjuba fil-pjanijiet multiannwali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jagħżlu miri għall-ispezzjoni, bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u, suġġett għal strateġija ta’ kontroll u ta’ infurzar ibbażata fuq ir-riskju, għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ spezzjoni meħtieġa b’mod oġġettiv sabiex jevitaw iż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-istokkjar ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw minn attivitajiet li mhumiex f’konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(7)

L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (5) (minn issa ’l quddiem imsejħa l-“EFCA”) għandha tikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni permezz ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, li jagħti effett lill-għanijiet, lill-prijoritajiet, lill-proċeduri u lill-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni stipulati fil-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, u għandha tidentifika l-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni li jistgħu jinġabru minn kull Stat Membru konċernat. Ir-relazzjonijiet bejn il-proċeduri ddefiniti mill-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u dawk definiti mill-pjan ta’ eżerċizzju konġunt, għandhom għalhekk jiġu ċċarati.

(8)

Sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ kontroll u spezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd għall-merluzz, il-barbun tat-tbajja’ u l-lingwata, u sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjan multiannwali għal dawn l-istokkijiet u s-sajd tagħhom, huwa xieraq li jitfasslu regoli komuni għall-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati, inkluż l-aċċess reċiproku għad-dejta rilevanti. Għal dak il-għan, l-intensità tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni għandha tiġi determinata mill-punti ta’ riferiment fil-mira.

(9)

Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza bejn l-Istati Membri konċernati għandhom jitwettqu, fejn applikabbli, skont il-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti stabbiliti mill-EFCA bil-għan li tittejjeb l-uniformità fil-prattiki ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza u sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri.

(10)

Ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiġu evalwati permezz ta’ rapporti annwali ta’ evalwazzjoni li għandhom ikunu kkomunikati minn kull Stat Membru konċernat lill-Kummissjoni u lill-EFCA.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien mal-Istati Membri konċernati.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd tal-merluzz, fiż-żoni ġeografiċi tal-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż, u tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fiż-żona ġeografika tal-Baħar tat-Tramuntana. Minn issa ’l quddiem iż-żoni ġeografiċi huma msejħa “Iż-żoni konċernati”.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkopri, b’mod partikolari, l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet tas-sajd skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fiż-żoni konċernati, u

(b)

l-attivitajiet relatati mas-sajd, inklużi l-użin, l-ipproċessar, it-tqegħid fis-suq, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd,

2.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2018.

3.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiġi implimentat mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Irlanda, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Isvezja u mir-Renju Unit (minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Istati Membri konċernati”).

KAPITOLU II

OBJETTIVI, PRIJORITAJIET, PROĊEDURI U PUNTI TA’ RIFERIMENT

Artikolu 3

Objettivi

1.   Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiżgura l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli għall-istokkijiet msemmija fl-Artikolu 1.

2.   L-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni mwettqa skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom, b’mod partikolari, jimmiraw li jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u kwalunkwe kundizzjoni speċifika assoċjata magħha, inkluż il-monitoraġġ tal-utilizzazzjoni tal-kwota u tar-reġim tal-isforz fiż-żoni konċernati;

(b)

l-obbligi ta’ rappurtar li japplikaw għall-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata;

(c)

id-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni fuq selezzjoni kwalitattiva u l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha suġġett għal kwota.

Artikolu 4

Prijoritajiet

1.   L-Istati Membri konċernati għandhom iwettqu attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd u ta’ attivitajiet relatati mas-sajd minn operaturi oħra fuq il-bażi tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, f’konformità mal-Artikolu 4(18) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 98 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

2.   Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, għal kull stokk msemmi fl-Artikolu 1, għandu jkun suġġett għal kontroll u għal spezzjonijiet skont il-livell ta’ prijorità attribwita skont il-paragrafu 3.

3.   Kull Stat Membru konċernat għandu jattribwixxi l-livell ta’ prijorità fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5.

Artikolu 5

Proċeduri għall-valutazzjoni tar-riskju

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-Istati Membri konċernati u, għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-paragrafu 4, għall-Istati Membri l-oħra kollha.

2.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw ir-riskji rigward l-istokkijiet u ż-żona(i) koperta(i), fuq il-bażi tat-tabella stabbilita fl-Anness I.

3.   Il-valutazzjoni tar-riskju minn kull Stat Membru għandha tqis, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti, sa fejn huwa probabbli li jseħħ nuqqas ta’ konformità kif ukoll, li kieku dan kellu jiġri, il-konsegwenza(i) potenzjali. Billi jgħaqqad dawn l-elementi, kull Stat Membru għandu jistma livell ta’ riskju (“baxx ħafna”, “baxx”, “medju”, “għoli” jew “għoli ħafna”) għal kull kategorija ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2).

4.   Fil-każ fejn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru konċernat, jew bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz, jopera fiż-żona(i) msemmija fl-Artikolu 1, dan għandu jkun attribwit livell ta’ riskju skont il-paragrafu 3. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni u sakemm l-awtoritajiet tal-bandiera tiegħu ma jipprovdux, fil-qafas tal-Artikolu 9, ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess imwettqa skont l-Artikolu 4(2) u l-paragrafu 3 li jwasslu għal livell differenti ta’ riskju, għandu jiġi kkunsidrat bħala bastiment tas-sajd b’livell ta’riskju “għoli ħafna”.

Artikolu 6

Strateġija tal-ġestjoni tar-riskju

1.   Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, kull Stat Membru konċernat għandu jiddefinixxi strateġija tal-ġestjoni tar-riskju ffukata fuq l-iżgurar tal-konformità. Strateġija bħal din għandha tinkludi l-identifikazzjoni, id-deskrizzjoni u l-allokazzjoni ta’ strumenti ta’ kontroll u mezzi oħra ta’ spezzjoni xierqa u kosteffettivi, b’rabta man-natura u l-livell stmat ta’ kull riskju, kif ukoll il-kisba tal-punti ta’ riferiment fil-mira.

2.   L-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkoordinata fil-livell reġjonali permezz ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

Artikolu 7

Rabta ma’ proċeduri ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti

1.   Fil-qafas ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, fejn applikabbli, kull Stat Membru konċernat għandu jikkomunika lill-EFCA r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 5(3) u, b’mod partikolari, lista ta’ livelli tar-riskju stmati flimkien ma’ miri korrispondenti għall-ispezzjoni.

2.   Fejn xieraq, il-livelli tar-riskju u l-listi tal-miri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati billi tintuża l-informazzjoni miġbura waqt l-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza. L-EFCA għandha tiġi informata immedjatament wara t-tlestija ta’ kull aġġornament.

3.   L-EFCA għandha tuża l-informazzjoni li tkun waslet mill-Istati Membri konċernati biex tikkoordina l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju fil-livell reġjonali, skont l-Artikolu 6(2).

Artikolu 8

Punti ta’ riferiment fil-mira

1.   Bla ħsara għall-punti ta’ riferiment fil-mira definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (6), il-punti ta’ riferiment fil-mira fil-livell tal-Unjoni għal bastimenti tas-sajd u/jew operaturi oħra b’livell ta’ riskju “għoli” u “għoli ħafna” huma stipulati fl-Anness II.

2.   Il-punti ta’ riferiment fil-mira għal bastimenti tas-sajd u/jew operaturi oħra b’livell ta’ riskju “baxx ħafna”, “baxx”, u “medju” għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri konċernati permezz tal-programmi ta’ azzjoni nazzjonali għall-kontroll imsemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u tal-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 95(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw alternattivament punti ta’ riferiment fil-mira differenti, espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba, sakemm:

(a)

analiżi ddettaljata tal-attivitajiet tas-sajd jew tal-attivitajiet relatati mas-sajd u tal-kwistjonijiet tal-infurzar relatati tiġġustifika l-ħtieġa tal-iffissar ta’ punti ta’ riferiment fil-mira fil-forma ta’ livelli ta’ konformità mtejba,

(b)

il-punti ta’ riferiment espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba huma nnotifikati lill-Kummissjoni, u sakemm din ma toġġezzjonax għalihom fi żmien 90 jum, ma jkunux diskriminatorji, u ma jaffettwawx l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri bbażati fuq ir-riskju definiti mill-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

4.   Il-punti ta’ riferiment fil-mira kollha għandhom jiġu eżaminati kull sena fuq il-bażi tar-rapporti tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) u, fejn xieraq, għandhom jiġi riveduti kif meħtieġ fil-qafas tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(4).

5.   Fejn applikabbli, pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu jagħti effett lill-punti ta’ riferiment fil-mira msemmija f’dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 9

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri konċernati għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

2.   Fejn xieraq, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri konċernati.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

Artikolu 10

Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza

1.   Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-kontroll tas-sajd tagħhom, l-Istati Membri konċernati għandhom iwettqu spezzjonijiet konġunti u attivitajiet ta’ sorveljanza fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u, fejn xieraq, fuq it-territorju tagħhom. Fejn applikabbli, dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.

2.   Għall-fini tal-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, l-Istati Membri konċernati għandhom:

(a)

jiżguraw li l-ispetturi mill-Istati Membri konċernati l-oħra jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza;

(b)

jistabbilixxu proċeduri operattivi konġunti li jkunu applikabbli għad-dgħajjes ta’ sorveljanza tagħhom;

(c)

jinnominaw punti tal-kuntatt kif imsemmi fl-Artikolu 80(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fejn xieraq.

3.   L-uffiċjali u l-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza.

Artikolu 11

Skambju ta’ dejta

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, kull Stat Membru konċernat għandu jiżgura l-iskambju dirett elettroniku ta’ dejta kif imsemmi fl-Artikolu 111 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 mal-Istati Membri l-oħra konċernati u mal-EFCA.

2.   Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ attivitajiet tas-sajd u mal-attivitajiet relatati mas-sajd li jsiru fiż-żona(i) koperti b’dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

Artikolu 12

Informazzjoni

1.   Sakemm issir l-implimentazzjoni sħiħa tat-Titolu XII, tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u skont il-format stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru konċernat għandu jikkomunika b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni u lill-EFCA, sal-31 ta’ Jannar wara kull sena kalendarja, l-informazzjoni li ġejja dwar is-sena preċedenti:

(a)

l-identifikazzjoni, id-data, u t-tip ta’ kull operazzjoni ta’ kontroll u/jew ta’ spezzjoni mwettqa matul is-sena preċedenti;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd (in-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni), vettura u/jew operatur (l-isem tal-kumpanija) suġġett għal kontroll u/jew għal spezzjoni;

(c)

fejn xieraq, it-tip ta’ rkaptu tas-sajd spezzjonat, u;

(d)

fil-każ fejn ġie osservat ksur serju wieħed jew aktar:

(i)

it-tip(i) ta’ ksur serju(i);

(ii)

il-qagħda fir-rigward tas-segwitu tal-ksur serju(i) (pereżempju każ taħt investigazzjoni, pendenti, taħt appell), u

(iii)

is-sanzjoni(jiet) imposti bħala segwitu tal-ksur serju(i): il-livelli ta’ multi, il-valur tal-ħut u/jew irkaptu kkonfiskat, il-punti assenjati skont l-Artikolu 126(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011, u/jew tip ieħor ta’ sanzjonijiet.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata għal kull kontroll u/jew spezzjoni u għandha tkompli tiġi elenkata u aġġornata f’kull rapport sakemm l-azzjoni tiġi konkluża skont il-liġijiet tal-Istat Membru konċernat. Fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni wara l-iskoperta ta’ ksur serju, għandha tiġi inkluża spjegazzjoni.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.   Kull Stat Membru konċernat għandu, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja rilevanti, jibgħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-effettività tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni mwettqa skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.

2.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu, tal-anqas, jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV. Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħhom, l-Istati Membri konċernati jistgħu wkoll jinkludu azzjonijiet oħrajn bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew informazzjoni mfassla biex ikollhom impatt fuq il-konformità min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd jew operaturi oħrajn.

3.   Għall-valutazzjoni annwali tagħha tal-effettività ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005, l-EFCA, għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura sabiex tiġi evalwata l-konvenjenza, l-adegwatezza u l-effettività tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u l-impatt globali tiegħu fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra, fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-punti ta’ riferiment fil-mira stabbiliti fl-Anness II jistgħu jiġu riveduti skont dan.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.

(3)  ĠU L 157, 19.6.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.


ANNESS I

PROĊEDURI GĦALL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU

Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, fi stokkijiet differenti u fiż-żona(i) msemmija fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti għal kontroll u spezzjonijiet skont il-livell tal-prijorità attribwit. Il-livell ta’ prijorità għandu jingħata skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn kull Stat Membru konċernat, jew minn kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4), fuq il-bażi tal-proċedura li ġejja:

Deskrizzjoni tar-riskju

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Indikatur

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Fażi fil-katina tas-sajd/tal-kummerċjalizzazzjoni

(Meta u fejn jidher ir-riskju)

Punti li għandhom jitqiesu

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Okkorrenza fis-sajd (*)

Konsegwenza(i) potenzjali (*)

Livell tar-riskju (*)

[Nota: ir-riskji identifikati mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-objettivi definiti fl-Artikolu 3]

 

 

Livelli ta’ qabdiet/ħatt l-art distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet, u l-irkapti,

Disponibbiltà tal-kwota għall-bastimenti tas-sajd, distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet u l-irkapti,

Użu ta’ kaxex standardizzati;

Livell u varjazzjoni fil-prezzijiet tas-suq għall-prodotti tas-sajd li nħattu l-art (l-ewwel bejgħ),

L-għadd ta’ spezzjonijiet imwettqa preċedentement u l-għadd ta’ ksur osservat għall-bastiment tas-sajd u/jew għal operatur ieħor ikkonċernat,

Sfond, u/jew periklu potenzjali, ta’ frodi b’rabta mal-port/mal-lok/maż-żona u mal-mestier.

Kwalunkwe informazzjoni jew sejbien importanti rilevanti oħra.

Frekwenti/Medju/Rari jkun hemm każijiet/jew Mhux sinifikanti

Serju/Sinifikanti/Aċċettabbli/jew Marġinali

Baxx ħafna/baxx/medju/għoli/jew għoli ħafna


(*)  

Nota: Għandhom jiġu vvalutati mill-Istati Membri. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli, sa fejn huwa probabbli li jseħħ nuqqas ta’ konformità u, li kieku dan kellu jiġri, il-konsegwenza potenzjali.


ANNESS II

PUNTI TA’ RIFERIMENT FIL-MIRA

1.   Livell ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn applikabbli)

Fuq bażi annwali, il-punti ta’ riferiment fil-mira li ġejjin (1) għandhom jintlaħqu għal spezzjonijiet fuq il-baħar tal-bastimenti tas-sajd impenjati fis-sajd tal-merluzz, il-barbun tat-tbajja’ u l-lingwata fiż-żona, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq il-baħar huma rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd u sakemm jiffurmaw parti mill-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju:

Punti ta’ riferiment kull sena (*)

Livell ta’ riskju stmat għal bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 5(2)

għoli

għoli ħafna

Sajd

Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 2,5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat

Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat

2.   Livell ta’ spezzjonijiet fuq l-art (inklużi kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ)

Fuq bażi annwali, il-punti ta’ riferiment fil-mira li ġejjin (2) għandhom jintlaħqu għal spezzjonijiet fuq l-art (inkluż kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ) ta’ bastimenti tas-sajd u ta’ operaturi oħra involuti fis-sajd tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fiż-żona, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq l-art huma rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd/tat-tqegħid fis-suq u huma parti tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju.

Punti ta’ riferiment kull sena (**)

Livell ta’ riskju għal bastimenti tas-sajd u/jew għal operaturi oħra (l-ewwel xerrej)

għoli

għoli ħafna

Sajd

Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli”

Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna”

B’mod partikolari, spezzjonijiet li jsiru wara l-ħatt l-art jew wara t-trasbord għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ kontroverifika komplementari biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata għall-qabdiet u għall-ħatt l-art.


(1)  Għall-bastimenti li jdumu inqas minn 24 siegħa fuq il-baħar għal kull vjaġġ tas-sajd, u skont l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, il-punti ta’ riferiment fil-mira jistgħu jitnaqqsu bin-nofs.

(*)  espress f’% ta’ vjaġġi tas-sajd fiż-żona skont ir-riskju għoli/għoli ħafna/fis-sena

(2)  Għall-bastimenti li jħottu l-art inqas minn 10 tunnellati f’kull azzjoni tal-ħatt l-art, u skont l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, il-punti ta’ riferiment fil-mira jistgħu jitnaqqsu bin-nofs.

(**)  espress f’% tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’riskju għoli/għoli ħafna/fis-sena


ANNESS III

INFORMAZZJONI PERJODIKA DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM SPEĊIFIKU TA’ KONTROLL U SPEZZJONI

Format għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 12 għal kull spezzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport:

Isem

Kodiċi

Deskrizzjoni u kontenut

Identifikazzjoni ta’ spezzjoni

II

Kodiċi ISO alfa2 tal-pajjiż + 9 numri, eż. DK201200000

Data ta’ spezzjoni

DA

SSSS-XX-JJ

Tip ta’ spezzjoni jew kontroll

IT

Il-baħar, ix-xatt, it-trasport, id-dokument (indika)

Identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd, vettura jew operatur

ID

In-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni tal-bastiment tas-sajd, l-identifikazzjoni tal-vettura, u/jew l-isem tal-kumpanija tal-operatur.

Tip ta’ rkaptu tas-sajd

GE

Il-kodiċi tal-irkaptu skont il-Klassifikazzjoni Statistika Standard Internazzjonali tal-Irkaptu tas-Sajd

Ksur serju

SI

I = iva, L = le

Tip ta’ ksur serju osservat

TS

Indika t-tip ta’ ksur serju osservat, b’riferenza għan-numru (kolonna tax-xellug) fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Barra minn hekk, il-ksur serju msemmi fl-Artikolu 90(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament ta’ Kontroll għandu jiġi identifikat rispettivament bin-numri “13”, “14” u “15”.

Qagħda attwali tas-segwitu

FU

Indika l-qagħda attwali: PENDENTI, APPELL jew MAGĦLUQ

Multa

SF

Multa f’EUR, pereżempju 500

Konfiska

SC

QABDA/IRKAPTU għal konfiska fiżika. L-ammont sekwestrat fil-każ tal-valur tal-qabda/irkaptu f’EUR, pereżempju 10 000

Oħrajn

SO

Fil-każ tal-irtirar tal-liċenzja/tal-awtorizzazzjoni, indika LI jew AU + l-għadd ta’ jiem, pereżempju AU30

Punti

SP

Għadd ta’ punti assenjati, pereżempju 12

Rimarki

RM

F’każ ta’ ebda azzjoni meħuda wara l-iskoperta ta’ ksur serju, spjegazzjoni għaliex fil-forma ta’ test liberu.


ANNESS IV

KONTENUT TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI

Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom mill-inqas jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

I.   Analiżi ġenerali tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)

Deskrizzjoni tar-riskji identifikati mill-Istat Membru konċernat u kontenut dettaljat tal-istrateġija tiegħu tal-ġestjoni tar-riskju, inkluża deskrizzjoni tal-proċess ta’ eżami u ta’ reviżjoni.

Tqabbil tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ mezzi ta’ spezzjoni impenjati/l-għadd ta’ mezzi pprovduti fl-eżekuzzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, inklużi t-tul u l-oqsma ta’ eżerċizzju;

Tqabbil tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ attivitajiet ta’ kontroll u ta’ spezzjonijiet imwettqa (imla fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III)/l-għadd ta’ ksur serju osservat u, fejn possibbli, analiżi dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dan il-ksur,

Sanzjonijiet imposti għal ksur serju (imla fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III).

Analiżi ta’ azzjonijiet oħra (separatament minn dawk ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar, eżempju sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni) maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd u/jew minn operaturi oħra [EŻEMPJU: l-għadd ta’ titjib fl-irkaptu selettiv użat, l-għadd ta’ kampjuni ta’ merluzz/ta’ ħut żgħir eċċ.]

II.   Analiżi dettaljata tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)

1.

Analiżi ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn xieraq), b’mod partikolari:

tqabbil ta’ bastimenti ta’ spezzjoni provduti/impenjati,

rata ta’ ksur serju fuq il-baħar,

proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar fuq bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “baxx ħafna”, “baxx”, jew “medju” li jirriżulta fi ksur serju wieħed jew aktar;

proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar fuq bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” jew “għoli ħafna” li jirriżulta fi ksur serju wieħed jew aktar;

tip u livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

2.

Analiżi ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni fuq l-art (inkluż kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ, jew trasbordi), b’mod partikolari:

tqabbil ta’ unitajiet ta’ spezzjoni fuq l-art provduti/impenjati,

rata ta’ ksur serju fuq l-art,

proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq l-art fuq bastimenti tas-sajd u/jew operaturi tas-sajd b’livell ta’ riskju “baxx ħafna”, “baxx”, jew “medju” li jirriżulta fi ksur serju wieħed jew aktar;

proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq l-art fuq bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” jew “għoli ħafna” li jirriżulta fi ksur serju wieħed jew aktar;

tip u livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

3.

Analiżi tal-punti ta’ riferiment fil-mira espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità (fejn applikabbli), b’mod partikolari:

tqabbil ta’ mezzi ta’ spezzjoni provduti/impenjati;

rata u xejra tal-ksur serju (meta mqabbla mas-sentejn (2) preċedenti);

proporzjon ta’ spezzjonijiet fuq bastimenti tas-sajd/fuq operaturi li jirriżultaw fi ksur serju wieħed jew aktar;

tip u livell ta’ sanzjonijiet/evalwazzjoni tal-effett deterrenti.

4.

Analiżi ta’ attivitajiet oħra ta’ spezzjoni u kontroll: trasbord, sorveljanza mill-ajru, importazzjoni/esportazzjoni, eċċ., kif ukoll azzjonijiet oħra bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra

III.   Proposta/i sabiex titjieb l-effettività tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)


Top