EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0529

Deċiżjoni Nru 529/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2013 dwar regoli tal-kontabilità dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija u dwar informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet relatati ma' dawk l-attivitajiet

OJ L 165, 18.6.2013, p. 80–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 031 P. 279 - 296

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/07/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/529/oj

18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/80


DEĊIŻJONI Nru 529/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Mejju 2013

dwar regoli tal-kontabilità dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija u dwar informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet relatati ma' dawk l-attivitajiet

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (is-settur tal-“LULUCF”) fl-Unjoni huwa bir nett li jneħħi mill-atmosfera ammont ta' gassijiet serra li huwa ekwivalenti għal sehem sinifikanti mill-emissjonijiet totali tal-Unjoni ta' gassijiet serra. L-attivitajiet LULUCF jikkawżaw emissjonijiet u assorbimenti antropoġeniċi tal-gassijiet serra b'konsegwenza tal-bidliet fil-kwantità ta' karbonju maħżun fil-veġetazzjoni u fil-ħamrija, kif ukoll emissjonijiet ta' gassijiet serra mhux ta' CO2. L-użu sostenibbli miżjud ta' prodotti tal-injam maħsud jista' jillimita b'mod sostanzjali l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-atmosfera u jsaħħaħ l-assorbimenti ta' gassijiet serra mill-atmosfera. L-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mis-settur tal-LULUCF ma jgħoddux għall-miri tal-Unjoni għall-2020 li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b'20 % skont id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (3) u d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (4), għalkemm jgħoddu parzjalment għall-impenji kkwantifikati tal-Unjoni għal-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 3(3) tal-Protokoll ta' Kjoto (“il-Protokoll ta' Kjoto”) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“UNFCCC”), li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (5).

(2)

Fil-kuntest ta' bidla għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, l-użu kollu tal-art għandu jiġi kkunsidrat b'mod olistiku u s-settur tal-LULUCF għandu jiġi indirizzat fi ħdan il-politika tal-Unjoni dwar il-klima.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tesiġi li l-Kummissjoni tivvaluta l-modalitajiet biex tinkludi l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-LULUCF fl-impenn tal-Unjoni li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, filwaqt li tiżgura l-permanenza u l-integrità ambjentali tal-kontribut tas-settur u tipprovdi għal monitoraġġ u kontabilità preċiżi tal-emissjonijiet u l-assorbimenti rilevanti. Din id-Deċiżjoni għandha, għalhekk, bħala l-ewwel pass, tistabbilixxi r-regoli tal-kontabbiltà applikabbli għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-assorbiment mis-settur tal-LULUCF u b'hekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' politika lejn l-inklużjoni tas-settur LULUCF fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, skont il-każ, waqt li jittieħed kont tal-kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni varji tal-Unjoni, inkluż fost oħrajn il-pajjiżi b'ħafna foresti. Sadanittant, sabiex jiġu żgurati l-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-ħażniet tal-karbonju, din id-Deċiżjoni għandha tipprevedi wkoll is-sottomissjoni ta' informazzjoni mill-Istati Membri dwar l-azzjonijiet tagħhom fis-settur tal-LULUCF biex l-emissjonijiet jiġu limitati jew imnaqqsa u biex l-assorbimenti jinżammu jew jiżdiedu, mis-settur tal-LULUCF.

(4)

Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli tal-kontabilità u fil-provvediment ta' informazzjoni dwar l-azzjonijiet tagħhom fis-settur tal-LULUCF. Din ma għandha tistabbilixxi l-ebda obbligu ta' kontabilità jew ta' rapportar għal partijiet privati.

(5)

Id-Deċiżjoni 16/CMP.1 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto, adottata mill-11-il Konferenza tal-Partijiet tal-laqgħa tal-UNFCCC li saret f'Montreal f'Diċembru 2005, u d-Deċiżjoni 2/CMP.7 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto adottata mis-17-il Konferenza tal-Partijiet tal-laqgħa tal-UNFCCC li saret f'Durban f'Diċembru 2011, jistabbilixxu regoli ta' kontabilità għas-settur tal-LULUCF bħala tieni perijodu ta' impenn taħt il-Protokoll ta' Kjoto. Din id-Deċiżjoni għandha tkun għal kollox konsistenti ma' dawk id-Deċiżjonijiet sabiex tiġi żgurata koerenza bejn ir-regoli interni tal-Unjoni u d-definizzjonijiet, il-modalitajiet, ir-regoli u l-linji gwida maqbula fi ħdan l-UNFCCC sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' rapportar nazzjonali. Din id-Deċiżjoni għandha tirrifletti wkoll il-partikolaritajiet tas-settur tal-LULUCF tal-Unjoni u l-obbligi li joħorġu mill-Unjoni bħala Parti separata għall-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto.

(6)

Ir-regoli tal-kontabilità li japplikaw għas-settur LULUCF tal-Unjoni m'għandhomx joħolqu piż amministrattiv addizzjonali. Għaldaqstant, m'għandux ikun hemm obbligu li fir-rapporti mressqa skont dawk ir-regoli tkun inkluża informazzjoni li mhix meħtieġa skont id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC u l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto.

(7)

Is-settur tal-LULUCF jista' jikkontribwixxi b'diversi modi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari billi jitnaqqsu l-emissjonijiet, u jinżammu u jiżdiedu r-riżervi u l-istokkijiet tal-karbonju. Sabiex il-miżuri li għandhom l-għan b'mod partikolari li jżidu s-sekwestru tal-karbonju jkunu effettivi, huma essenzjali l-istabbiltà u l-adattabbiltà fit-tul tar-raggruppamenti tal-karbonju.

(8)

Ir-regoli tal-kontabilità tas-settur tal-LULUCF għandhom jirriflettu l-isforzi li jkunu saru fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija biex jissaħħaħ il-kontribut tal-bidliet li jkunu saru fl-użu tar-riżorsi tal-art għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Din id-Deċiżjoni għandha tipprevedi regoli tal-kontabilità applikabbli fuq bażi mandatorja għall-attivitajiet ta' afforestazzjoni, riforestazzjoni, deforestazzjoni u ġestjoni tal-foresti, kif ukoll għall-attivitajiet tal-ġestjoni tal-imriegħi u tal-ġestjoni tar-raba', soġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li jitjiebu s-sistemi ta' rapportar u ta' kontabilità tal-Istati Membri matul l-ewwel perijodu kontabilistiku. Din id-Deċiżjoni għandha tipprevedi wkoll regoli tal-kontabilità applikabbli fuq bażi volontarja għall-attivitajiet ta' riveġetazzjoni u tal-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tissimplifika u ttejjeb ir-riżultati tad-databases tal-Unjoni (Eurostat-Lucas, EEA — Corine Land Cover eċċ.) li jittrattaw informazzjoni rilevanti, bil-ħsieb li tingħata assistenza lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' kontabilità, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-raba' u tal-ġestjoni tal-imriegħi u, fejn disponibbli, għall-kontabilità volontarja ta' riveġetazzjoni u tal-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra.

(9)

Biex tiġi żgurata l-integrità ambjentali tar-regoli tal-kontabilità applikabbli għas-settur tal-LULUCF tal-Unjoni, dawn ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-kontabilità stipulati fid-Deċiżjoni 2/CMP.7, fid-Deċiżjoni 2/CMP.6 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto, adottata mis-16-il Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC imlaqqa' f'Kankun f'Diċembru 2010 u d-Deċiżjoni 16/CMP.1. L-Istati Membri għandhom iħejju u jżommu l-kontijiet tagħhom u jiżguraw il-preċiżjoni, il-kompletezza, il-konsistenza, il-komparabilità u t-trasparenza tal-informazzjoni rilevanti użata fl-istima tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mis-settur tal-LULUCF f'konformità mal-gwida prevista fil-Linji Gwida rilevanti tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra, inkluż dwar metodoloġiji kontabilistiċi għal emissjonijiet ta' gassijiet mhux serra ta' CO2 adottati fil-qafas tal-UNFCCC.

(10)

Regoli kontabilistiċi bbażati fuq id-Deċiżjoniijiet 2/CMP.7 u 16/CMP.1 ma jippermettux il-kontabilità tal-effett tas-sostituzzjoni tal-użu ta' prodotti tal-injam maħsud għall-finijiet tal-enerġija u tal-materjal, peress li dan iwassal għal kontabilità doppja. Madankollu, użu bħal dan jista' jagħti kontribut importanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għalhekk l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-LULUCF ipprovduta mill-Istati Membri tista' tinkludi miżuri biex materjal li jiġġenera gassijiet serra b'mod intensiv u ħażniet li jikkonsmaw l-enerġija jiġu sostitwiti bil-bijomassa. Dak iżid il-koerenza tal-politika.

(11)

Hemm il-ħtieġa ta' investimenti adatti biex tingħata bażi solida għat-tfassil futur ta' politika u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-art fl-Unjoni. Biex ikun żgurat li dawn l-investimenti jistgħu jiġu prijoritizzati f'kategoriji ewlenin, l-Istati Membri għandhom inizjalment jitħallew jeskludu ċerti raggruppamenti tal-karbonju mill-kontabilità. Madankollu, għall-perijodu fit-tul, għandha tiġi segwita attitudni lejn kontabilità settorjali aktar komprensiva li tinkludi l-art, ir-raggruppamenti u l-gassijiet kollha.

(12)

Ir-regoli tal-kontabilità għandhom jiżguraw li l-kontijiet jirriflettu b'mod preċiż il-bidliet ikkawżati mill-bniedem fl-emissjonijiet u l-assorbimenti. F'dak ir-rigward, din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi għall-użu ta' metodoloġiji speċifiċi skont l-attivitajiet differenti tas-settur tal-LULUCF. L-emissjonijiet u l-assorbimenti relatati mal-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u d-deforestazzjoni huma r-riżultat ta' konverżjoni diretta ta' art mill-bniedem u għalhekk għandhom jiġu kkontabilizzati b'mod kumplessiv. L-emissjonijiet u l-assorbimenti relatati mal-ġestjoni tal-imriegħi, il-ġestjoni tar-raba', ir-riveġetazzjoni u tal-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra huma meqjusa kollha billi tiġi applikata sena bażi għall-kalkolu ta' bidliet fl-emissjonijiet u l-assobimenti. Madankollu, l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-ġestjoni tal-foresti jiddependu fuq għadd ta' ċirkostanzi naturali, l-istruttura tal-klassi tal-età, kif ukoll il-prattiki ta' ġestjoni tal-passat u tal-preżent. L-użu ta' sena bażi ma jagħmilhiex possibbli li dawk il-fatturi u l-impatti ċikliċi li jirriżultaw jiġu riflessi fuq l-emissjonijiet u l-assorbimenti jew il-varjazzjoni interannwali tagħhom. Minflok, ir-regoli kontabilistiċi rilevanti għall-kalkolu tat-tibdil fl-emissjonijiet u l-assorbimenti għandhom jipprevedu l-użu ta' livelli referenzjali biex jeskludu l-effetti ta' karatteristiċi naturali u speċifiċi għall-pajjiż. Il-livelli referenzjali huma stimi tal-emissjonijiet jew tal-assorbimenti netti annwali li jirriżultaw mill-ġestjoni tal-foresti fit-territorju ta' Stat Membru għas-snin inklużi f'kull perijodu kontabilistiku, u għandhom jiġu stabbiliti b'mod trasparenti skont id-Deċiżjonijiet 2/CMP.6 u 2/CMP.7. Il-livelli referenzjali msemmija f'din id-Deċiżjoni għandhom ikunu identiċi għal dawk approvati permezz tal-proċessi tal-UNFCCC. Jekk titjib fil-metodoloġiji jew fid-data relatati mal-istabbiliment tal-livell referenzjali jsiru disponibbli għal Stat Membru, l-Istat Membru għandu jwettaq il-korrezzjonijiet tekniċi adatti biex ikun inkluż l-impatt tar-rikalkolazzjonijiet fil-kontabilità għall-ġestjoni tal-foresti.

Ir-regoli kontabilistiċi għandhom jipprevedu limitu massimu applikabbli għall-assorbimenti netti għall-ġestjoni tal-foresti li jistgħu jiddaħħlu fil-kontijiet. F'każ ta' żviluppi fir-regoli kontabilistiċi għal attivitajiet tal-foresti fil-kuntest tal-proċessi internazzjonali rilevanti, għandu jiġi kkunsidrat l-aġġornament tar-regoli kontabilistiċi għall-attivitajiet tal-foresti f'din id-Deċiżjoni sabiex tkun żgurata konsistenza ma' dawk l-iżviluppi.

(13)

Ir-regoli kontabilistiċi għandhom jirriflettu b'mod xieraq fuq il-kontribut pożittiv għal ħażna ta' gassijiet serra fl-injam u fi prodotti bbażati fuq l-injam, kif ukoll jagħtu kontribut fiż-żieda tal-użu tar-riżorsi tal-foresti fil-qafas tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u fiż-żieda tal-użu ta' prodotti tal-injam.

(14)

Skont il-Kapitolu 4.1.1 tal-Prattiki Tajbin għas-Settur tal-IPCC tal-Użu tal-Art, tat-Tibdil fl-Użu tal-Art u tal-Forestrija, hija prattika tajba li l-pajjiżi jispeċifikaw il-wisa' minima li ser japplikaw biex jiddefinixxu foresta u unitajiet ta' art soġġetti għal attivitajiet ta' afforestazzjoni, riforestazzjoni u deforestazzjoni flimkien mal-erja minima ta' foresta. Għandha tkun żgurata l-konsistenza bejn id-definizzjoni użata minn kull Stat Membru fir-rapportar taħt l-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto u din id-Deċiżjoni.

(15)

Ir-regoli kontabilistiċi għandhom jiżguraw li l-Istati Membri jirriflettu b'mod preċiż fil-kontijiet tagħhom il-bidliet fir-raggruppament tal-prodotti tal-injam maħsud meta dawn iseħħu, biex jiġu pprovduti inċentivi għall-użu ta' prodotti tal-injam maħsud b'ċikli twal tal-ħajja. Il-funzjoni ta' diżintegrazzjoni tal-ewwel grad applikabbli għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-prodotti tal-injam maħsud għandha, għalhekk, tikkorrispondi għall-ekwazzjoni 12.1 tal-Linji Gwida tal-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra, u l-valuri standard rilevanti ta' nofs il-ħajja għandhom ikunu bbażati fuq it-Tabella 3a.1.3 tal-Gwida tal-IPCC tal-2003 għal Prattiki Tajbin għas-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija. Minflok, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw metodoloġiji speċifiċi għall-pajjiż u valuri ta' nofs il-ħajja, dment li dawn ikunu konformi mal-Linji Gwida l-aktar reċenti tal-IPCC.

(16)

Peress li l-varjazzjonijiet interannwali fl-emissjonijiet u fl-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw minn attivitajiet agrikoli huma ferm iżgħar minn dawk relatati ma' attivitajiet tal-foresti, l-Istati Membri għandhom jikkontabilizzaw l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra mill-attivitajiet tal-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi relattivi għas-sena jew perijodu bażi tagħha.

(17)

L-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra joħolqu emissjonijiet minn artijiet tal-peat li jaħżnu ammonti kbar ħafna tal-karbonju. Emissjonijiet minn artijiet tal-peat li qed jiddegradaw u jixxottaw jikkorrispondu għal madwar 5 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra globali u rrappreżentaw bejn 3,5 u 4 % tal-emissjonijiet tal-Unjoni fl-2010. Għalhekk, hekk kif jiġu maqbula internazzjonalment linji gwida rilevanti tal-IPCC, l-Unjoni għandha tistinka biex tavvanza l-kwistjoni fil-livell internazzjonali bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fi ħdan il-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto dwar l-obbligu li jitħejjew u jinżammu kontijiet annwali tal-emissjonijiet u l-assorbimenti minn attivitajiet li jaqgħu fil-kategoriji tal-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra u bil-ħsieb li dan l-obbligu jiġi inkluż. fil-ftehim dwar il-klima globali li għandu jiġi konkluż mhux aktar tard mill-2015.

(18)

Id-disturbi naturali, bħan-nirien fil-foresti, l-infestazzjonijiet mill-insetti u mill-mard, l-avvenimenti estremi tat-temp u d-disturbi ġeoloġiċi li mhumiex fil-kontroll ta' Stat Membru, u mhumiex influwenzati b'mod materjali minnu, jistgħu jirriżultaw f'emissjonijiet tal-gassijiet serra ta' natura temporanja fis-settur tal-LULUCF, jew jistgħu jikkawżaw inverżjonijiet ta' assorbimenti preċedenti. Peress li inverżjoni tista' tkun ukoll ir-riżultat ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni, bħad-deċiżjonijiet li jinħasdu jew li jitħawlu s-siġar, din id-Deċiżjoni għandha tiżgura li inverżjonijiet tal-assorbimenti kkawżati mill-bniedem jiġu dejjem riflessi b'mod preċiż fil-kontijiet tas-settur tal-LULUCF. Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni għandha tagħti lill-Istati Membri b'possibbiltà limitata li jeskludu mill-kontijiet tagħhom tas-settur tal-LULUCF l-emissjonijiet li jirriżultaw minn disturbi fl-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u l-ġestjoni tal-foresti li ma jkollhomx kontroll fuqhom permezz tal-użu ta' livelli u marġini ta' sfond skont id-Deċiżjoni 2/CMP.7. Madankollu, il-mod li bih l-Istati Membri japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet ma għandux iwassal għal sottokontabilizzazzjoni eċċessiva tal-emissjonijiet.

(19)

Ir-regoli tar-rapportar dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u dwar informazzjoni oħra rilevanti għat-tibdil fil-klima, inkluża l-informazzjoni dwar is-settur tal-LULUCF, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni (6), u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma' dawk ir-regoli ta' monitoraġġ u ta' rapportar fid-dawl tal-obbligi kontabilistiċi tagħhom stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

(20)

L-ikkompletar tal-kontijiet tal-LULUCF fuq bażi annwali tagħmel lil dawk il-kontijiet impreċiżi u inaffidabbli minħabba l-varjazzjonijiet minn sena għall-oħra fl-emissjonijiet u fl-assorbimenti, il-ħtieġa frekwenti li ċerta data rrapportata terġa' tiġi kkalkulata mill-ġdid u ż-żmien twil meħtieġ biex il-prattiki ta' ġestjoni mibdula fl-agrikoltura u fil-forestrija jkollhom effett fuq il-kwantità ta' karbonju maħżun fil-veġetazzjoni u fil-ħamrija. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tipprevedi kontabilità fuq bażi ta' perijodu itwal.

(21)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet tagħhom attwali u futuri għas-settur tal-LULUCF, u jistabbilixxu miżuri nazzjonali adatti biex jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet u biex iżommu jew iżidu l-assorbimenti mis-settur tal-LULUCF. Din l-informazzjoni għandha tinkludi ċerti elementi kif speċifikat f'din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, biex jiġu promossi l-aqwa prattiki u sinerġiji ma' politiki u miżuri oħrajn relatati mal-foresti u l-agrikoltura, għandha tiġi stabbilita f'Anness għal din id-Deċiżjoni lista indikattiva tal-miżuri li jistgħu jiġu inklużi wkoll fl-informazzjoni pprovduta. Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida biex ikun iffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni komparabbli.

(22)

Meta jkunu qed ifasslu jew jimplimentaw l-azzjonijiet tagħhom tal-LULUCF, l-Istati Membri jistgħu, fejn adatt, jeżaminaw jekk hemmx opportunitajiet biex jiġu promossi l-investimenti agrikoli.

(23)

Is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex taġġorna d-definizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni f'konformità mat-tibdil fid-definizzjonijiet adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom; biex jiġi emendat l-Anness I sabiex jiżdiedu jew jiġu emendati l-perijodi kontabilistiċi sabiex ikun żgurat li dawk il-perijodi jikkorrispondu mal-perijodi rilevanti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom, u huma konsistenti mal-perijodi kontabilistiċi adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom li huma applikabbli għall-impenji tal-Unjoni ta' tnaqqis f'emissjonijiet f'setturi oħrajn; biex temenda l-Anness II b'livelli referenzjali aġġornati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni; biex tirrevedi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness III skont it-tibdil fid-definizzjonijiet adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom; biex temenda l-Anness V skont it-tibdil fid-definizzjonijiet adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom; u biex tirrevedi r-rekwiżiti ta' informazzjoni relatati mar-regoli kontabilistiċi għal disturbi naturali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni biex jirriflettu r-reviżjonijiet għall-atti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, hija u tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, xierqa u fil-ħin tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(24)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli kontabilistiċi applikabbli għall-emissjonijiet u għall-assorbimenti li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-LULUCF u l-għoti ta' informazzjoni minn Stati Membri dwar l-azzjonijiet tal-LULUCF ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba n-natura tagħhom, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Meta tagħmel dan, l-Unjoni għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika dwar il-foresti. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli kontabilistiċi applikabbli għall-emissjonijiet u għall-assorbimenti ta' gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF), bħala l-ewwel pass lejn l-inklużjoni ta' dawk l-attivitajiet fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, fejn adatt. Hija tistipula l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet tagħhom għas-settur tal-LULUCF biex jiġu limitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet u biex jinżammu jew jiżdiedu l-assorbimenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“emissjonijiet” tfisser l-emissjonijiet antropoġeniċi ta' gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi;

(b)

“assorbimenti” tfisser l-assorbimenti antropoġeniċi ta' gassijiet serra mill-atmosfera mill-bjar;

(c)

“afforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni, li tirriżulta minn azzjoni diretta tal-bniedem, ta' art li ma kinitx foresta għal perijodu ta' mill-anqas 50 sena għal foresta permezz tat-taħwil, taż-żrigħ u/jew tal-promozzjoni, li tirriżulta minn azzjoni tal-bniedem, ta' sorsi naturali taż-żrieragħ, fejn il-konverżjoni tkun seħħet wara l-31 ta' Diċembru 1989;

(d)

“riforestazzjoni” tfisser kwalunkwe konverżjoni, li tirriżulta minn azzjoni diretta tal-bniedem, ta' art li mhijiex foresta għal foresta permezz tat-taħwil, taż-żrigħ u/jew tal-promozzjoni ta' sorsi naturali taż-żrieragħ, li tirriżulta minn azzjoni tal-bniedem, li hi limitata għal art li kienet foresta, iżda li mbagħad ma baqgħetx aktar foresta qabel l-1 ta' Jannar 1990, u li l-konverżjoni mill-ġdid tkun seħħet fil-perijodu wara l-31 ta' Diċembru 1989;

(e)

“deforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni, li tirriżulta minn azzjoni diretta tal-bniedem, ta' foresta għal art li mhijiex foresta, fejn il-konverżjoni tkun seħħet wara l-31 ta' Diċembru 1989;

(f)

“ġestjoni tal-foresti” tfisser kwalunkwe attività li tirriżulta minn sistema ta' prattiki applikabbli għal foresta li tinfluwenza l-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi jew soċjali tal-foresta;

(g)

“ġestjoni tar-raba'” tfisser kwalunkwe attività li tirriżulta minn sistema ta' prattiki applikabbli għall-art li fuqha jitkabbru l-uċuħ agrikoli u għal art li tkun twarrbet jew li temporanjament ma tkunx qed tintuża għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba';

(h)

“ġestjoni tal-imriegħi” tfisser kwalunkwe attività li tirriżulta minn sistema ta' prattiki applikabbli għall-art użata għat-trobbija tal-bhejjem u li jkollha l-għan li tikkontrolla jew li tinfluwenza l-kwantità u t-tip ta' veġetazzjoni prodotta u ta' bhejjem imrobbija;

(i)

“riveġetazzjoni” tfisser kwalunkwe attività li tirriżulta minn azzjoni diretta tal-bniedem maħsuba biex tiżdied il-ħażna tal-karbonju ta' kwalunkwe sit li jkopri żona minima ta' 0,05 ettari, permezz tal-proliferazzjoni tal-veġetazzjoni, fejn dik l-attività ma tkunx tikkostitwixxi afforestazzjoni jew riforestazzjoni;

(j)

“ħażna tal-karbonju” tfisser il-massa ta' karbonju maħżun f'raggruppament tal-karbonju;

(k)

“ixxottar u tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra” tfisser kwalunkwe attività li tirriżulta minn sistema għall-ixxottar jew għat-tixrib mill-ġdid ta' art li tkun ġiet ixxuttata u/jew imxarrba mill-ġdid wara l-31 ta' Diċembru 1989, li tkopri żona minima ta' ettaru (1) u li fuqha jkun hemm il-ħamrija organika, sakemm l-attività ma tkunx tikkostitwixxi attività oħra li l-kontijiet għaliha jitħejjew u jinżammu skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3), u fejn l-ixxottar ikun azzjoni diretta mill-bniedem li tirriżulta fit-tbaxxija tas-saff tal-ħamrija li taħtu l-art hi saturata bl-ilma, u t-tixrib mill-ġdid ikun azzjoni diretta mill-bniedem li tirriżulta f'inverżjoni parzjali jew totali tal-ixxottar;

(l)

“sors” tfisser kwalunkwe proċess, attività jew mekkaniżmu li jirrilaxxa gass serra, aerosol jew prekursur ta' gass serra fl-atmosfera;

(m)

“bir” tfisser kwalunkwe proċess, attività jew mekkaniżmu li jneħħi gass serra, aerosol jew prekursur ta' gass serra mill-atmosfera;

(n)

“raggruppament tal-karbonju” tfisser il-karatteristika jew is-sistema bijoġeokimika sħiħa jew parti minnha li fiha jinħażen il-karbonju, kwalunkwe prekursur ta' gass serra li fih il-karbonju jew kwalunkwe gass serra li fih il-karbonju;

(o)

“prekursur ta' gass serra” tfisser kompost kimiku li jieħu sehem fir-reazzjonijiet kimiċi li jipproduċu kwalunkwe wieħed mill-gassijiet serra elenkati fl-Artikolu 3(4);

(p)

“prodott tal-injam maħsud” tfisser kwalunkwe prodott tal-injam maħsud li ma jkunx għadu fis-sit fejn jiġi maħsud l-injam;

(q)

“foresta” tfisser żona ta' art definita mill-valuri minimi għad-daqs taż-żona, il-kopertura ta' qċaċet tas-siġar jew livell ekwivalenti ta' ħżin, u l-għoli potenzjali tas-siġar meta jimmaturaw fil-post fejn jikbru s-siġar, kif speċifikat għal kull Stat Membru fl-Anness V. Hija tinkludi żoni bis-siġar, inklużi gruppi ta' siġar naturali żgħar li jkunu qed jikbru, jew pjantaġġuni li għad iridu jilħqu l-valuri minimi għall-kopertura ta' qċaċet tas-siġar jew livell ekwivalenti ta' ħżin jew għoli tas-siġar minimu kif speċifikat fl-Anness V, inkluża kwalunkwe żona li normalment tkun tifforma parti miż-żona tal-foresta iżda li fuqha temporanjament ma jkun hemm l-ebda siġra b'riżultat ta' intervent tal-bniedem, bħall-ħsad, jew b'riżultat ta' kawżi naturali, iżda li tista' tkun mistennija terġa' ssir foresta;

(r)

“kopertura ta' qċaċet” tfisser il-proporzjon ta' żona fissa li jkun kopert mill-projezzjoni vertikali tal-perimetru ta' qċaċet tas-siġar, mogħti bħala perċentwal;

(s)

“densità relattiva” tfisser id-densità ta' siġar weqfin u li qed jikbru fuq art koperta b'foresta, imkejla skont metodoloġija stabbilita mill-Istat Membru;

(t)

“disturbi naturali” tfisser kwalunkwe avveniment mhux antropoġeniku jew ċirkostanza mhux antropoġenika li jikkawża/tikkawża emissjonijiet sinifikanti fil-foresti u li l-Istat Membru rilevanti ma jkollu l-ebda kontroll fuq l-okkorrenza tiegħu/tagħha, sakemm dak l-Istat Membru, b'mod oġġettiv ma jkunx jista' jillimita b'mod sinifikanti l-effett fuq l-emissjonijiet ta' dawk l-avvenimenti jew iċ-ċirkostanzi, anke wara li dawn jokkorru;

(u)

“livell bażi” tfisser il-medja ta' emissjonijiet ikkawżati minn disturbi naturali f'perijodu ta' żmien partikolari, esklużi l-livelli statistiċi barra l-limitu, ikkalkulati f'konformità mal-Artikolu 9(2);

(v)

“valur ta' nofs il-ħajja” tfisser l-għadd ta' snin li jridu jgħaddu biex il-kwantità ta' karbonju maħżuna f'kategorija waħda tal-prodotti tal-injam maħsud tonqos għal nofs il-valur inizjali tiegħu;

(w)

“ossidazzjoni istantanja” tfisser metodu tal-kontabilità li jassumi li r-rilaxx fl-atmosfera tal-kwantità sħiħa tal-karbonju maħżun fil-prodotti tal-injam maħsud iseħħ mal-ħsad;

(x)

“qtugħ ta' salvataġġ” tfisser kwalunkwe attività ta' ħsad li tikkonsisti fl-irkupru tal-injam, li jkun għadu jista' jintuża tal-anqas parzjalment, minn artijiet affettwati minn disturbi naturali.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 12 biex temenda d-definizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu biex tiżgura l-konsistenza bejn dawk id-definizzjonijiet u kull tibdil għal definizzjonijiet rilevanti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto, jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 12 biex temenda l-Anness V biex taġġorna l-valuri elenkati hemmhekk skont bidliet fid-definizzjonijiet fir-rigward tal-aspetti speċifikati fl-Anness V adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom.

Artikolu 3

Obbligu li jitħejjew u jinżammu kontijiet għas-settur tal-LULUCF

1.   Għal kull perijodu kontabilistiku speċifikat f'Anness I, l-Istati Membri għandhom iħejju u jżommu kontijiet li jirriflettu b'mod preċiż l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet fit-territorju tagħhom li jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-afforestazzjoni;

(b)

ir-riforestazzjoni;

(c)

id-deforestazzjoni;

(d)

il-ġestjoni tal-foresti.

2.   Għal perijodu kontabilistiku li jibda fl-1 ta' Jannar 2021, u wara, l-Istati Membri għandhom iħejju u jżommu kontijiet annwali li jirriflettu b'mod preċiż l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet fit-territorju tagħhom li jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

il-ġestjoni tar-raba';

(b)

il-ġestjoni tal-imriegħi.

Għal dawk li huma l-kontijiet annwali għall-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mill-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi, għas-sena kontabilistika mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020, għandu japplika dan li ġej:

(a)

mill-2016 sal-2018, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sal-15 ta' Marzu ta' kull sena dwar is-sistemi eżistenti u li qed jiġu żviluppati sabiex jiġu stmati l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar kif dawn is-sistemi jikkonformaw mal-metodoloġiji tal-IPCC u r-rekwiżiti ta' rapportar tal-UNFCCC dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-assorbimenti;

(b)

l-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta' Jannar 2022, jipprovdu u jissottomettu lill-Kummissjoni sal-15 ta' Marzu ta' kull sena stimi annwali inizjali, preliminari u mhux vinkolanti tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi bl-użu, fejn adatt, tal-metodoloġiji tal-IPCC. L-Istati Membri għandhom mill-inqas jużaw il-metodoloġija deskritta bħala Livell 1 kif speċifikat fil-linji gwida rilevanti tal-IPCC. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw dawn l-istimi biex jidentifikaw kategoriji ewlenin u jiżviluppaw metodoloġiji ewlenin tal-Livell 2 u l-Livell 3 speċifiċi għall-pajjiż għal stima robusta u preċiża tal-emissjonijiet u l-assorbimenti;

(c)

l-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Marzu 2022, jissottomettu l-istimi annwali finali tagħhom għall-kontabilizzazzjoni tal-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi;

(d)

stat membru jista' jitlob deroga sabiex itawwal id-data ta' skadenza msemmija fil-punt (c), fejn id-determinazzjoni tal-istimi finali għall-kontabilizzazzjoni tal-ġestjoni tar-raba' u l-ġestjoni tal-imriegħi ma tistax raġonevolment tinkiseb fit-tul ta' żmien stabbilit f'dan il-paragrafu minn tal-inqas għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(i)

il-kontabilità meħtieġa tista' tinkiseb biss f'fażijiet li jeċċedu it-tul ta' żmien, għar-raġunijiet ta' fattibilità teknika;

(ii)

it-tlestija tal-kontabilità f'dan it-tul ta' żmien ikun disproporzjonalment għoli.

L-Istati Membri li jixtiequ jibbenefikaw mid-deroga għandhom jippreżentaw talba motivata lill-Kummissjoni sal-15 ta' Jannar 2021.

Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li t-talba tkun ġustifikata, hi għandha tagħti d-deroga għal perijodu massimu ta' tliet snin kalendarji mill-15 ta' Marzu 2022. Alternattivament, hi għandha tirrifjuta t-talba, waqt li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' titlob li tingħata informazzjoni addizzjonali f'perijodu ta' żmien raġonevoli speċifiku.

It-talba għal deroga għandha titqies li tkun ingħatat fejn il-Kummissjoni ma tkun qajmet l-ebda oġġezzjoni fiż-żmien sitt xhur minn meta tkun irċeviet it-talba oriġinali tal-Istat Membru jew l-informazzjoni addizzjonali mitluba.

3.   Għal kull perijodu ta' kontabilità speċifikat fl-Anness I, l-Istati Membri jistgħu jħejju u jżommu wkoll kontijiet li jirriflettu b'mod preċiż l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mir-riveġetazzjoni u mill-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra.

4.   Il-kontijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikopru l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li ġejjin:

(a)

id-diossidu tal-karbonju (CO2);

(b)

il-metan (CH4);

(c)

l-ossidu nitruż (N2O).

5.   L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-kontijiet tagħhom attività partikolari msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3, fejn il-kontijiet tħejjew u nżammu f'konformità ma' din id-Deċiżjoni, mill-bidu nett tal-attività jew mill-1 ta' Jannar 2013, skont liema minnhom tokkorri l-aktar tard.

Artikolu 4

Regoli ġenerali tal-kontabilità

1.   Fil-kontijiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3), l-Istati Membri għandhom jimmarkaw l-emissjonijiet b'sinjal pożittiv (+) u l-assorbimenti b'sinjal negattiv (–).

2.   Fit-tħejjija u ż-żamma tal-kontijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-preċiżjoni, il-kompletezza, il-konsistenza, il-komparabilità u t-trasparenza tal-informazzjoni rilevanti fl-istima tal-emissjonijiet u l-assorbimenti relatati mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3).

3.   L-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw minn kwalunkwe attività li taqa' f'aktar minn kategorija 'waħda msemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) għandhom jiġu kkontabilizzati taħt kategorija waħda biss biex tiġi evitata kontabilizzazjzoni doppja.

4.   Abbażi ta' data trasparenti u verifikabbli, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw iż-żoni tal-art li fuqhom titwettaq attività li taqa' f'kategorija msemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3). Huma għandhom jiżguraw li ż-żoni tal-art kollha ta' dan it-tip ikunu identifikabbli fil-kont għall-kategorija rispettiva.

5.   L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-kontijiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) kwalunkwe bidla fil-ħażna tal-karbonju tar-raggruppamenti tal-karbonju li ġejjin:

(a)

il-bijomassa tal-wiċċ;

(b)

il-bijomassa ta' taħt l-art;

(c)

iż-żibel;

(d)

l-injam mejjet;

(e)

il-karbonju organiku fil-ħamrija;

(f)

il-prodotti tal-injam maħsud.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jinkludux fil-kontijiet tagħhom bidliet fil-ħażniet tal-karbonju għar-raggruppamenti tal-karbonju elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu meta r-raggruppament tal-karbonju ma jkunx sors. L-Istati Membri għandhom iqisu li raggruppament tal-karbonju ma jkunx sors, biss meta dan jintwera abbażi ta' data trasparenti u verifikabbli.

6.   L-Istati Membri għandhom jagħlqu l-kontijiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) fi tmiem kull perijodu tal-kontabilità elenkat fl-Anness I billi jispeċifikaw f'dawk il-kontijiet il-bilanċ tal-emissjonijiet totali netti u l-assorbimenti matul il-perijodu rilevanti tal-kontabilità.

7.   L-Istati Membri għandhom iżommu reġistru komplut u preċiż tad-data kollha użata biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Deċiżjoni tal-anqas sakemm din id-Deċiżjoni tkun fis-seħħ.

8.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex temenda l-Anness I sabiex iżżid jew temenda l-perijodi kontabilistiċi sabiex ikun żgurat li huma jikkorrispondu mal-perijodi rilevanti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom, u huma konsistenti mal-perijodi kontabilistiċi adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom li huma applikabbli għall-impenji tal-Unjoni ta' tnaqqis f'emissjonijiet f'setturi oħrajn.

Artikolu 5

Regoli tal-kontabilità għall-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u d-deforestazzjoni

1.   Fil-kontijiet relatati mal-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirriflettu l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw biss minn tali attivitajiet li jseħħu fuq dawk l-artijiet li ma kinux foresta fil-31 ta' Diċembru 1989. L-Istati Membri jistgħu jirriflettu l-emissjonijiet mill-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni f'kont wieħed.

2.   L-Istati Membri għandhom jirriflettu fil-kontijiet netti tagħhom l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni u d-deforestazzjoni, bħala l-emissjonijiet u l-assorbimenti totali għal kull waħda mis-snin fil-perijodu kontabilistiku rilevanti, abbażi ta' data trasparenti u verifikabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu kontijiet għall-emissjonijiet u l-assorbimenti dwar l-artijiet li ġew identifikati fil-kontijiet skont l-Artikolu 4(4) taħt il-kategorija ta' attività ta' afforestazzjoni, ta' riforestazzjoni jew ta' deforestazzjoni anke meta attività ta' dan it-tip ma tkunx għadha qed titwettaq fuq dik l-art.

4.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina ż-żona tal-foresta billi juża l-istess unità ta' valutazzjoni spazjali kif speċifikat fl-Anness V fil-kalkoli għall-attivitajiet ta' afforestazzjoni, riforestazzjoni u deforestazzjoni.

Artikolu 6

Regoli tal-kontabilità għall-ġestjoni tal-foresti

1.   L-Istati Membri għandhom jikkontabilizzaw l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti, ikkalkulati bħala emissjonijiet u assorbimenti f'kull perijodu kontabilistiku speċifikat fl-Anness I, li minnhom jitnaqqas il-valur miksub mill-multiplikazzjoni tal-għadd ta' snin f'dak il-perijodu kontabilistiku bil-livell ta' referenza tagħhom speċifikat fl-Anness II.

2.   Meta r-riżultat tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu 1 għal perijodu kontabilistiku partikolari jkun negattiv, l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-kontijiet tal-ġestjoni tal-foresti tagħhom l-emissjonijiet u l-assorbimenti totali li ma jaqbżux l-ekwivalenti ta' 3,5 % tal-emissjonijiet ta' Stat Membru fis-sena bażi jew perijodu tiegħu kif speċifikat fl-Anness VI, kif sottomessi lill-UNFCCC fir-rapport korrispondenti ta' dak l-Istat Membru adottat skont id-deċiżjonijiet CMP rilevanti fuq is-sena bażi jew perijodu bażi għat-tieni perijodu ta' impenn taħt il-Protokoll ta' Kjoto, minbarra l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3), immultiplikati bl-għadd ta' snin f'dak il-perijodu kontabilistiku.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi tal-kalkolu li japplikaw għall-kontijiet tagħhom għall-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti jkunu konformi mal-Appendiċi II tad-Deċiżjoni 2/CMP.6 u huma konsistenti mal-metodi tal-kalkolu applikati għall-kalkolu tal-livelli ta' referenza tagħhom speċifikati fl-Anness II fir-rigward tal-anqas tal-aspetti li ġejjin:

(a)

ir-raggruppamenti tal-karbonju u l-gassijiet serra;

(b)

iż-żona soġġetta għal ġestjoni tal-foresti;

(c)

il-prodotti tal-injam maħsud;

(d)

id-disturbi naturali.

4.   Mhux aktar tard minn sena qabel ma jintemm kull perijodu kontabilistiku, l-Istati Membri għandhom jikkomumikaw lill-Kummissjoni l-livelli ta' referenza riveduti. Dawn il-livelli ta' referenza għandhom ikunu identiċi għal dawk stabbiliti permezz ta' atti approvati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew, fin-nuqqas ta' tali atti, għandhom ikunu kkalkulati skont il-proċessi u l-metodoloġiji stabbiliti f'deċiżjonijiet rilevanti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li ġew warajhom.

5.   Jekk ikun hemm xi bidliet fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjonijiet 2/CMP.6 jew 2/CMP.7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-livelli ta' referenza riveduti li jirriflettu dawk il-bidliet sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dawk il-bidliet.

6.   Jekk metodoloġiji mtejba relatati mad-data użata għall-istabbiliment ta' livell ta' referenza speċifikat fl-Anness II, isiru disponibbli għal Stat Membru, jew fejn ikun hemm titjib sinifikanti fil-kwalità tad-data li Stat Membru jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq il-korrezzjonijiet tekniċi adatti biex jinkludi l-impatt tal-kalkoli mill-ġdid fil-kontijiet għall-ġestjoni tal-foresti. Dawk il-korrezzjonijiet tekniċi għandhom ikunu identiċi għal kwalunkwe tali korrezzjoni approvata fil-qafas tal-proċess ta' rieżami tal-UNFCCC, b'konformità mad-deċiżjoni 2/CMP.7. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika dawk il-korrezzjonijiet lill-Kummissjoni l-aktar tard bħala parti mis-sottomissjoni tiegħu skont l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

7.   Għall-finijiet tal-paragrafi 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-ammont ta' emissjonijiet annwali li jirriżultaw minn disturbi naturali li jkunu ġew inklużi fil-livelli ta' referenza riveduti tagħhom u l-mod li bih ikunu stmaw dak l-ammont.

8.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-informazzjoni dwar il-livelli ta' referenza riveduti msemmija fil-paragrafi 4 u 5 u l-korrezzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafu 6 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-informazzjoni mibgħuta lill-UNFCCC u l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

9.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 12 biex taġġorna l-livelli ta' referenza mogħtija fl-Anness II fejn Stat Membru jimmodifika l-livell ta' referenza tiegħu skont il-paragrafi 4 u 5 u dan jiġi approvat permezz tal-proċessi tal-UNFCCC.

10.   L-Istati Membri għandhom jirriflettu fil-kontijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-foresti l-impatt ta' kwalunkwe emenda għall-Anness II fir-rigward tal-perijodu kontabilistiku kkonċernat kollu.

Artikolu 7

Regoli tal-kontabilità għall-prodotti tal-injam maħsud

1.   Kull Stat Membru għandu jirrifletti fil-kontijiet tiegħu f'konformità mal-Artikolu 3(1), (2) u (3) l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw minn bidliet fir-raggruppament ta' prodotti tal-injam maħsud, inklużi l-emissjonijiet mill-prodotti tal-injam maħsud imneħħija mill-foresti tiegħu qabel l-1 ta' Jannar 2013. L-emissjonijiet minn prodotti tal-injam maħsud diġà kontabilizzati skont il-Protokoll ta' Kjoto matul il-perijodu mill-2008 sal-2012 abbażi ta' ossidazzjoni istantanja għandhom jiġu esklużi.

2.   Fil-kontijiet skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3) relatati mal-prodotti tal-injam maħsud, l-Istati Membri għandhom jirriflettu l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mill-bidliet fir-raggruppament ta' prodotti tal-injam maħsud li jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin bl-użu tal-funzjoni ta' diżintegrazzjoni tal-ewwel grad u skont il-valuri standard ta' nofs il-ħajja speċifikati fl-Anness III:

(a)

il-karta;

(b)

il-panewijiet tal-injam;

(c)

l-injam issegat.

L-Istati Membri jistgħu jissupplimentaw lil dawk il-kategoriji b'informazzjoni dwar il-qxur tas-siġar, dment li d-data disponibbli tkun trasparenti u verifikabbli. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll subkategoriji speċifiċi għall-pajjiż ta' kwalunkwe kategorija minn dawn. L-Istati Membri jistgħu jużaw metodoloġiji u valuri ta' nofs il-ħajja speċifiċi għall-pajjiż minflok il-metodoloġiji u l-valuri standard ta' nofs il-ħajja speċifikati fl-Anness III, sakemm dawk il-metodoloġiji u l-valuri jiġu ddeterminati abbażi ta' data trasparenti u verifikabbli u li l-metodi użati jkunu tal-anqas dettaljati u preċiżi daqs dawk speċifikati fl-Anness III.

Għal prodotti tal-injam maħsud esportati, id-data speċifika għall-pajjiż tirreferi għall-valuri ta' nofs il-ħajja speċifiċi għall-pajjiż u l-użu ta' prodotti tal-injam maħsud fil-pajjiż li qed jimportahom.

L-Istati Membri m'għandhomx jużaw valuri ta' nofs il-ħajja speċifiċi għall-pajjiż għal prodotti tal-injam maħsud imqiegħda fis-suq tal-Unjoni li jiddevjaw fil-kontijiet tagħhom minn dawk użati mill-Istat Membru li jimporta skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3).

Prodotti tal-injam maħsud li jirriżultaw mid-deforestazzjoni għandhom jiġu kontabilizzati abbażi ta' ossidazzjoni istantanja.

3.   Meta l-Istati Membri jirriflettu fil-kontijiet tagħhom skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3) l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-prodotti tal-injam maħsud f'siti tar-rimi tal-iskart solidu, il-kontijiet għandhom isiru abbażi ta' ossidazzjoni istantanja.

4.   Meta l-Istati Membri jirriflettu fil-kontijiet tagħhom l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-prodotti tal-injam maħsud li jkunu nħasdu għall-finijiet tal-enerġija, huma għandhom jagħmlu dan ukoll abbażi ta' ossidazzjoni istantanja.

L-Istati Membri jistgħu, għal finijiet ta' informazzjoni biss, jipprovdu fis-sottomissjoni tagħhom data dwar is-sehem tal-injam għal skopijiet ta' enerġija li kien importat minn barra l-Unjoni, u l-pajjiżi ta' oriġini ta' tali injam.

5.   Il-prodotti importati tal-injam maħsud, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, m'għandhomx jiġu kkunsidrati mill-Istat Membru li jkun qed jimportahom. L-Istati Membri għandhom għalhekk jirriflettu l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-prodotti tal-injam maħsud biss meta dawk l-emissjonijiet u l-assorbimenti jirriżultaw minn prodotti tal-injam maħsud imneħħija mill-artijiet inklużi fil-kontijiet tagħhom skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3).

6.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 12 biex tirrevedi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness III sabiex jiġu riflessi fl-atti l-bidliet adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto jew ta' ftehimiet derivati minnhom jew li saru warajhom.

Artikolu 8

Regoli tal-kontabilità għall-ġestjoni tar-raba', għall-ġestjoni tal-imriegħi, għar-riveġetazzjoni u għall-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra

1.   Fil-kontijiet relatati mal-ġestjoni tar-raba' u mal-ġestjoni tal-imriegħi, kull Stat Membru għandu jikkontabilizza l-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet, ikkalkulati bħala emissjonijiet u assorbimenti f'kull perijodu tal-kontabilità speċifikat fl-Anness I, li minnhom jitnaqqas il-valur miksub mill-multiplikazzjoni tal-għadd ta' snin f'dak il-perijodu tal-kontabilità bl-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' dak l-Istat Membru li rriżultaw minn dawk l-attivitajiet fis-sena ta' referenza tiegħu, kif speċifikat fl-Anness VI.

2.   Meta Stat Membru jagħżel li jħejji u jżomm kontijiet għar-riveġetazzjoni u/jew għall-ixxottar u t-tixrib mill-ġdid tal-art mistagħdra, għandu japplika l-metodu tal-kalkolu speċifikat fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Regoli tal-kontabilità għal disturbi naturali

1.   Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5 ta' dan l-Artikolu jintlaħqu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-emissjonijiet mhux antropoġeniċi ta' gassijiet serra minn sorsi li jirriżultaw minn disturbi naturali mill-kalkoli rilevanti għall-obbligi tal-kontabilità tagħhom skont il-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 3(1).

2.   Meta l-Istati Membri japplikaw il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, huma għandhom jikkalkulaw, skont il-metodoloġija speċifikata fl-Anness VII, livell bażi għal kull waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 3(1). Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(1) għandu jkollhom livell bażi komuni. B'mod alternattiv, l-Istati Membri jistgħu japplikaw metodoloġija trasparenti u komparabbli speċifika għall-pajjiż, bl-użu ta' serje temporali konsistenti u inizjalment kompluta ta' data, inkluż għall-perijodu mill-1990 sal-2009.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kontijiet tagħhom tas-settur tal-LULUCF, jew kull sena jew fit-tmiem tal-perijodu kontabilistiku rispettiv, l-emissjonijiet mhux antropoġeniċi ta' gassijiet serra minn sorsi li jaqbżu l-livell bażi kif ikkalkulat skont il-paragrafu 2 fejn:

(a)

l-emissjonijiet f'sena partikolari tal-perijodu kontabilistiku li jaqbżu l-livell bażi flimkien ma' marġini. Fejn il-livell bażi jiġi kkalkulat skont il-metodu speċifikat fl-Anness VII, dak il-marġini għandu jkun daqs id-doppju tad-devjazzjoni standard tas-serje temporali użata biex jiġi kkalkulat il-livell bażi. Fejn il-livell bażi jiġi kkalkulat bl-użu tal-metodoloġija speċifika għall-pajjiż, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-mod li bih il-marġini jkun ġie stabbilit, f'każijiet fejn tali marġini jkun meħtieġ. Kwalunkwe metodoloġija użata għandha tevita l-istennija ta' krediti netti matul il-perijodu kontabilistiku;

(b)

ir-rekwiżiti ta' informazzjoni fil-paragrafu 5 jiġu ssodisfati u rrappurtati mill-Istati Membri;

4.   Kull Stat Membru li jeskludi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mhux antipoġeniċi minn sorsi minn disturbi naturali f'sena partikolari tal-perijodu kontabilistiku għandu:

(a)

jeskludi mill-kontabilizzazzjoni għall-bqija tal-perijodu kontabilistiku l-assorbimenti kollha sussegwenti fuq l-artijiet affettwati minn disturbi naturali u li fuqhom seħħew l-emissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3;

(b)

ma jeskludix l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' ħsad u qtugħ ta' salvataġġ li twettqu fuq dawk l-artijiet wara l-okkorrenza tad-disturbi naturali;

(c)

ma jeskludux emissjonijiet li jirriżultaw minn ħruq preskritt li jkun seħħ fuq dawk l-artijiet f'dik is-sena partikolari tal-perijodu kontabilistiku;

(d)

ma jeskludix emissjonijiet fuq artijiet li kienu soġġetti għal deforestazzjoni wara l-okkorrenza ta' disturbi naturali.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-emissjonijiet mhux antropoġeniċi ta' gassijiet serra minn sorsi minn disturbi naturali biss jekk jipprovdu informazzjoni trasparenti li turi:

(a)

li ż-żoni tal-artijiet kollha affettwati minn disturbi naturali f'dik is-sena partikolari ta' rappurtar ġew identifikati, inklużi ż-żona ġeografika tagħhom, it-tipi ta' disturbi naturali, u s-sena meta dawn ikunu seħħew;

(b)

li ebda deforestazzjoni ma tkun seħħet matul il-bqija tal-perijodu kontabilistiku rispettiv fuq artijiet li kienu affettwati minn disturbi naturali u li fir-rigward tagħhom l-emissjonijiet ġew esklużi mill-kontabilizzazzjoni;

(c)

liema metodi u kriterji verifikabbli ser jintużaw biex tiġi identifikata d-deforestazzjoni fuq dawk l-artijiet fis-snin sussegwenti tal-perijodu kontabilistiku;

(d)

fejn prattikabbli, liema miżuri ħa l-Istat Membru biex jimmaniġġja jew jikkontrolla l-impatt ta' dawk id-disturbi naturali;

(e)

fejn possibbli, liema miżuri ħa l-Istat Membru biex jirriabilita l-artijiet affettwati minn dawk id-disturbi naturali.

6.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 12 biex tirrevedi r-rekwiżiti ta' informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu sabiex dawn ikunu jirriflettu r-reviżjonijiet għall-atti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-LULUCF

1.   Sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara l-bidu ta' kull perijodu kontabilistiku speċifikat fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom ifasslu u jittrażmettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-azzjonijiet tagħhom attwali u futuri għas-settur tal-LULUCF biex jillimitaw jew inaqqsu l-emissjonijiet u jżommu jew iżidu l-assorbimenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3) ta' din id-Deċiżjoni, bħala dokument separat jew bħala parti identifikabbli b'mod ċar tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013, jew ta' strateġiji jew pjanijiet nazzjonali oħra relatati mas-settur tal-LULUCF. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi kkonsultata firxa wiesgħa ta' partijiet interessati. Fejn Stat Membru jissottometti tali informazzjoni bħala parti mill-istrateġiji ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013, għandha tapplika l-iskeda taż-żmien rilevanti speċifikata f'dak ir-Regolament.

L-informazzjoni dwar l-azzjonijiet għas-settur tal-LULUCF għandhom ikopru l-perijodu kontabilistiku rilevanti kollu speċifikat fl-Anness I.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkludu fl-informazzjoni tagħhom dwar l-azzjonijiet għas-settur tal-LULUCF, bħala minimu, l-informazzjoni li ġejja b'rabta ma' kull waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), (2) u (3):

(a)

deskrizzjoni tax-xejriet passati tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti inklużi, fejn possibbli, ix-xejriet storiċi, sat-tali punt li dawk jistgħu jiġu rikostruiti b'mod raġonevoli;

(b)

proġettazzjonijiet dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti għall-perijodu kontabilistiku;

(c)

analiżi tal-potenzjal li jiġu limitati jew li jitnaqqsu l-emissjonijiet u li jinżammu jew jiżdiedu l-assorbimenti;

(d)

lista tal-miżuri l-aktar adatti biex jittieħed kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali, inklużi, kif ikun xieraq, iżda mhux limitat għall-miżuri indikattivi speċifikati fl-Anness IV, li l-Istat Membru qed jippjana jew li għandhom jiġu implimentati sabiex jintlaħaq il-potenzjal għall-mitigazzjoni, fejn dan ikun ġie identifikat skont l-analiżi msemmija fil-punt (c);

(e)

politiki eżistenti u ppjanati biex jiġu implimentati l-miżuri msemmija fil-punt (d), inkluż deskrizzjoni kwantitattiva jew kwalitattiva tal-effetti li dawk il-miżuri mistennija jkollhom fuq l-emissjonijiet u l-assorbimenti, filwaqt li jittieħed kont tal-politiki u miżuri oħra relatati mas-settur tal-LULUCF;

(f)

skedi taż-żmien indikattivi għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt (d).

3.   Il-Kummissjoni tista' tipprovdi gwida u assistenza teknika lill-Istati Membri biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni.

Il-Kummissjoni tista', f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, tissintesizza s-sejbiet tagħha mill-informazzjoni tal-Istati Membri kollha dwar l-azzjonijiet għas-settur tal-LULUCF bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' għarfien u l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sa data f'nofs kull perijodu kontabilistiku, u sa tmiem kull perijodu kontabilistiku speċifikat fl-Anness I, rapport li jiddeskrivi l-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom għas-settur tal-LULUCF.

Il-Kummissjoni tista' tippubblika rapport ta' sintesi abbażi tar-rapporti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet tagħhom għas-settur tal-LULUCF u r-rapporti msemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien tliet xhur minn meta jissottomettuhom lill-Kummissjoni.

Artikolu 11

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi r-regoli kontabilistiċi f'din id-Deċiżjoni f'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti adottati mill-korpi tal-UNFCCC jew tal-Protokoll ta' Kjoto, jew liġi oħra tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta' tali deċiżjonijiet, sat-30 ta' Ġunju 2017, u tissottometti, jekk adatt, proposta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 12

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 2(2), 2(3), 4(8), 6(9), 7(6) u 9(6) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' tmien snin minn 8 ta’ Lulju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta' tmien snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded taċitament għal perijodi ta' durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 2(2), 2(3), 4(8), 6(9), 7(6) u 9(6) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f'dik id-Deċiżjoni partikolari. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 2(2), 2(3), 4(8), 6(9), 7(6) u 9(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 85.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2013 …(għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013.

(3)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

(4)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).

(6)  Ara paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

IL-PERIJODI TAL-KONTABILITÀ MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(1)

Il-perijodu tal-kontabilità

Il-perijodu tal-kontabilità

L-ewwel perijodu tal-kontabilità

Mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020


ANNESS II

IL-LIVELLI TA' REFERENZA TAL-ISTATI MEMBRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6

Stat Membru

Ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju (CO2) fis-sena

Il-Belġju

-2 499

Il-Bulgarija

-7 950

Ir-Repubblika Ċeka

-4 686

Id-Danimarka

409

Il-Ġermanja

-22 418

L-Estonja

-2 741

L-Irlanda

- 142

Il-Greċja

-1 830

Spanja

-23 100

Franza

-67 410

L-Italja

-22 166

Ċipru

- 157

Il-Latvja

-16 302

Il-Litwanja

-4 552

Il-Lussemburgu

- 418

L-Ungerija

-1 000

Malta

-49

Il-Pajjiżi l-Baxxi

-1 425

L-Awstrija

-6 516

Il-Polonja

-27 133

Il-Portugall

-6 830

Ir-Rumanija

-15 793

Is-Slovenja

-3 171

Is-Slovakkja

-1 084

Il-Finlandja

-20 466

L-Isvezja

-41 336

Ir-Renju Unit

-8 268


ANNESS III

IL-FUNZJONI TA' DIŻINTEGRAZZJONI TAL-EWWEL GRAD U L-VALURI STANDARD TA' NOFS IL-ĦAJJA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 7

Funzjoni ta' diżintegrazzjoni tal-ewwel grad li tibda b'i = 1900 u tkompli sas-sena attwali:

(A)

Formula

with C(1900) = 0.0

(B)

Formula

fejn:

i= sena

C(i)= il-ħażna tal-karbonju tar-raggruppament tal-prodotti tal-injam maħsud fil-bidu tas-sena i, Gg C

k= il-valur kostanti tad-diżintegrazzjoni tal-ewwel grad, mogħti f'unitajiet ta' sena-1 (Formula, fejn HL hija nofs il-ħajja tar-raggruppament tal-prodotti tal-injam maħsud, mogħti fi snin.)

Inflow(i)= l-influss fir-raggruppament tal-prodotti tal-injam maħsud matul is-sena i, Gg C sena-1

ΔC(i)= it-tibdil fil-ħażna tal-karbonju tar-raggruppament tal-prodotti tal-injam maħsud matul is-sena i, Gg sena-1.

Valuri standard ta' nofs il-ħajja (HL):

 

sentejn għall-karta;

 

25 sena għall-panewijiet tal-injam;

 

35 sena għall-injam issegat.


ANNESS IV

MIŻURI INDIKATTIVI LI JISTGĦU JIĠU INKLUŻI FL-INFORMAZZJONI DWAR L-AZZJONIJIET GĦAS-SETTUR TAL-LULUCF IPPREŻENTATI SKONT L-ARTIKOLU 10(2)(d)

(a)

Miżuri relatati mal-ġestjoni tar-raba', bħal dawn li ġejjin:

it-titjib tal-prattiki agronomiċi permezz ta' għażla aħjar tal-varjetajiet tal-uċuħ,

l-estensjoni tat-tinwib tal-uċuħ u l-evitar jew it-tnaqqis tal-użu ta' art mistrieħa għerja,

it-titjib fil-ġestjoni tan-nutrijenti, fil-ġestjoni tal-ħdim tar-raba' jew tar-residwi u fil-ġestjoni tal-ilma,

l-istimulazzjoni ta' prattiki tal-agrikoltura u tal-forestrija u tal-potenzjal għal tibdil fil-kopertura jew fl-użu tal-art.

(b)

Miżuri relatati mal-ġestjoni u t-titjib tal-imriegħi, bħal dawn li ġejjin:

il-prevenzjoni tal-konverżjoni tal-bwar f'raba' u tat-tkabbir mill-ġdid tal-veġetazzjoni oriġinali fir-raba' maħdum,

it-titjib fil-ġestjoni tal-imriegħi bl-inklużjoni ta' bidliet fl-intensità u fil-ħinijiet tar-rigħi,

żieda fil-produttività,

it-titjib fil-ġestjoni tan-nutrijenti,

it-titjib fil-ġestjoni tan-nirien,

l-introduzzjoni ta' speċijiet aktar adattati u b'mod partikolari ta' speċijiet li jrabbu għeruq fil-fond.

(c)

Miżuri għat-titjib tal-ġestjoni tal-ħamrija organika agrikola, u b'mod partikolari tat-torbieri, bħal dawn li ġejjin:

l-għoti ta' inċentivi li jiffavorixxu prattiki sostenibbli tal-kultivazzjoni tal-għadajjar,

l-għoti ta' inċentivi li jiffavorixxu prattiki agrikoli adattati, bħall-minimizzazzjoni tad-disturbi tal-ħamrija jew ta' prattiki estensivi.

(d)

Miżuri għall-prevenzjoni tal-ixxottar tal-artijiet mistagħdra u għall-għoti ta' inċentivi favur it-tixrib mill-ġdid ta' dawn l-artijiet.

(e)

Miżuri relatati ma' torbieri umdi eżistenti jew ma' torbieri umdi parzjalment ixxottati, bħal dawn li ġejjin:

il-prevenzjoni ta' aktar ixxottar,

l-għoti ta' inċentivi favur it-tixrib mill-ġdid tat-torbieri umdi u r-restawr tagħhom,

il-prevenzjoni ta' nirien tat-torbieri umdi tal-wiċċ.

(f)

Ir-restawr tal-artijiet iddegradati.

(g)

Miżuri relatati mal-attivitajiet tal-forestrija, bħal dawn li ġejjin:

l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni,

il-konservazzjoni tal-karbonju f'foresti eżistenti,

it-tisħiħ tal-produzzjoni f'foresti eżistenti,

iż-żieda fir-raggruppament tal-prodotti tal-injam maħsud,

it-titjib tal-ġestjoni tal-foresti, fosthom permezz tal-kompożizzjoni ottimizzata tal-ispeċijiet, tal-indukrar tas-siġar u tal-qtugħ li jnaqqas l-ammont ta' siġar u tal-konservazzjoni tal-ħamrija.

(h)

Il-prevenzjoni tad-deforestazzjoni.

(i)

It-tisħiħ tal-protezzjoni kontra disturbi naturali bħan-nirien, l-organiżmi ta' ħsara u l-maltempati.

(j)

Miżuri biex materjali u ħażniet li jiġġeneraw gassijiet serra b'mod intensiv u li jikkonsmaw l-enerġija jiġu sostitwiti bi prodotti tal-injam maħsud.


ANNESS V

VALURI MINIMI GĦAD-DAQS TAŻ-ŻONA, IL-QĊAĊET TAS-SIĠAR U L-GĦOLI TAS-SIĠAR KIF SPEĊIFIKAT MILL-ISTAT MEMBRU GĦAD-DEFINIZZJONI TAL-FORESTA

Stat Membru

Żona (ha)

Kopertura ta' qċaċet(%)

Għoli tas-siġar (m)

Il-Belġju

0,5

20

5

Il-Bulgarija

0,1

10

5

Ir-Repubblika Ċeka

0,05

30

2

Id-Danimarka

0,5

10

5

Il-Ġermanja

0,1

10

5

L-Estonja

0,5

30

2

L-Irlanda

0,1

20

5

Il-Greċja

0,3

25

2

Spanja

1,0

20

3

Franza

0,5

10

5

L-Italja

0,5

10

5

Ċipru

 

 

 

Il-Latvja

0,1

20

5

Il-Litwanja

0,1

30

5

Il-Lussemburgu

0,5

10

5

L-Ungerija

0,5

30

5

Malta

 

 

 

Il-Pajjiżi l-Baxxi

0,5

20

5

L-Awstrija

0,05

30

2

Il-Polonja

0,1

10

2

Il-Portugall

1,0

10

5

Ir-Rumanija

0,25

10

5

Is-Slovenja

0,25

30

2

Is-Slovakkja

0,3

20

5

Il-Finlandja

0,5

10

5

L-Isvezja

0,5

10

5

Ir-Renju Unit

0,1

20

2


ANNESS VI

SENA JEW PERIJODU BAŻI

Stat Membru

Sena Bażi

Il-Belġju

1990

Il-Bulgarija

1988

Ir-Repubblika Ċeka

1990

Id-Danimarka

1990

Il-Ġermanja

1990

L-Estonja

1990

L-Irlanda

1990

Il-Greċja

1990

Spanja

1990

Franza

1990

L-Italja

1990

Ċipru

 

Il-Latvja

1990

Il-Litwanja

1990

Il-Lussemburgu

1990

L-Ungerija

1985-87

Malta

 

Il-Pajjiżi l-Baxxi

1990

L-Awstrija

1990

Il-Polonja

1988

Il-Portugall

1990

Ir-Rumanija

1989

Is-Slovenja

1986

Is-Slovakkja

1990

Il-Finlandja

1990

L-Isvezja

1990

Ir-Renju Unit

1990


ANNESS VII

KALKOLU TAL-LIVELL BAŻI TA' DISTURBI NATURALI

1.

Għall-kalkolu tal-livell bażi l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-livelli storiċi ta' emissjonijiet ikkawżati minn disturbi naturali. Billi jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jipprovdu informazzjoni dwar it-tip(i) ta' disturbi naturali inklużi fl-istima;

(b)

jinkludu stimi tat-total ta' emissjonijiet annwali għal dawk it-tipi ta' disturbi naturali għall-perijodu 1990-2009, elenkati mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

juru li l-konsistenza fis-serje temporali hija ggarantita fil-paramentri rilevanti kollha, inklużi ż-żona minima, il-metodoloġiji għall-istima tal-emissjonijiet, il-koperturi ta' raggruppamenti u gassijiet.

2.

Il-livell bażi għandu jiġi kkalkulat għal dawk l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3( 1), fejn l-Istat Membru jkun biħsiebu japplika d-dispożizzjonijiet dwar id-Disturbi Naturali, bħala l-medja tas-serje temporali 1990-2009 esklużi s-snin kollha fejn livelli anormali ta' emissjonijiet ikunu rreġistrati, jiġifieri esklużi l-livelli statistiċi kollha barra l-limitu. L-identifikazzjoni ta' livelli statistiċi barra l-limitu għandha ssir wara proċess iterattiv deskritt kif ġej:

(a)

ikkalkula l-valur aritmetiku medju u d-devjazzjoni standard tas-serje temporali kollha 1990-2009;

(b)

eskludi mis-serje temporali s-snin kollha fejn l-emissjonijiet annwali jkunu barra mid-doppju tad-devjazzjoni standard madwar il-medja;

(c)

ikkalkula mill-ġdid il-valur aritmetiku medju u d-devjazzjoni standard tas-serje temporali 1990-2009 u naqqas is-snin esklużi f'(b);

(d)

irrepeti (b) u (c) sakemm ma jiġi identifikat ebda livell barra l-limitu.


Top