EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0311

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 311/2013 tat- 3 ta’ April 2013 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010 fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet tas-silikon konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li jorigina fit-Tajwan kif ukoll jekk le

OJ L 95, 5.4.2013, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 124 P. 288 - 294

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/311/oj

5.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 311/2013

tat-3 ta’ April 2013

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010 fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet tas-silikon konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li jorigina fit-Tajwan kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010 (2) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 19 % fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) għall-kumpaniji l-oħra kollha barra minn dik imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament, wara analiżi tal-iskadenza u analiżi interim parzjali tal-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 398/2004 (3). Ir-Regolament oriġinali żamm ukoll id-dazju li kien estiż bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 42/2007 (4) għal importazzjonijiet tas-silikon ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le. Il-miżuri imposti mir-Regolament oriġinali minn hawn ’il quddiem jissejħu “il-miżuri fis-seħħ” jew “il-miżuri oriġinali” u l-investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn hawn ’il quddiem tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

1.2.   Talba

(2)

Fil-15 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba taħt l-Artikoli 13(3) u 14(3) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ elużjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-RPĊ u biex tagħmel l-importazzjonijiet tas-silikon konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk ikun dikjarat li joriġina fit-Tajwan kif ukoll jekk le, soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(3)

It-talba ġiet ippreżentata mill-Euroalliages (Kumitat ta’ Komunikazzjoni u Kooperazzjoni tal-Industrija tal-Liga) (“l-applikant”) f’isem il-prodotturi li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni tas-silikon fl-Unjoni.

(4)

L-applikant saħaq li ma hemmx produzzjoni ġenwina ta’ silikon fit-Tajwan u t-talba kien fiha biżżejjed evidenza prima facie li wara li ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, seħħet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u t-Tajwan lejn l-Unjoni, u li għaliha ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Dik il-bidla allegatament seħħet minħabba t-trasbord ta’ silikon li joriġina fir-RPĊ fit-Tajwan u minn hemm lejn l-Unjoni.

(5)

Barra minn hekk, l-applikant saħaq li l-evidenza wriet il-fatt li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiġu mhedda kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz. L-evidenza wriet li ż-żieda fl-importazzjonijiet mit-Tajwan saret bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz li ma jikkawżax dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Fl-aħħar nett, kien hemm evidenza li l-prezzijiet tas-silikon konsenjat mit-Tajwan kienu ddampjati b’paragun mal-valur normali għall-prodott konċernat u stipulat qabel fl-investigazzjoni oriġinali.

1.3.   Tnedija

(6)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza prima facie biex tinbeda investigazzjoni taħt l-Artikolu 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2012 (5) (“ir-Regolament tat-tnedija”) dwar il-possibbiltà ta’ elużjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ silikon li joriġina fir-RPĊ u ordnat ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana jirreġistraw l-importazzjonijiet tas-silikon konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li joriġina fit-Tajwan, kif ukoll jekk le.

1.4.   Investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tat-Tajwan, lill-produtturi esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni li huma konċernati u lill-industrija tal-Unjoni dwar it-tnedija tal-investigazzjoni.

(8)

Intbagħtu formoli tal-eżenzjoni lill-produtturi/esportaturi fit-Tajwan li taf bihom il-Kummissjoni u permezz tal-awtoritajiet tat-Tajwan fl-Unjoni Ewropea. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ li taf bihom il-Kummissjoni u permezz tal-awtoritajiet tar-RPĊ fl-Unjoni Ewropea. Intbagħtu wkoll kwestjonarji lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni.

(9)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ sal-iskadenza stipulata fir-Regolament tat-tnedija. Il-partijiet kollha kienu infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal konklużjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(10)

Ippreżentaw ruħhom tliet produtturi/esportaturi Tajwaniżi, li jappartjenu għall-istess grupp, u tliet importaturi mhux relatati fl-Unjoni, u ppreżentaw tweġibiet għall-formoli ta’ eżenzjoni u għall-kwestjonarji, rispettivament.

(11)

Il-Kummissjoni għamlet żjarat ta’ verifika fil-postijiet tat-tliet kumpaniji relatati li ġejjin, u li huma parti mill-Grupp imsemmi fil-premessa 10:

Asia Metallurgical Co. Ltd. (it-Tajwan),

Latitude Co. Ltd. (it-Tajwan),

YLB Co. Ltd. (it-Tajwan).

1.5.   Perjodu ta’ rapportar u perjodu ta’ investigazzjoni

(12)

Il-perjodu tal-investigazzjoni kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2012 (“il-PI”). Inġabret id-dejta ta’ matul il-PI sabiex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ. Inġabret dejta aktar dettaljata għall-perjodu tar-rapportar bejn l-1 ta’ Lulju 2011 u t-30 ta’ Ġunju 2012 (“il-PR”) sabiex tiġi eżaminata t-theddida possibbli għall-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza tad-dumping.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(13)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ elużjoni saret billi ġie analizzat b’mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, it-Tajwan u l-Unjoni; jekk dik il-bidla fix-xejra tal-kummerċ irriżultatx minn xi prattika, proċess jew xogħol li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju ġewx kompromessi f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott konċernat fl-investigazzjoni oriġinali, jekk meħtieġ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Prodott konċernat u prodott investigat

(14)

Il-prodott konċernat mill-possibblita ta’ elużjoni huwa l-metall tas-silikon li joriġina fir-RPĊ u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2804 69 00 (kontenut ta’ silikon ta’ inqas minn 99,99 % skont il-piż) (“prodott konċernat”). Sempliċement minħabba l-klassifika attwali stabbilita fin-Nomenklatura Magħquda, għandu jinqara bħala “silikon”. Is-silikon li huwa iktar pur, jiġifieri li jkollu mhux inqas minn 99,99 % ta’ silikon skont il-piż, użat l-iktar fl-industrija tas-semikondutturi għall-elettronika, jaqa’ taħt Kodiċi NM differenti u mhux kopert minn din il-proċedura.

(15)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak iddefinit hawn fuq, iżda konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li joriġina fit-Tajwan kif ukoll jekk le, u li attwalment jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott konċernat (“prodott investigat”).

(16)

L-investigazzjoni wriet li s-silikon, kif iddefinit hawn fuq, esportat mir-RPĊ lejn l-Unjoni u s-silikon konsenjat mit-Tajwan lill-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u għandhom l-istess użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħal prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Konklużjonijiet

2.3.1.   Livell ta’ kooperazzjoni

(17)

Kif tgħid il-premessa 10, tliet kumpaniji Tajwaniżi li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpaniji biss bagħtu tweġibiet għall-formoli ta’ eżenzjoni. Paragun tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni mad-dejta ta’ importazzjoni tal-Eurostat, wera li l-kumpaniji li kkoperaw kienu jirrappreżentaw 65 % tal-esportazzjoni Tajwaniża tal-prodott investigat lejn l-Unjoni f’PR.

(18)

Ma kienx hemm kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tas-silikon fir-RPĊ. Għalhekk, il-konklużjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ lejn l-Unjoni u l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tajwan kellhom isiru fuq il-bażi tad-dejta tal-importazzjoni tal-Eurostat, l-istatistika tal-importazzjoni tat-Tajwan u d-dejta miġbura mill-kumpaniji Tajwaniżi li kkooperaw.

2.3.2.   Bidla fix-xejra tal-kummerċ

Importazzjonijiet tas-silikon fl-Unjoni

(19)

It-Tabella 1 turi l-importazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ u t-Tajwan lejn l-Unjoni bejn l-2004 u tmiem il-PR.

Tabella 1

(f’TM)

 

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

PR

RPĊ

1 268

27 635

1 435

9 671

5 353

6 669

11 448

13 312

5 488

Tajwan

0

2,7

0,2

340

3 381

5 199

11 042

5 367

2 707

Sors: Eurostat

(20)

Id-dejta mill-Eurostat turi biċ-ċar li ma kien hemm l-ebda importazzjoni mit-Tajwan lejn l-Unjoni fl-2004. L-importazzjoni żiedet b’aktar minn 300 % fl-2008 u baqgħet għolja ħafna. L-importazzjonijiet reġgħu rduppjaw fl-2010, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri ġodda kontra r-RPĊ.

(21)

Fl-2011, l-importazzjonijiet mit-Tajwan lejn l-Unjoni naqsu. Dan l-iżvilupp jista’ jiġi attribwit għal investigazzjoni kontra l-frodi li nieda l-OLAF f’dak iż-żmien. Il-Kummissjoni ġiet infurmata li fl-2011 l-awtorità tal-ħruġ Tajwaniża, il-Bureau tal-Kummerċ Barrani tat-Tajwan (BOFT), irtirat iċ-ċertifikati tal-oriġini tas-silikon tal-produtturi Tajwaniżi kollha. Dik id-deċiżjoni li jiġu rtirati ċ-ċertifikati ġiet appellata mit-tliet esportaturi Tajwaniżi msemmija fil-premessi 10 u 11 hawn fuq (il-“Grupp tal-esportaturi”). Il-bord tal-appell irrevoka d-deċiżjoni tal-BOFT, u ċ-ċertikati inkwistjoni nħarġu mill-ġdid għal dawk it-tliet produtturi/esportaturi Tajwaniżi, iżda mhux lill-produtturi Tajwaniżi l-oħra.

(22)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-oriġini mhux preferenzjali mhix meħtieġa għall-formalitajiet doganali mal-importazzjoni fl-Unjoni u li f’każ ta’ dubji serji, ċertifikat bħal dan ma jistax iservi bħala prova tal-oriġini mhux preferenzjali tal-prodott dikjarat (l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (6)).

(23)

L-importazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ lejn l-Unjoni ilhom jiżdiedu mill-2008 ‘l hawn. B’mod partikolari, huwa osservat li dawn l-importazzjonijiet għadhom qed jiżdiedu wara l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2010. Dan l-iżvilupp jista’ jiġi spjegat mill-fatt li d-dazju anti-dumping naqas b’mod sinifikanti fl-2010, jiġifieri minn 49 % għal 19 %.

Esportazzjonijiet tas-silikon mir-RPĊ lejn it-Tajwan

Tabella 2

(f’TM)

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

PR

16 530

16 600

7 101

10 514

3 675

15 893

16 007

17 912

9 177

10 507

Sors: Statistika tal-esportazzjoni Ċiniża

(24)

It-Tabella 2 turi l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tajwan. Id-dejta mid-database tal-esportazzjonijiet Ċiniżi turi li l-importazzjonijiet laħqu l-ogħla livell fl-2010 wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. It-tnaqqis fl-2011 jista’ jkun dovut għall-investigazzjoni kontra l-frodi kif spjegat fil-premessa 21.

Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(25)

Huwa meqjus li hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ billi fl-2004 ma kien hemm l-ebda importazzjoni ta’ silikon mit-Tajwan lejn l-Unjoni. Fil-fatt dawn bdew fl-2007 u saru importanti ħafna fl-2008. Baqgħu f’livell għoli ħafna sal-PR, bi tnaqqis fl-2011 minħabba r-raġuni possibbli spjegata fil-premessa 21.

2.3.3.   In-natura tal-prattika ta’ elużjoni u l-insuffiċjenza ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika

(26)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jesiġi li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn prassi, proċess jew xogħol li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess u x-xogħol jinkludu, fost l-oħrajn, il-konsenja tal-prodott soġġett għal miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fil-każ preżenti, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ seħħet minħabba l-konsenja tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiż terz.

(27)

Il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li ma hemmx produzzjoni ta’ silikon fit-Tajwan. Ħadd mill-produtturi/esportaturi ma ċaħdu l-fatt li huma jimportaw s-silikon li jesportaw mir-RPĊ.

(28)

It-tieni, bl-eċċezzjoni tal-Grupp ta’ esportaturi, il-produtturi/esportaturi ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju fuq l-attività tagħhom.

(29)

Il-Grupp ta’ esportaturi allega li huwa jimporta balel ta’ silikon ta’ kwalità baxxa ħafna f’boroż mir-RPĊ. Huma jsostnu li l-balel tas-silikon imbagħad jiġu mqallba, imfarrka, magħrbla u ppakkjati ġewwa boroż għal darba oħra qabel ma jiġu esportati lejn is-suq tal-Unjoni.Wara dik l-operazzjoni, huma jallegaw li l-prodott isir ta’ kwalità ogħla.

(30)

Huma jisħqu li din l-operazzjoni hija metodu uniku ta’ purifikazzjoni, żviluppat f’kooperazzjoni mal-Università ta’ Tajpej, li allegatament telimina 80 % tal-impuritajiet fil-balel tal-metall tas-silikon importati mir-RPĊ. Matul il-verifika fuq il-post, madankollu ġie osservat li l-proċess tagħhom kien sempliċi operazzjoni ta’ tqallib, għarbiel u tifrik li tneħħi xi impuritajiet tal-wiċċ bħall-ossidizzazzjoni u t-trab, imma li ma tneħħix b’xi mod partikolari l-impuritajiet ewlenin minn ġewwa l-balel tas-silikon. Il-prodott proċessat għalhekk iżomm l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi bħall-prodott konċernat.

(31)

L-evidenza miġbura u verifikata matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari l-fatturi tax-xiri, il-fatturi tal-bejgħ u d-dokumenti anċillari bħall-kont tat-tagħbija, u dokumenti doganali oħrajn, uriet li l-prodotti mixtrija u mibjugħa għall-esportazzjoni mill-Grupp tal-esportaturi kienu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tal-istess speċifikazzjonijiet. Ir-reġistri relatati mal-ħażniet fl-imħażen tal-Grupp, li jinsabu qrib il-portijiet, urew ukoll li mhux dejjem kien hemm biżżejjed ħin sabiex jiġu pproċessati l-lottijiet kollha ta’ silikon mixtrija fir-RPĊ bil-metodu li huma sostnew li japplikaw. Barra minn hekk, l-informazzjoni disponibbli, b’mod partikolari minn produtturi fl-Unjoni, juru li sabiex jitneħħew l-impuritajiet ta’ ġewwa tal-balla tas-silikon huwa neċessarju jew tifrik segwit bi trattament kimiku jew proċess ta’ tidwib. L-ebda minn dawk il-proċessi ma jintuża mill-Grupp tal-esportaturi.

(32)

Ta’ min jinnota wkoll li fl-2010, fuq referenza għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (issal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) minn Finanzgericht Düsseldorf (Hoesch Metals and Alloys GmbH v. Hauptzollamt Aachen), fi kwistjoni marbuta mal-miżuri anti-dumping kontra s-silikon mir-RPĊ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet: “Is-separazzjoni, it-titħin u l-purifikazzjoni tal-blokok tas-silikon kif ukoll l-iffiltrar, it-tisfif u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristalli tas-silikon li jirriżultaw mit-titħin, kif magħmul fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxux proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità. (7) Il-proċess ta’ purifikazzjoni kif imwettaq mill-Grupp tal-esportaturi jitqies simili għal dak deskritt f’dik is-sentenza.

(33)

L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-proċess tal-purifikazzjoni jammonta għal inqas minn 5 % tal-ispiża totali tal-Grupp tal-esportaturi. Barra minn hekk, ġie kkonfermat li l-prezz tas-silikon mibjugħ fl-Unjoni mill-Grupp u l-prezz tas-silikon mixtri mir-RPĊ mill-Grupp matul il-PI, qatt ma wera differenza ta’ aktar minn 11 %.

(34)

Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, huwa konkluż li anki fil-każ tal-Grupp tal-esportaturi, l-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-esportazzjoni sussegwenti lejn l-UE tas-silikon għandha titqies bħala trasbord u għalhekk elużjoni fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku.

(35)

Għalhekk qed jiġi konkluż li l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord ħlief l-evitar tal-miżuri fis-seħħ fuq il-prodott konċernat, jiġifieri 19 % dazju anti-dumping fuq ir-RPĊ. Ma nstab l-ebda element, għajr id-dazju, li seta’ jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trasbord, partikolarment fir-rigward tat-trasport u t-tagħbija mill-ġdid, tas-silikon li joriġina fir-RPĊ u jgħaddi mit-Tajwan.

2.3.4.   Evidenza ta’ dumping

(36)

Taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(37)

Fir-Regolament oriġinali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-Brażil, li f’dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż b’ekonomija tas-suq adegwata li hija analoga għar-RPĊ. Taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie kkunsidrat xieraq li jintuża l-valur normali kif stabbilit qabel fl-investigazzjoni oriġinali. Żewġ PCNs mill-investigazzjoni preċedenti qablu maż-żewġ PCNs tal-kumpaniji esportaturi. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli għall-esportazzjoni tal-prodott investigat lejn l-Unjoni.

(38)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, saru aġġustamenti fil-prezz tal-esportazzjoni għat-trasport u l-assigurazzjoni sabiex il-prezzijiet jinġiebu fl-istess livell ta’ kummerċ. F’konformità mal-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi tqabbel il-valur normali medju ppeżat kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni medji ppeżati korrispondenti tal-importazzjonjiet Tajwaniżi matul il-PR ta’ din l-investigazzjoni, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(39)

Il-paragun tal-valur normali medju ppeżat u l-prezz tal-esportazzjoni medju ppeżat kif stabbilit fl-investigazzjoni wera l-eżistenza ta’ dumping.

2.3.5.   L-imminar tal-effetti rimedjali tad-dazju anti-dumping f’termini ta’ prezzijiet u kwantitajiet

(40)

Il-paragun tal-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezz tal-esportazzjoni medju ppeżat wera l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u bejgħ żleali bl-irħis. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ qed jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u kwantitajiet.

3.   MIŻURI

(41)

Fid-dawl ta’ dak stabbilit hawn fuq, ġie konkluż li l-miżura oriġinali, jiġifieri d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-RPĊ, ġiet eluża permezz tat-trasbord fit-Tajwan fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(42)

F’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat se jiġu estiżi għal importazzjonijiet tal-prodott investigat, jiġifieri l-istess prodott bħall-prodott konċernat iżda konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li jorigina mit-Tajwan kif ukoll jekk le.

(43)

Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010 għal “kumpaniji l-oħra kollha” mir-RPĊ għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet mit-Tajwan. Il-livell ta’ dazju għandu jiġi stabbilit għal 19 % applikabbli fuq il-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(44)

Taħt l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li kwalunkwe miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet reġistrati ta’ silikon konsenjat mit-Tajwan.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(45)

Kif spjegat fil-premessa 10, tliet kumpaniji mit-Tajwan li jappartjenu għall-istess grupp ippreżentaw tweġibiet għall-formola ta’ eżenzjoni fejn talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli taħt l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku

(46)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ, in-nuqqas ta’ produzzjoni reali fit-Tajwan u l-esportazzjoni taħt l-istess kodiċi doganali kif stabbilit fil-premessi 19 sa 29, l-eżenzjonijiet kif mitluba minn dawk it-tliet kumpaniji ma jistgħux jingħataw taħt l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(47)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, esportaturi/produtturi potenzjali fit-Tajwan li ma ppreżentawx ruħhom f’dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat matul il-PI u li beħsiebhom iressqu talba għal eżenzjoni mid-dazju anti-dumping estiż taħt l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku ser ikunu meħtieġa jimlew formola tal-eżenzjoni sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta din it-talba. Din l-eżenzjoni tista’ tingħata wara l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà tat-tkomplija tal-prassi li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u l-evidenza ta’ dumping. Il-Kummissjoni normalment tagħmel ukoll żjara ta’ verifika fil-post. Tista’ tingħata eżenzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku.

(48)

Meta eżenzjoni tkun iġġustifikata, l-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b’deċiżjoni, li teżenta mid-dazju estiż taħt dan ir-Regolament lill-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jeludux il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010.

(49)

It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ.

5.   DIVULGAZZJONI

(50)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Ingħataw ukoll perjodu biex jippreżentaw kummenti wara dik id-divulgazzjoni.

6.   KUMMENTI

(51)

Wara d-divulgazzjoni waslu kummenti mingħand il-Grupp tal-esportaturi u mingħand żewġ importaturi.

(52)

L-argument ewlieni kien jikkonċerna l-asserzjoni li l-purifikazzjoni li titwettaq mill-Grupp tal-esportaturi kienet tagħti l-oriġni fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. L-importaturi ppreżentaw rapport dwar it-testijiet fuq il-kampjuni mwettqa mill-Università ta’ Tajpej u rapport ta’ analiżi minn espert indipendenti. Ir-rapport dwar it-test tal-kampjun juri perċentwal ta’ tnaqqis fl-impuritajiet ta’ 90,8 % wara l-proċess tal-purifikazzjoni. L-analiżi tal-espert indipendenti ssostni li biss wara l-purifikazzjoni, is-silikon jista’ jintuża għal ċerti għanijiet ta’ tidwib.

(53)

Huwa nnutat li dawk iż-żewġ studji huma kontradetti mill-konklużjonijiet tal-Kummissjoni matul il-verifika fuq il-post, kif deskritt fil-premessa 31. Partikolarment, qed jiġi mfakkar li skont il-fatturi, il-prodotti mixtrija u mibjugħa għall-esportazzjoni mill-Grupp tal-esportaturi kienu kważi fil-każijiet kollha tal-istess speċifikazzjonijiet.

(54)

Jekk id-dikjarazzjonijiet li għamlu l-importaturi huma veri, dan għandu wkoll jirriżulta f’differenza ħafna akbar bejn il-prezz li bih is-silikon jiġi importat mir-RPĊ u l-prezz li bih is-silikon jiġi esportat lejn l-Unjoni.

(55)

Abbażi tal-ispezzjoni fuq il-post tal-għodod użati għall-allegata purifikazzjoni tas-silikon, il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-għodod mhumiex tali illi jippermettu xi wieħed miż-żewġ metodi ta’ purifikazzjoni deskritti fil-premessa 31.

(56)

Fl-aħħar nett, ir-rapport tal-analiżi mill-espert indipendenti jinjora wkoll il-fatt li taf bih il-Kummissjoni li l-utenti jipproċessaw is-silikon tagħhom qabel jużawh.

(57)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-kummenti mressqa mill-partijiet ma kinux tali li jbiddlu l-konklużjonijiet proviżorji li waslet għalihom il-Kummissjoni qabel id-divulgazzjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010 fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2804 69 00 u li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ silikon konsenjat mit-Tajwan, kemm jekk dikjarat li joriġina fit-Tajwan kif ukoll jekk le, u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2804 69 00 (kodiċi TARIC 2804690020).

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet konsenjati mit-Tajwan, kemm jekk dikjarati li joriġinaw fit-Tajwan kif ukoll jekk le, reġistrati taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 596/2012 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiż mill-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 08/20

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Feks +32 22956505

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b’deċiżjoni li teżenta mid-dazju estiż bl-Artikolu 1 l-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jeludux il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 467/2010.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbiliti taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 596/2012.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 131, 29.5.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 66, 4.3.2004, p. 15.

(4)  ĠU L 13, 19.1.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 176, 6.7.2012, p. 50.

(6)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(7)  Kawża C-373/08, 2010 ECR-I 951, fil-paragrafi 55 u 80.


Top