EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0504

2012/504/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Settembru 2012 dwar l-Eurostat

OJ L 251, 18.9.2012, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 015 P. 282 - 304

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/504/oj

18.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/49


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Settembru 2012

dwar l-Eurostat

(2012/504/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea (1) jipprovdi l-qafas legali bażiku għall-istatistika Ewropea. Dak ir-Regolament jirreferi għall-Kummissjoni (Eurostat) bħala l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

(2)

L-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda mill-Eurostat skont il-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fir-Regolament (KE) Nru 223/2009, u elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea fit-28 ta’ Settembru 2011.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jipprovdi wkoll għall-ħarsien ta’ dejta kunfidenzjali li għandha tintuża esklussivament għal għanijiet ta’ statistika.

(4)

Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex isaħħaħ l-governanza statistika fl-Unjoni u biex tirrispetta il-prinċipji statistiċi ta’ hawn fuq (2). Dan l-impenn ġie kkonfermat u żviluppat aktar fil-Komunikazzjoni tal-15 ta’ April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Lejn ġestjoni b’saħħitha u ta’ kwalità għall-Istatistika Ewropea” (3). Id-Deċiżjoni preżenti għandha titqies bħala impenn imġedded mill-Kummissjoni fuq il-fiduċja fl-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u mxerrda mill-Eurostat.

(5)

L-iżviluppi reċenti fil-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni kellhom impatt fuq il-qasam tal-istatistika u għandhom jiġu kkunsidrati. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, l-indipendenza tal-statistika kif stipulata fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (4).

(6)

F’dan il-kuntest, is-setgħat tal-Kummissjoni bħala l-awtorità li taħtar fir-rigward tar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jkun eżerċitat, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, bl-attenzjoni dovuta għall-ħtieġa li tiġi ggarantita l-indipendenza, l-oġġettività u l-effiċjenza fil-qadi tar-responsabbiltajiet tiegħu, u wara proċedura trasparenti bbażata fuq kriterji professjonali biss.

(7)

Barra minn hekk, l-Eurostat ġie assenjat kompiti speċifiċi bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (5).

(8)

Barra minn hekk, kif stipulat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “il-metodu ta’ produzzjoni tal-istatistika tal-UE: viżjoni għad-deċenju li ġej” (6), l-Eurostat għandu jipprovdi statistika ta’ kwalità għolja tas-servizz billi wkoll itejjeb ir-relazzjonijiet mal-entitajiet tal-Unjoni sabiex jantiċipaw il-bżonnijiet statistiċi u l-avvanz fl-użu tal-istatistika eżistenti. Dan jinvolvi wkoll l-bini ta’ relazzjonijiet eqreb ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni.

(9)

L-istatistika għandha tkun definita b’referenza għar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandha wkoll issir distinzjoni bejn l-istatistika Ewropea u statistika oħra.

(10)

L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ politika u d-determinazzjoni tat-tagħrif meħtieġ għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet huma r-responsabbiltà ta’ min ifassal il-politika. Dawn l-attivitajiet għalhekk għandhom jaqgħu fil-mandat u fir-responsabbiltajiet tas-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati, filwaqt li l-Eurostat għandu jiżgura l-programmar tal-attivitajiet relatati mal-istatistika Ewropea, waqt li jqis il-ħtiġijiet tal-utenti, l-iżviluppi rilevanti tal-politika u r-restrizzjonijiet tar-riżorsi.

(11)

L-attivitajiet tal-Kummissjoni relatati ma’ statistika oħra għandhom ikunu soġġetti għal eżerċizzju ta’ ppjanar u ta’ koordinazzjoni bl-għan li jiżguraw tagħrif ikkonsolidat dwar dawn l-attivitajiet. Dan l-eżerċizzju għandu jkun misjuq mill-Eurostat u l-ambitu tiegħu għandu jkun limitat għal kwistjonijiet li dwarhom hemm ftehim reċiproku bejn is-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati u l-Eurostat.

(12)

L-istatistika Ewropea hija ddeterminata permezz tal-Programm Ewropew tal-Istatistika u l-programm korrispondenti ta’ ħidma annwali tal-Eurostat.

(13)

Biex tkun żgurata l-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u għall-promozzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja żviluppata, prodotta u mxerrda mill-Eurostat, għandu jiġi żviluppat u applikat proċess għat-tikkettar tal-istatistika Ewropea.

(14)

L-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-Istatistika Ewropea ta’ kwalità għolja għandhom ikunu ssalvagwardati mid-Direttur Ġenerali tal-Eurostat, li huwa l-Kap Statistiku. Barra minn hekk, il-ħidmiet tiegħu jew tagħha għandhom jinkludu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet statistiċi tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tkun żgurata l-kwalità u jkun minimizzat il-piż tar-rappurtar. Għalhekk, il-Kap Statistiku għandu wkoll jiġi kkonsultat dwar l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ statistika oħra.

(15)

Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u servizzi oħra tal-Kummissjoni fuq l-attivitajiet ta’ statistika u l-koordinazzjoni xierqa ta’ dawn l-attivitajiet mill-Kap Statistiku għandhom jiżguraw il-koerenza u l-kumparabbiltà tal-Istatistika Ewropea u rispons aħjar għall-isfidi futuri, partikolarment il-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż tar-rispons u l-piż amministrattiv. Għall-istess skopijiet, l-aċċess għas-sorsi tad-dejta amministrattiva fil-Kummissjoni għandu jkun ipprovdut sal-limitu meħtieġ u jkun kosteffikaċi għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (7) japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istatistika Ewropea prodotta fuq il-bażi ta’ dejta personali għandha tkunu maqsuma skont il-ġeneru meta jkun rilevanti.

(17)

Huwa għalhekk meħtieġ li r-rwol tal-Eurostat u r-responsabbiltajiet tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni jkomplu jiġu ddefiniti u ċċarati.

(18)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 97/281/KE tal-21 ta’ April 1997 dwar ir-rwol tal-Eurostat rigward il-produzzjoni tal-istatistika Komunitarja (8) għandha titħassar,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-Eurostat fi ħdan l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Statistika” tfisser statistika kif definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Din hija jew statistika Ewropea jew statistika oħra.

2.

“Statistika Ewropea” tfisser statistika kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u kif determinat mill-programm ta’ ħidma annwali tal-istatistika Ewropea.

3.

“Statistika oħra” tfisser statistika li mhijiex statistika Ewropea u li hija indentifikata fl-eżerċizzju ta’ ppjanar u ta’ koordinazzjoni msemmi fl-Artiklu 5(2).

Artikolu 3

Eurostat

L-Eurostat huwa l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. L-Eurostat huwa servizz tal-Kummissjoni, immexxi minn Direttur-Generali.

Artikolu 4

Prinċipji tal-Istatistika

L-Eurostat għandu jiżviluppa, jipproduċi u jxerred l-istatistika Ewropea f’konformità mal-prinċipji statistiċi ta’ indipendenza professjonali, imparzjalità, oġġettività, affidabbiltà, kunfidenzjalità tal-istatistika u kost-effettività kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u kif elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea.

Artikolu 5

Ippjanar u pprogrammar

1.   L-attivitajiet relatati mal-istatistika Ewropea għandhom jiġu determinati permezz tal-Programm Ewropew tal-Istatistika msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u permezz tal-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 17 ta ‘dan ir-Regolament.

2.   L-attivitajiet relatati ma’ statistika oħra għandhom ikunu soġġetti għal u identifikati permezz ta’ eżerċizzju ta’ ppjanar u ta’ koordinazzjoni mmexxi mill-Eurostat. L-ambitu ta’ dan l-eżerċizzju għandu jkun limitat għal kwistjonijiet li dwarhom hemm ftehim reċiproku bejn is-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati u l-Eurostat.

3.   Jistgħu jiġu stabbiliti ftehimiet speċifiċi bejn is-servizzi, bejn l-Eurostat u s-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni għall-għan ta’ dawn l-attivitajiet, inklużi wkoll l-attivitajiet relatati mar-rekords tal-amministrattivi.

Artikolu 6

Kompiti tal-Eurostat

1.   L-Eurostat għandu jkun inkarigat mill-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-Istatistika Ewropea.

Għal dan l-għan, l-Eurostat għandu, b’mod partikolari:

(a)

jiġbor u jaggrega l-informazzjoni statistika meħtieġa għall-kompilazzjoni tal-istatistika Ewropea;

(b)

jiżviluppa u jippromwovi l-istandards, il-metodi u l-proċeduri statistiċi;

(c)

imexxi s-Sistema Statistika Ewropea, isaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-imsieħba tiegħu, u jiżgura r-rwol tiegħu ta’ mexxej fl-istatistika uffiċjali mad-dinja kollha;

(d)

jikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-pajjiżi terzi sabiex jiffaċilita l-komparabilità tal-istatistika Ewropea mal-istatistika prodotta f’sistemi statistiċi oħra, u, fejn xieraq, jappoġġa lill-pajjiżi terzi fit-titjib tas-sistemi tagħhom tal-istatistika.

2.   L-Eurostat għandu jiżgura li l-istatistika Ewropea tkun aċċessibbli għall-utenti kollha skont il-prinċipji statistiċi, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ indipendenza professjonali, ta’ imparzjalità u ta’ kunfidenzjalità tal-istatistika.

F’dan ir-rigward, l-Eurostat għandu jipprovdi l-ispjegazzjonijiet tekniċi u l-appoġġ meħtieġ għall-użu tal-istatistika Ewropea u jista’ juża mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa għall-fini ta’ stqarrijiet għall-aħbarijiet dwar l-istatistika.

3.   L-Eurostat għandu jiżgura l-kooperazzjoni u d-djalogu kostruttiv regolari mas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni, u, fejn meħtieġ, mal-fornituri tad-dejta bl-għan li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti, l-iżviluppi ta’ politiki rilevanti u inizjattivi oħra. Għal dan l-għan, dawk is-servizzi tal-Kummissjoni li huma utenti potenzjali tal-istatistika speċifika Ewropea għandhom jiġu infurmati u involuti sa minn stadju bikri fl-iżvilupp ta’ statistika ġdida jew mibdula, fost affarijiet oħra biex ikunu mifhuma l-implikazzjonijiet potenzjali tal-politiki ta’ metodi, standards u definizzjonijiet ġodda jew mibdula tal-istatistika.

4.   L-Eurostat għandu jikkoordina l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ statistika oħra. Għal dan l-għan, l-Eurostat għandu:

(a)

jottimizza l-użu tat-tagħrif eżistenti li jista’ jintuża għal għanijiet statistiċi, sabiex tkun żgurata l-kwalità u jkun imminimizzat il-piż għal min iwieġeb; L-Eurostat għandu jistieden kull servizz ikkonċernat tal-Kummissjoni biex jikkontribwixxi għal dan l-għan;

(b)

jkun infurmat mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni dwar l-ambitu u l-karatteristiċi tal-kwalità tal-istatistika prodotta minnhom, dwar tibdil sinifikanti fil-metodoloġija għall-produzzjoni tal-istatistika u dwar kollezzjonijiet ġodda ta’ dejta ppjanati;

(c)

jipprovdi gwida, taħriġ xieraq u servizzi esperti lil servizzi oħra tal-Kummissjoni meħtieġa għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ statistika oħra soġġetta għar-riżorsi disponibbli;

Artikolu 7

Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat

1.   Rigward l-istatistika Ewropea, id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jkollu r-responsabbiltà unika sabiex jiddeċiedi l-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-waqt tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika, skont il-programm Ewropew tal-istatistika u l-programm ta’ ħidma annwali. Meta jwettaq dawn il-ħidmiet statistiċi, id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jaġixxi b’mod indipendenti; hu jew hi la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ xi Stat Membru jew minn xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra.

2.   Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jaġixxi bħala l-uffiċjal li jawtorizza l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet allokati lill-Eurostat.

Artikolu 8

Il-Kap Statistiku

1.   Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jitqies bħala l-Kap Statistiku.

2.   Il-Kap Statistiku għandu:

(a)

jkun inkarigat mill-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea fil-Kummissjoni;

(b)

jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ statistika oħra kif imsemmi fl-Artikoli 5(2) u 6(4);

(c)

jirrappreżenta l-Kummissjoni f’fora statistiċi internazzjonali l-aktar għal raġunijiet ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet statistiċi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009;

(d)

jippresjiedi l-Kumitat Ewropew tas-Sistema tal-Istatistika msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009;

(e)

iħejji l-programmi msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Deċiżjoni f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-utenti u l-iżviluppi rilevanti l-oħra;

(f)

jikkollabora bejn is-Sistema Statistika Ewropea (ESS) u l-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika fil-kwistjonijiet kollha rigward l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea fl-ESS kollha kemm hi.

3.   Kwalunkwe servizz intenzjonat li jwettaq attivitajiet li jinvolvu l-produzzjoni tal-istatistika għandu jikkonsulta l-Kap Statistiku fi stadju bikri fit-tħejjija tal-attivitajiet ikkonċernati. Il-Kap Statistiku jista’ jagħmel xi rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward. Inizjattivi li mhumiex relatati mal-iżvilupp, mal-produzzjoni jew mat-tixrid tal-istatistika Ewropea, speċjalment f’każijiet ta’ ftehimiet speċifiċi bejn is-servizzi, għandhom jaqgħu kompletament taħt ir-responsabbiltà tas-servizz ikkonċernat.

Artikolu 9

Aċċess għal rekords amministrattivi

1.   Sabiex jitnaqqas il-piż fuq min iwieġeb, l-Eurostat għandu jkollu d-dritt li jaċċessa d-dejta amministrattiva fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni, soġġett għar-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li jintegra din id-dejta amministrattiva mal-istatistika sakemm din id-dejta tkun rilevanti għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

2.   L-Eurostat għandu jkun ikkonsultat dwar u jista’ jkun involut fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien ta’ reġistri amministrattivi u ta’ bażijiet ta’ dejta mibnija u miżmuma minn servizzi oħra tal-Kummissjoni, sabiex ikun faċilitat l-użu ulterjuri tad-dejta li hemm f’dawn ir-reġistri u fil-bażijiet ta’ dejta għall-finijiet tal-istatistika Ewropea. Għal dan l-għan, l-Eurostat għandu jkollu d-dritt li jipproponi l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni dwar rekords amministrattivi li huma rilevanti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

3.   Biex tittejjeb l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, kull servizz tal-Kummissjoni għandu jiżgura li l-aċċess għad-dejta amministrattiva tingħata lill-Eurostat fuq talba sal-punt meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea, skont ir-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 10

Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea

1.   Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u mxerrda mill-Eurostat skont il-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea.

2.   L-Eurostat għandu jinvolvi l-Bord Konsultattiv dwar il-Governanza tal-Istatistika Ewropea fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea skont il-mandat tal-Bord.

3.   L-Eurostat għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea mill-awtoritajiet statistiċi nazzjonali.

Artikolu 11

L-assigurazzjoni tal-kwalità u l-ittikkettjar

1.   L-Eurostat għandu jiżgura l-immaniġġar tal-kwalità tal-Istatistika Ewropea. Għal dan l-għan, u fuq il-bażi ta’ kriterji tal-kwalità stabbiliti, filwaqt li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-utenti għall-istatistika bi profili ta’ kwalità differenti, l-Eurostat għandu:

(a)

jissorvelja u jivvaluta l-kwalità tad-dejta li hu jiġbor jew jirċievi, u jirrapporta dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea li jxerred;

(b)

jippromwovi u japplika proċess tal-ittikkettjar għall-istatistika Ewropea;

(c)

jivverifika d-dejta li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Eurostat fil-kuntest tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Unjoni u japplika s-setgħat kollha li ġew speċifikament mogħtija lill-Eurostat fil-proċeduri rilevanti.

2.   L-Eurostat għandu jistabbilixxi qafas ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, li jirrifletti l-miżuri fis-seħħ jew li għandhom jittieħdu sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea.

Artikolu 12

L-użu ta’ dejta kunfidenzjali

1.   Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li l-kunfidenzjalità tal-istatistika hija rispettata.

2.   Id-dejta kkunsidrata bħala kunfidenzali skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tal-istess Regolament, tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali u għal persunal ieħor tal-Eurostat u persuni fisiċi oħra li jaħdmu għall-Eurostat taħt kuntratt, kull fejn din id-dejta tkun meħtieġa għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea u fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.

3.   Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu, barra minn hekk, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġi d-dejta li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża ħsara lill-interessi tal-Unjoni, jew lill-interessi tal-Istat Membru li jirrelataw magħhom.

Artikolu 13

Tħassir

Id-Deċiżjoni 97/281/KE hija mħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji tal-istatistika COM(2005) 217 finali.

(3)  COM(2011) 211 finali.

(4)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.

(5)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(6)  COM(2009) 404 finali.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 112, 29.4.1997, p. 56.


Top