EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0776

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 776/2012 tas- 27 ta’ Awwissu 2012 dwar il-pagamenti bil-quddiem li għandhom isiru mis- 16 ta’ Ottubru 2012 tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa

OJ L 231, 28.8.2012, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/776/oj

28.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 776/2012

tas-27 ta’ Awwissu 2012

dwar il-pagamenti bil-quddiem li għandhom isiru mis-16 ta’ Ottubru 2012 tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(4)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 huwa previst li pagamenti skont skemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I għal dak ir-Regolament għandhom isiru matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. Madankollu, l-Artikolu 29(4)(a) ta’ dak ir-Regolament jippermetti lill-Kummissjoni biex tipprovdi għall-pagamenti bil-quddiem.

(2)

Fl-2012, kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli fl-Ewropa, b’nixfa estrema f’xi Stati Membri u xitwa iebsa ħafna u ħafna nżul ta’ xita f’oħrajn, ikkaġunaw ħsarat serji lill-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u għalf. B’riżultat ta’ dan, il-bdiewa kellhom jaffrontaw diffikultajiet finanzjarji enormi, b’mod partikolari l-produtturi tal-bhejjem. Dawn id-diffikultajiet ikomplu jiżdiedu bl-effetti tal-kriżi finanzjarja li għaddejja bħalissa li wasslet sabiex diversi bdiewa kellhom jaffrontaw problemi serji ta’ likwidità. Sabiex il-bdiewa jkunu megħjuna jtaffu dawn id-diffikultajiet, ikun xieraq li dawn ikunu jistgħu jirċievu pagamenti bil-quddiem sa 50 % tal-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Fir-rigward tal-pagamenti għaċ-ċanga u l-vitella previsti fit-Taqsima 11 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati wkoll li jżidu l-pagamenti bil-quddiem kif imsemmija fl-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (2), sa 80 % tal-pagament.

(3)

Sabiex ikun żgurat li l-pagamenti bil-quddiem jitqiesu mas-sena tal-baġit 2013, dawn għandhom isiru mis-16 ta’ Ottubru 2012. Il-verifika meħtieġa dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha ssir xorta waħda qabel il-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem, fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mis-16 ta’ Ottubru 2012, l-Istati Membri jistgħu jħallsu pagamenti bil-quddiem lill-bdiewa sa 50 % tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-applikazzjonijiet li saru fl-2012 sakemm tkun tlestiet il-verifika dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

Fir-rigward tal-pagamenti taċ-ċanga u l-vitella previsti fit-Taqsima 11 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati biex iżidu sa 80 % l-ammont imsemmi fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27.


Top