EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0645

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 645/2012 tas- 16 ta’ Lulju 2012 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u mir-Regolament (UE) Nru 65/2011 fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammonti tal-għajnuna għas-sottomissjoni tard ta' applikazzjonijiet uniċi b'konnessjoni mal-Portugall Kontinentali u ma’ Madera għall-2012

OJ L 187, 17.7.2012, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014R0640

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/645/oj

17.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/26


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 645/2012

tas-16 ta’ Lulju 2012

li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u mir-Regolament (UE) Nru 65/2011 fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammonti tal-għajnuna għas-sottomissjoni tard ta' applikazzjonijiet uniċi b'konnessjoni mal-Portugall Kontinentali u ma’ Madera għall-2012

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 142(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa stipulati f’dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (3), fl-Artikolu 23(1) tiegħu, jipprovdi għat-tnaqqis li għandu jiġi applikat fil-każ tas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjoni għall-għajnuna kif ukoll ta’ dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet li huma kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna.

(2)

Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (4), l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 japplikaw mutatis mutandis għat-talbiet għall-pagamenti skont it-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011.

(3)

Il-Portugall implimenta sistema ta’ applikazzjoni unika għall-għajnuna li tkopri bosta skemi ta’ appoġġ, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. B’mod partikulari, l-applikazzjonijiet għall-iskema ta’ pagament uniku skont it-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-applikazzjonijiet għall-primjums tan-nagħaġ u tal-mogħoż skont l-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (5) u ċerti applikazzjonijiet għall-għajnuna mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jagħmlu parti mill-applikazzjoni unika.

(4)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, il-Portugall stabbilixxa l-15 ta' Mejju 2012 bħala l-aħħar jum li fih jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet uniċi għall-2012. F'dak li għandu x'jaqsam mal-applikazzjonijiet uniċi li jinkludu applikazzjoni għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż, il-Portugall stabbilixxa t-30 ta’ April tas-sena tal-applikazzjoni bħala l-aħħar jum li fih jistgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż għall-2012 skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009.

(5)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 jesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħbula tar-raba’ jkunu identifikati b'mod affidabbli kif ukoll li l-applikazzjoni unika jkollha magħha dokumenti li jidentifikaw il-ħbula tar-raba’ sabiex tkun tista' tiġi implimentata s-sistema ta’ kontroll.

(6)

Bi tweġiba għan-nuqqasijiet relatati mal-identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’, li fil-passat kienu jiġu individwati b’mod regolari, il-Portugall implimenta “Pjan ta’ Azzjoni” flimkien mal-Kummissjoni. Dan l-impenn jinkludi, b'mod partikulari, l-aġġornament tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’ (Land Parcel Identification System – LPIS) fil-Portugall.

(7)

Madankollu, il-Portugall esperjenza ċirkostanzi eċċezzjonali fl-amministrazzjoni tiegħu tal-applikazzjonijiet uniċi għall-2012 safejn huma kkonċernati l-Portugall Kontinentali u Madera. Fit-tieni fażi tal-“Pjan ta’ Azzjoni”, il-Portugall kellu jeżamina madwar 1 600 000 ħbula tar-raba’. Dan ix-xogħol huwa kumpless, u l-kontrolli tal-kwalità rriżultaw f’analiżi ġdida ta’ xi wħud mill-ħbula tar-raba’, li jġib xi dewmien. Barra minn hekk, billi kien hemm dewmien f’parti mill-ħidma li twettqet minn kuntratturi esterni, l-LPIS ma setgħetx tiġi aġġornata skont l-iskeda maħsuba qabel. Konsegwentement, il-bdiewa ngħataw l-informazzjoni aġġornata dwar il-ħbula tar-raba’ iktar tard milli mistenni.

(8)

Minħabba l-kapaċità teknika eżistenti fil-Portugall, li diġà kienet tkabbret b'antiċipazzjoni tal-implimentazzjoni tal-"Pjan ta' Azzjoni", din is-sitwazzjoni affettwat il-kapaċità tal-applikanti biex jissottomettu applikazzjonijiet uniċi għall-għajnuna għall-Portugall Kontinentali u għal Madera fil-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 u fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009.

(9)

Dawn id-diffikultajiet iggravaw għall-fatt li l-proċedura tal-applikazzjoni fil-Portugall b'mod partikolari tieħu ħafna ħin minħabba li l-konfini kkoreġuti tal-ħbula tar-raba’ ta’ referenza jridu jiġu ċċekkjati b’mod diliġenti mill-bdiewa wara l-aġġornament mil-LPIS. Għalhekk, huwa partikolarment diffiċli li wieħed iżomm mal-iskadenzi tal-15 ta’ Mejju 2012 u tat-30 ta’ April 2012 rispettivament, minħabba l-kuntest ġenerali tal-“Pjan ta’ Azzjoni” u l-impenji meħuda mill-Portugall biex itejjeb is-sistema integrata tiegħu tal-amministrazzjoni u l-kontroll.

(10)

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali minħabba nixfa eċċezzjonali wasslet għal użu iżjed intensiv tas-sistema informatika. Billi dawn il-miżuri ġew amministrati mill-istess sistema informatika bħall-"Pjan ta’ Azzjoni”, il-kapaċità għall-amministrazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni” kompliet titnaqqas.

(11)

Minħabba d-diffikultajiet imsemmija hawn fuq, fl-2012 il-proċess tal-applikazzjoni seta’ jinbeda biss f’data wara li l-istess proċess beda fl-2011 u fis-snin ta’ qabel. Għall-istess raġunijiet, l-applikazzjonijiet ġew sottomessi b’ritmu aktar bil-mod minn tal-2011. L-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Portugiżi lill-Kummissjoni dwar il-kapaċità tas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni turi li hemm bżonn deroga ta' 25 jum biex tippermetti lill-bdiewa u l-benefiċjarji kollha konċernati jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom.

(12)

Huwa għalhekk xieraq li ma jiġix applikat it-tnaqqis stipulat bir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għal raġunijiet ta' sottomissjoni tard ta' applikazzjonijiet uniċi fir-rigward ta' dawk il-bdiewa li bagħtu l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall Kontinentali u għal Madera sa mhux iktar tard minn 25 jum kalendarji wara l-15 ta’ Mejju 2012 jew, fil-każ tal-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż mhux iżjed tar minn 25 jum kalendarji wara t-30 ta’ April 2012.

(13)

Bl-istess mod, b'deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 u għat-talbiet għall-pagamenti b'rabta mal-Portugall Kontinentali u ma’ Madera skont it-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, huwa xieraq li t-tnaqqis ma jiġix applikat għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi sa mhux aktar tard minn 25 jum kalendarji wara l-15 ta’ Mejju 2012.

(14)

Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (6), fejn l-aħħar jum ta’ perjodu espress b'mod ieħor għajr f'sigħat huwa btala pubblika, Ħadd jew Sibt, il-perjodu għandu jintemm mal-iskadenza tal-aħħar siegħa tal-jum ta’ xogħol ta’ wara. Billi l-11 ta’ Ġunju 2012 huwa l-ewwel jum ta’ xogħol wara d-9 ta’ Ġunju 2012, huwa xieraq li ma jiġi applikat l-ebda tnaqqis minħabba sottomissjoni tard ta' applikazzjonijiet uniċi fir-rigward ta' dawk il-bdiewa li ssottomettew l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall Kontinentali u għal Madera sa mhux iktar tard mill-11 ta’ Ġunju 2012, jew fil-każ tal-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Mejju 2012.

(15)

Minħabba li d-derogi proposti għandhom ikopru l-applikazzjonijiet uniċi sottomessi għas-sena tal-għajnuna 2012, huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika retroattivament.

(16)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’deroga mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, għas-sena tal-applikazzjoni 2012 ma għandu japplika l-ebda tnaqqis għas-sottomissjoni tard ta' applikazzjonijiet uniċi fir-rigward ta’ dawk il-bdiewa li ssottomettew l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall Kontinentali u għal Madera sa mhux aktar tard mill-11 ta' Ġunju 2012.

2.   B’deroga mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, meta l-applikazzjonijiet uniċi għall-2012 ikunu jinkludu applikazzjoni għall-primjum tan-nagħaġ u tal-mogħoż, ma għandu japplika l-ebda tnaqqis għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi b’rabta ma’ dak il-primjum għal dawk il-bdiewa li ssottomettew l-applikazzjonijiet uniċi tagħhom għall-Portugall Kontinentali u għal Madera sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Mejju 2012.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, għas-sena tal-applikazzjoni 2012 ma għandu japplika l-ebda tnaqqis ipprovdut fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għat-talbiet għall-pagamenti b’rabta mal-Portugall Kontinentali u ma’ Madera skont it-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 għas-sottomissjoni tard ta’ applikazzjonijiet uniċi jekk dawk l-applikazzjonijiet ikunu ġew sottomessi sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(3)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(4)  ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8.

(5)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27.

(6)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1–2.


Top