EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0081

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 81/2012 tal- 31 ta’ Jannar 2012 dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal- Lactobacillus pentosus (DSM 14025) bħala addittiv tal-għalf Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 29, 1.2.2012, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 060 P. 303 - 304

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/81/oj

1.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/36


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 81/2012

tal-31 ta’ Jannar 2012

dwar iċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) bħala addittiv tal-għalf

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistabbilixxi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għaċ-ċaħda ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(7) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistabbilixxi l-evalwazzjoni tas-sustanzi, il-mikroorganiżmi, u l-preparazzjonijiet użati fl-Unjoni bħala addittivi tal-furrajna mid-data li fiha r-Regolament sar applikabbli. Skont il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni, l-addittivi tal-furrajna ma kinux soġġetti għal evalwazzjoni jew awtorizzazzjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 10(1)(b) u l-Artikolu 10(7) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, il-preparazzjoni tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) ddaħħlet fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala addittiv tal-furrajna għall-ispeċi kollha tal-annimali.

(3)

Skont l-Artikolu 10(2) flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) bħala addittiv tal-għalf tal-ispeċi kollha tal-annimali, b’talba biex dan jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-“addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali tal-“addittivi tal-furrajna”. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-partikolaritajiet u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) kkonkludiet fl-opinjoni tagħha tas-16 ta’ Novembru 2011 (2) li l-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) huwa reżistenti għal tliet antibijotiċi użati fil-mediċina umana u veterinarja.

(5)

It-tagħrif mogħti ma jippermettix l-esklużjoni tar-riskju li l-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) jista’ jifrex reżistenza mill-antibijotiċi lill-mikroorganiżmi. Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li l-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) m’għandux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, meta jintuża skont il-kundizzjonijiet proposti.

(6)

Għalhekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, mhux sodisfatti. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) bħala addittiv tal-għalf għandha tiġi miċħuda.

(7)

Peress li iżjed użu tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) bħala addittiv fl-għalf jista’ jikkawża riskju fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, il-prodotti rispettivi għandhom jitneħħew mis-suq mill-aktar fis possibbli.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) bħala addittiv għall-użu fl-għalf tal-annimali hija miċħuda.

Artikolu 2

Ħażniet eżistenti tal-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) u taħlitiet lesti minn qabel li fihom lilu għandhom jitneħħew mis-suq mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mis-22 ta’ April 2012. Il-furrajna li fiha l-Lactobacillus pentosus (DSM 14025) u li saret qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament tista’ tintuża sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  EFSA Journal 2011; 9(11):2449.


Top