EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0835

2011/835/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Diċembru 2011 li ttemm il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija

OJ L 330, 14.12.2011, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 131 P. 293 - 294

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/835/oj

14.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Diċembru 2011

li ttemm il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija

(2011/835/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Fit-3 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) rċeviet ilment dwar id-dumping allegat ta’ ċertu polietilene tereftalat (“PET”) li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija (il-“pajjiżi kkonċernati”), li kkawża ħsara lill-Industrija tal-Unjoni.

(2)

L-ilment tressaq mill-Kumitat tal-Manifatturi tal-Polietilene Tereftalat (PET) fl-Ewropa (CPME) (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta’ aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu PET skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(3)

L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu, li tqieset biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment tal-anti-dumping.

(4)

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) bdiet proċediment tal-anti-dumping fis-16 ta’ Frar 2011 dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċertu PET li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija.

(5)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni tat bidu għal proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu PET li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati (3).

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi, lill kull assoċjazzjoni magħrufa li hija kkonċernata u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta’ bidu.

(7)

Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM IL-PROĊEDIMENT

(8)

B'ittra tat-12 ta’ Ottubru 2011 lill-Kummissjoni, is-CPME formalment irtira l-ilment.

(9)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista' jintemm meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(10)

F'dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma identifikatx xi raġuni biex tindika li t-tmiem mhux se jkun fl-interess tal-Unjoni, lanqas ma tqajmet xi raġuni mill-partijiet interessati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment preżenti għandu jintemm. Il-partijiet interessati ġew infurmati b'dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(11)

Xi wħud mill-partijiet interessati esprimew appoġġ għal tmiem il-proċediment. Partijiet interessati oħran, għalkemm appoġġjaw it-tmiem tal-proċediment, talbu żvelar tas-sejbiet tal-investigazzjoni.

(12)

Għandha tinġibed l-attenzjoni f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma waslitx għal konklużjoni dwar is-sejbiet tagħha u li għalhekk mhijiex f'pożizzjoni li tiżvela dejta miġbura qabel l-irtirar tal-ilment.

(13)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, qed jiġi konkluż li ma hemm l-ebda raġuni soda kontra t-tmiem ta’ dan il-proċediment.

(14)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti polietilene tereftalat (PET) li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija għandu jintemm.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-polietilene tereftalat li għandu numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew aktar, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġina mill-Oman u mill-Arabja Sawdija, li attwalment jaqa' fil-kodiċi tan-NM 3907 60 20, qiegħed b'dan jintemm.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 49, 16.2.2011, p. 16.

(3)  ĠU C 49, 16.2.2011, p. 21.


Top