EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1152

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1152/2011 tal- 14 ta’ Lulju 2011 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 296, 15.11.2011, p. 6–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 026 P. 230 - 236

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2018; Imħassar b' 32018R0772

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2011/1152/oj

15.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/6


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1152/2011

tal-14 ta’ Lulju 2011

li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistipula r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi. Partikolarment, jistipula r-regoli applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali fl-Istati Membri ta’ klieb, qtates u inmsa u jipprovdi, fejn hemm bżonn, għal miżuri sanitarji preventivi li għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti delegati biex jiġi żgurat il-kontroll tal-mard, minbarra l-idrofobija, li aktarx jinfirex minħabba ċ-ċaqliq ta’ dawk l-annimali. Dawk il-miżuri għandhom ikunu ġġustifikati xjentifikament u għandhom ikunu proporzjonati mar-riskju li dak il-mard jinxtered minħabba dawn il-movimenti.

(2)

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprovdi li l-annimali domestiċi għandu jkollhom magħhom passaport maħruġ minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti li jiċċertifika, fejn ikun hemm bżonn, li jkunu ttieħdu l-miżuri sanitarji preventivi għall-mard, minbarra l-idrofobija, għall-annimal ikkonċernat.

(3)

L-ekinokokkożi alveolari hija marda parassitika kkawżata mid-dudu Echinococcus multilocularis. Fejn tiġi stabbilita l-marda, iċ-ċiklu tipiku tat-trażmissjoni tal-parassita fl-Ewropa huwa bbażat fuq il-fawna selvaġġa u jinvolvi l-karnivori selvaġġi bħala organiżmi ospitanti definittivi u bosta speċijiet ta’ mammiferi, partikolarment rodenti żgħar, bħala organiżmi ospitanti intermedji li jiġu infettati billi jinġerixxu l-bajd mifrux mill-feċi tal-organiżmi ospitanti definittivi fl-ambjent.

(4)

Għalkemm huma ta’ importanza sekondarja għall-persistenza taċ-ċiklu tal-ħajja tal-parassita fl-ambjenti endemiċi, il-klieb jistgħu jiġu infettati meta jinġerixxu r-rodenti infettati. Bħala organiżmi ospitanti definittivi potenzjali u minħabba l-kuntatti mill-viċin mal-bnedmin, dawn jistgħu jkunu sors ta’ infezzjoni għan-nies kif ukoll sors ta’ kontaminazzjoni tal-ambjent, inkluż żoni ħielsa mill-parassiti wara ostakli naturali. Ma hemmx rapporti ta’ inmsa bħala organiżmi ospitanti definittivi u skont l-għarfien kurrenti, il-kontribuzzjoni tal-qtates għaċ-ċiklu tat-trażmissjoni hija dubjuża.

(5)

Meta l-bnedmin jiġu affettwati bħala organiżmu ospitanti atipiku mil-larva tad-dudu, jiġu osservati sinjali kliniċi u patoloġiċi gravi tal-marda wara perjodu ta’ inkubazzjoni twil u f’pazjenti li ma jiġux ittrattati jew li ma jiġux ittrattati tajjeb, il-mortalità tista’ tkun iktar minn 90 %. Il-prevalenza dejjem ikbar tal-marda fil-fawna selvaġġa, u b’mod parallel fil-bnedmin, f’ċerti partijiet tal-Ewropa, tikkawża tħassib serju għall-awtoritajiet tas-saħħa pubblika f’ħafna Stati Membri.

(6)

Fil-waqt li l-infezzjoni Echinococcus multilocularis fl-annimali sseħħ fl-emisfera tat-Tramuntana, inkluż il-partijiet ċentrali u tat-Tramuntana tal-Ewropa, tal-Asja u tal-Amerika ta’ Fuq, qatt ma ġiet irreġistrata f’organiżmi ospitanti definittivi domestiċi u selvaġġi f’ċerti żoni tal-Unjoni Ewropea minkejja s-sorveljanza tal-fawna selvaġġa u l-aċċess bla restrizzjonijiet tal-klieb.

(7)

Iċ-ċaqliq transkonfinali tal-fawna selvaġġa infettata ġie identifikat mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f’opinjoni xjentifika dwar l-Evalwazzjoni tar-riskju tal-introduzzjoni tal-ekinokokkożi fir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Isvezja, Malta u l-Finlandja, b’konsegwenza tal-abbandun tar-regoli nazzjonali (2), bħala r-rotta potenzjali ewlenija tad-dħul tal-parassita Echinococcus multilocularis, speċjalment f’żoni fejn m’hemmx ostakli fiżiċi effettivi, bħall-ibħra miftuħa. L-EFSA tqis li r-rwol epidemjoloġiku tal-klieb f’ħabitats endemiċi huwa ta’ importanza limitata għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-parassita.

(8)

Madankollu, l-EFSA tqis li r-riskju li ċ-ċiklu tat-trażmissjoni tal-parassita Echinococcus multilocularis jiġi stabbilit f’organiżmi ospitanti intermedji u definittivi selvaġġi xierqa f’żoni li s’issa kienu ħielsa mill-parassita, huwa ikbar minn negliġibbli, fejn il-parassita jiġi introdott miċ-ċaqliq ta’ klieb infettati li jarmu l-bajd tad-dudu.

(9)

Skont l-EFSA, ir-riskju li l-parassita Echinococcus multilocularis jiddaħħal f’żoni li s’issa kienu ħielsa mill-parassita jista’ jittaffa jekk il-klieb miż-żoni endemiċi jiġu ttrattati. Sabiex ma terġax isseħħ l-infezzjoni, dan it-trattament għandu jsir malajr kemm jista’ jkun qabel id-dħul fiż-żoni ħielsa minn dak il-parassita. Madankollu, jinħtieġ perjodu minimu ta’ 24 siegħa wara t-trattament biex il-bajd infettiv li jibqa’ ma jintremiex fl-ambjent taż-żona ħielsa mill-parassita.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-prodotti mediċinali għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb, dawn għandhom ikunu ngħataw awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (3) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (4), jew għandhom ikunu ġew approvati jew liċenzjati mill-awtorità indipendenti tal-pajjiż terz tal-oriġini tal-annimal.

(11)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li l-Finlandja, l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit, għal dik li hija l-ekinokokkosi, jistgħu jirrikjedu li d-dħul tal-annimali domestiċi fit-territorju tagħhom ikun suġġett għall-konformità mar-regoli speċjali applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament. Minħabba li l-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament japplika biss sal-31 ta’ Diċembru 2011, jinħtieġ li jiġu adottati miżuri qabel dik id-data, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni kontinwa ta’ dawk l-Istati Membri msemmija f’dak l-Artikolu li jistqarru li għadhom ħielsa mill-parassita b’riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali.

(12)

L-esperjenza wriet li l-perjodu ta’ 24 sa 48 siegħa għat-trattament rikjest minn xi Stati Membri fir-regoli nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jista’ jkun diffiċli ħafna jew saħansitra mhux fattibbli għas-sidien tal-annimali domestiċi l-iktar meta t-trattament ikollu jsir fi tmiem il-ġimgħa u l-festi pubbliċi jew meta t-tluq wara t-trattament jiġi ttardjat għal raġunijiet mhux fil-kontroll tas-sid.

(13)

Billi l-esperjenza ta’ xi Stati Membri oħra li jippermettu perjodu itwal għat-trattament fir-regoli nazzjonali skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 u li baqgħu ħielsa mill-parassita, żieda raġonevoli fil-perjodu għat-trattament għal wieħed ta’ 24 sa 120 siegħa ma għandhiex iżżid ir-riskju li l-klieb ittrattati minn żoni endemiċi jerġgħu jiġu infettati bil-parassita Echinococcus multilocularis.

(14)

Il-miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjonijiet tal- Echinococcus multilocularis fil-klieb għandhom għalhekk jikkonsistu fl-amministrazzjoni ddokumentata minn veterinarju ta’ prodott mediċinali effettiv li jkun awtorizzat jew liċenzjat u li jiggarantixxi l-eliminazzjoni f’waqtha tal-forom intestinali tal-parassita Echinoccocus multilocularis.

(15)

It-trattament għandu jiġi ddokumentat fit-taqsima relevanti tal-passaport kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE tas-26 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u inmsa (5) jew iċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/824/KE tal-1 ta’ Diċembru 2004 li tistabbilixxi certifikat mudell ta’ saħħa għaċ-ċaqliq mhux kummercjali ta’ klieb, qtates u inmsa minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità (6).

(16)

Minħabba li l-miżuri sanitarji preventivi jinvolvu ċertu diffikultà, għandhom jiġu applikati b’mod proporzjonat mar-risku tat-tifrix tal-infezzjoni tal-Echinococcus multilocularis permezz tal-movimenti mhux kummerjċali tal-klieb domestiċi. Għalhekk, jixraq li dawn ir-riskji jittaffew bl-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi previsti f’dan ir-Regolament lill-movimenti mhux kummerċjali tal-klieb li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew partijiet minnhom fejn l-infezzjoni ma kinitx irreġistrata, jiġifieri dawk l-Istati Membri elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Barra minn hekk, u strettament għal perjodu limitat ta’ żmien, il-miżuri sanitarji preventivi għandhom jiġu applikati wkoll kontra l-introduzzjoni mill-ġdid tal-parassita Echinococcus multilocularis fl-Istati Membri jew partijiet minnhom bi prevalenza baxxa ta’ dak il-parassita u fejn qed jiġi implimentat programm obbligatorju għall-eradikazzjoni tiegħu fl-organiżmi ospitanti definittivi selvaġġi, jiġifieri dawk l-Istati Membri elenkati fil-Parti B tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistipula l-kondizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali li jreġu l-kummerċ u l-importazzjonijiet fil-Komunità’ ta’ annimali, sperma, bajd u embrijuni li mhumiex suġġetti għall-kondizzjonijiet ta’ saħħa stabbiliti fir-regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (7), fost oħrajn tistipula r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ u l-importazzjonijiet tal-klieb mill-pajjiżi terzi. Ir-rekwiżiti sanitarji fl-Artikoli 10 u 16 ta’ dik id-Direttiva jirreferu għar-Regolament (KE) Nru 998/2003. Għalhekk, fl-interessi tal-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jixraq li l-programmi għall-eradikazzjoni tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fl-organiżmi ospitanti definittivi selvaġġi jitfasslu u jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u għandhom jiddeskrivu partikolarment l-elementi fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/65/KEE.

(19)

Billi ċ-ċaqliq tal-klieb minn żona ħielsa mill-parassita Echinoccocus multilocularis huwa ta’ riskju negliġibbli għat-tifrix tal-marda, ma għandhomx ikunu rikjesti miżuri sanitarji preventivi għal klieb mill-Istati Membri jew partijiet tagħhom elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(20)

L-Isvezja rrappurtat każijiet ta’ infezzjonijiet tal-Echinoccocus multilocularis fil-fawna selvaġġa minn Jannar 2011 ‘l hawn, filwaqt li r-riżultati li bagħtu lill-Kummissjoni l-Irlanda, il-Finlandja u r-Renju Unit tas-sorveljanza tagħhom għall-parassita Echinoccocus multilocularis fl-organiżmi ospitanti definittivi selvaġġi jappoġġaw id-dikjarazzjoni tagħhom li l-parassita huwa assenti mill-ekosistemi rispettivi tagħhom.

(21)

Malta bagħtet evidenza li fuq il-gżira ma hemmx annimali selvaġġi li huma organiżmi ospitanti definittivi xierqa, li l-parassita Echinococcus multilocularis qatt ma ġie rreġistrat fl-organiżmi ospitanti definittivi domestiċi indiġeni u li l-ambjent ma jappoġġax popolazzjoni sinifikanti ta’ organiżmi ospitanti intermedji potenzjali.

(22)

Mill-informazzjoni mibgħuta mill-Irlanda, Malta, il-Finlandja u r-Renju Unit, joħroġ ċar li dawk l-Istati Membri jikkonformaw ma’ waħda mill-kundizzjonijiet biex jiġu elenkati fil-Parti A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament għat-territorju sħiħ tagħhom. Għalhekk, għandhom jitħallew japplikaw il-miżuri sanitarji preventivi stipulati f’dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2012, meta tiskadi l-miżura tranżizzjonali prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

(23)

Skont l-opinjoni tal-EFSA tal-2006, it-twaqqigħ tal-bajd infettiv tal-parassita Echinococcus multilocularis ma jibdiex qabel 28 jum mill-inġestjoni tal-organiżmu ospitanti intermedju infettat. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistipula l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ derogi fil-każ li klieb li jkunu se jdumu inqas minn 28 jum wara l-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi fit-territorju tal-Istati Membri jew partijiet minnhom elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, billi ma hemmx riskju li dawk il-klieb jintroduċu l-parassita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb maħsuba għal movimenti mhux kummerċjali fit-territorji tal-Istati Membri jew partijiet minnhom, u li jiġu determinati fuq il-bażi ta’:

(a)

in-nuqqas tal-parassita Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi; jew

(b)

l-implimentazzjoni ta’ programm għall-eradikazzjoni tal-parassita Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi selvaġġi, f’perjodu ta’ żmien definit.

Artikolu 2

Applikazzjoni ġeografika tal-miżuri sanitarji preventivi

1.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom japplikaw il-miżuri sanitarji preventivi previsti fl-Artikolu 7 (“il-miżuri sanitarji preventivi”) lil klieb maħsuba għal movimenti mhux kummerċjali u li jidħlu fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri jew partijiet tagħhom elenkati fl-Anness.

2.   L-Istati Membri elenkati fil-Parti A tal-Anness I ma għandhomx japplikaw il-miżuri sanitarji preventivi lill-klieb maħsuba għal movimenti mhux kummerċjali li jiġu direttament minn Stat Membru ieħor elenkat f’dik il-Parti jew partijiet minnu.

3.   L-Istati Membri elenkati fil-Parti B tal-Anness I ma għandhomx japplikaw il-miżuri sanitarji preventivi lill-klieb maħsuba għal movimenti mhux kummerċjali li jiġu direttament minn Stat Membru ieħor elenkat fil-Parti A jew partijiet minnu.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet biex l-Istati Membri jew partijiet minnhom jiġu elenkati fil-Parti A tal-Anness I

L-Istati Membri għandhom jiġu elenkati fil-Parti A tal-Anness I, għat-territorju kollu jew partijiet minnu, meta jkunu bagħtu applikazzjoni lill-Kummissjoni li tiddokumenta l-konformità tagħhom ma’ mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

ikunu ddikjaraw, skont il-proċedura rrakkomandata fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1.4.6. tal-Kapitkolu 1.4 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri, l-Edizzjoni tal-2010, il-Volum 1, tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), li t-territorju kollu tagħhom jew parti minnu huwa ħieles mill-infezzjoni tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi, u hemm fis-seħħ regoli biex l-infezzjonijiet tal-Echinococcus multilocularis f’annimali ospitanti jiġu notifikati b’mod obbligatorju skont il-liġi nazzjonali;

(b)

matul il-15-il sena qabel id-data ta’ dik l-applikazzjoni u mingħajr ma ġie applikat programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu, ma ġietx irreġistrata okkorrenza ta’ infezzjoni tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti bil-kundizzjoni li fl-10 snin ta’ qabel id-data ta’ dik l-applikazzjoni ġew sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet:

(i)

kienu fis-seħħ regoli biex l-infezzjonijiet tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti jkollhom jiġu notifikati b’mod obbligatorju skont il-liġi nazzjonali;

(ii)

kien hemm fis-seħħ sistema ta’ individwazzjoni minn kmieni għall-infezzjonijiet tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti;

(iii)

kien hemm fis-seħħ miżuri xierqa għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-parassita Echinococcus multilocularis mill-annimali ospitanti definittivi domestiċi;

(iv)

mhuwiex magħruf li l-infezzjoni bil-parassita Echinococcus multilocularis hija stabbilita fl-annimali ospitanti selvaġġi fit-territorju tagħhom;

(c)

implimentaw, għal tliet perjodi ta’ 12-il xahar qabel id-data ta’ dik l-applikazzjoni, programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness II u ma ġietx irreġistrata xi okkorrenza ta’ infezzjoni tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi selvaġġi, u dawn l-okkorrenzi jkunu notifikabbli b’mod obbligatorju skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet biex l-Istati Membri jew partijiet minnhom jiġu elenkati fil-Parti B tal-Anness I

L-Istati Membri għandhom jiġu elenkati fil-Parti B tal-Anness I għal mhux iktar minn ħames perjodi ta’ sorveljanza ta’ 12-il xahar kull wieħed, fejn ikunu bagħtu lill-Kummissjoni applikazzjoni li tiddokumenta li:

(a)

f’konformità mal-inċiżi fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/65/KEE ġie implimentat programm obbligatorju għall-eradikazzjoni tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi selvaġġi fit-territorju kollu li għandu jiġi elenkat f’dik il-Parti jew parti minnu;

(b)

hemm fis-seħħ regoli biex l-infezzjonijiet tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti jiġu notifikati b’mod obbligatorju skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Obbligi tal-Istati Membri elenkati fl-Anness I

1.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom ikollhom fis-seħħ:

(a)

regoli biex l-infezzjonijiet tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti jiġu notifikati b’mod obbligatorju skont il-liġi nazzjonali;

(b)

sistema ta’ individwazzjoni minn kmieni għall-infezzjonijiet tal-Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti.

2.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom jimplimentaw programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu li jitfassal u jitwettaq skont l-Anness II.

3.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-individwazzjoni ta’ kull infezzjoni ta’ Echinococcus multilocularis f’kampjuni meħuda minn annimali ospitanti definittivi selvaġġi:

(a)

matul il-perjodu preċedenti ta’ sorveljanza ta’ 12-il xahar, fil-każ tal-Istati Membri jew partijiet tagħhom elenkati fil-Parti A tal-Anness I; jew

(b)

wara l-ewwel perjodu ta’ 24 xahar wara l-bidu tal-programm obbligatorju stipulat fl-Artikolu 4 għall-eradikazzjoni tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi selvaġġi fl-Istati Membri jew partijiet tagħhom elenkati fil-Parti B tal-Anness I.

4.   L-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni r-riżultat tal-programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu msemmi fil-paragrafu 2 sal-31 ta’ Mejju wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ sorveljanza ta’ 12-il xahar.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-Istati Membri jew partijiet tagħhom mill-Anness I

Il-Kummissjoni għandha tneħħi lill-Istati Membri jew partijiet tagħhom mil-lista rispettiva stipulata fl-Anness I meta:

(a)

il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) ma jkunux għadhom japplikaw; jew

(b)

tkun ġiet individwata l-okkorrenza ta’ infezzjoni Echinococcus multilocularis fl-annimali ospitanti definittivi matul il-perjodi ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 5(3); jew

(c)

ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 5(4) ma ġiex mgħoddi lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 5(4); jew

(d)

il-programm ta’ eradikazzjoni previst fl-Artikolu 4 jkun twaqqaf.

Artikolu 7

Miżuri sanitarji preventivi

1.   Il-klieb maħsuba għall-movimenti mhux kummerċjali fl-Istati Membri jew partijiet minnhom elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ttrattati kontra l-forom intestinali maturi u immaturi tal-parassita Echinococcus multilocularis fi żmien perjodu ta’ mhux iktar minn 120 siegħa u mhux inqas minn 24 siegħa qabel id-dħul skedata f’dawn l-Istati Membri jew partijiet minnhom.

2.   It-trattament previst fil-paragrafu 1 għandu jingħata minn veterinarju u għandu jikkonsisti minn prodott mediċinali:

(a)

li fih id-doża xierqa ta’:

(i)

praziquantel; jew

(ii)

sustanzi attivi farmakoloġikament, li waħidhom jew flimkien, ikunu ppruvati li jnaqqsu l-ammont ta’ forom intestinali maturi u immaturi tal-parassita Echinococcus multilocularis fl-ispeċi ospitanti kkonċernata;

(b)

li jkun ingħata:

(i)

awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/82/KE jew l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004; jew

(ii)

approvazzjoni jew liċenzja mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz minn fejn ġej il-kelb maħsub għall-moviment mhux kummerċjali.

3.   It-trattament previst fil-paragrafu 1 għandu jkun iċċertifikat minn:

(a)

il-veterinarju li jamministrah fit-taqsima relevanti tal-passaport mudell stabbilit mid-Deċiżjoni 2003/803/KE, fil-każ ta’ moviment mhux kummerċjali tal-klieb ġewwa l-UE stess; jew

(b)

veterinarju uffiċjali fit-taqsima relevanti tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit mid-Deċiżjoni 2004/824/KE, fil-każ ta’ moviment mhux kummerċjali tal-klieb minn pajjiż terz.

Artikolu 8

Deroga mill-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji preventivi

1.   B’deroga mill-Artikolu 7(1), il-moviment mhux kummerċjali fl-Istati Membri jew partijiet tagħhom elenkati fl-Anness I għandu jkun permess għal klieb li jkunu ġew soġġetti għall-miżuri sanitarji preventivi kif previst:

(a)

fl-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 7(3)(a), mill-inqas darbtejn f’intervall ta’ mhux iktar minn 28 jum u t-trattament jiġi ripetut sussegwentement f’intervalli regolari ta’ mhux iktar minn 28 jum;

(b)

fl-Artikolu 7(2) u (3), mhux inqas minn 24 hours qabel id-dħul, u mhux iktar minn 28 jum qabel id-data tat-tlestija tat-tranżitu, f’liema każ dawk il-klieb għandhom jgħaddu minn punt tad-dħul tal-vjaġġaturi elenkat minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

2.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għall-movimenti ta’ klieb li jidħlu f’dawk l-Istati Membri jew partijiet tagħhom elenkati fl-Anness I li jkunu:

(a)

innotifikaw lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet għall-kontroll ta’ dawn il-movimenti; u

(b)

ippubblikaw dawn il-kundizzjonijiet.

Artikolu 9

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tirrevedi dan ir-Regolament mhux iktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi dwar l-infezzjoni Echinococcus multilocularis fl-annimali;

(b)

tibgħat ir-riżultati tar-reviżjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Ir-reviżjoni għandha tevalwa partikolarment il-proporzjonalità u l-ġustifikazzjoni xjentifika tal-miżuri sanitarji preventivi.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(2)  The EFSA Journal (2006) 441, 1–54 (http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/441.pdf).

(3)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 312, 27.11.2003, p. 1.

(6)  ĠU L 358, 3.12.2004, p. 12.

(7)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.


ANNESS I

PARTI A

Lista ta’ Stati Membri jew partijiet minnhom li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3

Kodiċi ISO

Stat Membru

Il-parti tat-territorju

FI

IL-FINLANDJA

It-territorju kollu

GB

IR-RENJU UNIT

It-territorju kollu

IE

L-IRLANDA

It-territorju kollu

MT

MALTA

It-territorju kollu


PARTI B

Lista ta’ Stati Membri jew partijiet minnhom li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4

Kodiċi ISO

Stat Membru

Il-parti tat-territorju

 

 

 


ANNESS II

Ir-rekwiżiti għall-programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu previst fil-punt (c) tal-Artikolu 3

1.

Il-programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu għandu jitfassal biex jindividwa għal kull unità ġeografika epidemjoloġikament relevanti fl-Istat Membru jew parti minnu prevalenza ta’ mhux iktar minn 1 % f’livell ta’ fiduċja ta’ għallinqas 95 %.

2.

Il-programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu għandu juża kampjuni xierqa, abbażi tar-riskju jew rappreżentattivi, li jiżguraw l-individwazzjoni tal-parassita Echinococcus multilocularis jekk ikun preżenti fi kwalunkwe parti tal-Istat Membru fil-prevalenza speċifikata fil-punt 1.

3.

Il-programm ta’ sorveljanza speċifiku għall-patoġenu għandu jikonsisti fil-ġbir, matul il-perjodu ta’ sorveljanza ta’ 12-il xahar, ta’ kampjuni mill-annimali ospitanti definittivi selvaġġi jew, fil-każ fejn hemm evidenza tan-nuqqas ta’ annimali ospitanti definittivi selvaġġi, mill-annimali ospitanti definittivi domestiċi, u li għandhom jiġu analizzati bl-eżaminazzjoni ta’:

(a)

il-kontenut intestinali għall-individwazzjoni tal-parassita Echinococcus multilocularis bil-metodu tas-sedimentazzjoni u l-għadd (SCT - sedimentation and counting technique), jew b’metodu ta’ sensittività u speċifiċità ekwivalenti; jew

(b)

il-feċi għall-individwazzjoni tal-aċidu deossiribonukleiku (DNA) speċifiku għall-ispeċi mit-tessut jew bajd tal-parassit tal-Echinococcus multilocularis permezz tar-reazzjoni tal-katina tal-polimerażi (PCR), jew metodu ta’ sensittività u speċifiċità ekwivalenti.


Top