EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0698

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/698/PESK tal- 20 ta’ Ottubru 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/486/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

OJ L 276, 21.10.2011, p. 47–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/10/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/698/oj

21.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/47


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2011/698/PESK

tal-20 ta’ Ottubru 2011

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/486/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/486/PESK tal-1 ta’ Awwissu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/486/PESK.

(2)

Fl-4 ta' Ottubru 2011, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit skont il-paragrafu 30 tar-Riżoluzzjoni 1988 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà, approva ż-żieda ta' tliet persuni fil-lista tal-individwi, il-gruppi, l-impriżi u l-entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/486/PESK għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom jiżiedu mal-lista imniżżla mal-Anness għad-Deċiżjoni 2011/486/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SAWICKI


(1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 57.


ANNESS

LISTA TA' PERSUNI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

(1)

Faizullah Noorzai Akhtar Mohammed Mira Khan (magħruf bħala: (a) Hajji Faizullah Khan Noorzai, (b) Haji Faizuulah Khan Norezai, (c) Haji Faizullah Khan, (d) Haji Fiazullah Khan, (e) Haji Faizullah Khan Noori, (f) Haji Faizullah Noor, (g) Haji Pazullah Noorzai, (h) Haji Mullah Faizullah).

Titlu: Haji. Indirizz: Triq Boghra, Miralzei Village, Chaman, Provinċja ta' Baluchistan, Pakistan.

Data tat-twelid: (a) 1962, (b) 1961, (c) bejn 1968 u 1970.

Post tat-twelid: (a) Lowy Kariz, Distrett Spin Boldak, Provinċja ta' Kandahar, fl-Afganistan, (b) Kadanay, Distrett Spin Boldak Provinċja ta' Kandahar, fl-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana.

Informazzjoni oħra: (a) Finanzier prominenti Taliban. (b) Minn nofs l-2009, ipprovda armi, munizzjon, splussivi u tagħmir mediku għall-ġellieda Talibani; ġabar fondi għat-Taliban, u pprovda taħriġ għalihom, fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan/Pakistan. (c) Qabel organizza u ffinanzja operazzjonijiet Talibani fil-Provinċja ta' Kandahar, fl-Afganistan. (d) Mill-2010, ivvjaġġa lejn u kellu negozji f'Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda, u l-Ġappun. (e) Jappartjeni għat-tribù Nurzai, is-sottotribù Miralzai. (f) Ħu Malik Noorzai. (g) Isem il-missier huwa Akhtar Mohammed (magħruf bħala: Haji Mira Khan).

Data tan-nomina tan-NU: 04.10.2011.

Informazzjoni addizzjonali mis-sinteżi tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Faizullah Noorzai Akhtar Mohammed Mira Khan serva bħala finanzier prominenti Taliban li miegħu investew fondi l-mexxejja kbar Talibani. Huwa ġabar aktar minn USD 100 000 għat-Taliban mid-donaturi fil-Golf u fl-2009 ta somma mill-flus tiegħu stess. Huwa appoġġa finanzjarjament ukoll lill-kmandant Taliban fil-Provinċja ta' Kandahar u pprovda fondi biex jgħin fit-taħriġ tal-ġellieda Talibani u tal-Al-Qaida li kellhom imexxu l-attakki kontra l-Koalizzjoni u l-forzi militari Afgani. Minn nofs l-2005, Faizullah organizza u ffinanzja operazzjonijiet tat-Taliban fil-Provinċja ta' Kandahar, fl-Afganistan. Minbarra l-appoġġ finanzjarju tiegħu, Faizullah iffaċilita b'mod ieħor it-taħriġ u l-operazzjonijiet Talibani. F'nofs l-2009, Faizullah ipprovda armi, munizzjon, splussivi u tagħmir mediku għall-ġellieda Talibani min-Nofsinhar tal-Afganistan. Minn nofs l-2008, Faizullah kien responsabbli għall-akkomodazzjoni ta' qattiela suwiċidi bil-bombi Talibani u li jittrasferihom mill-Pakistan għall-Afganistan. Faizullah ipprovda wkoll missili kontra inġenji tal-ajru għat-Taliban, għen biex imexxi lill-ġellieda Talibani madwar il-Provinċja ta' Helmand, fl-Afganistan, iffaċilita l-operazzjonijiet suwiċida bil-bombi Talibani, u ta radji u vetturi lill-membri Talibani fil-Pakistan.

F'nofs l-2009, Faizullah mexxa madrassa (skola reliġjuża) fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan/Pakistan, fejn inġabru għexieren ta' eluf ta' dollari għat-Taliban. L-artijiet tal-madrassa ta' Faizullah intużaw biex jipprovdu taħriġ għall-ġellieda tat-Taliban fil-bini u l-użu ta' apparat splussiv improvizzat (IEDs). Tard fl-2007, il-madrassa ta' Faizullah serviet biex tħarreġ lill-ġellieda tal-Al-Qaida li iktar tard intbagħtu fil-Provinċja ta' Kandahar, fl-Afganistan.

Fl-2010, Faizullah kellu uffiċini u possibbilment proprjetajiet, inklużi lukandi, f'Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda. Faizullah ivvjaġġa b'mod regolari lejn id-Dubai u l-Ġappun ma' ħuh, Malik Noorzai (TI.N.154.11), biex jimporta karozzi, parts tal-karozzi, u ħwejjeġ. Kmieni fl-2006, Faizullah kellu negozji f'Dubai u fil-Ġappun.

(2)

Malik Noorzai (magħruf bħala: (a) Hajji Malik Noorzai, (b) Hajji Malak Noorzai, (c) Haji Malek Noorzai, (d) Haji Maluk, (e) Haji Aminullah.

Titlu: Haji. Data tat-twelid: (a) 1957, (b) 1960.

Ċittadinanza: Afgana.

Informazzjoni oħra: (a) Finanzier Taliban. (b) Għandu negozji fil-Ġappun u jivvjaġġa spiss lejn id-Dubai, l-Emirati Għarab Maqgħuda, u l-Ġappun. (c) Mill-2009, iffaċilita l-attivitajiet Talibani, inkluż permezz tar-reklutaġġ u l-forniment ta' appoġġ loġistiku. (d) Huwa maħsub li jinsab fiż-żona tal-fruntiera bejn l-Afganistan/l-Pakistan. (e) Jappartjeni għat-tribù Nurzai. (f) Ħu Faizullah Noorzai Akhtar Mohammed Mira Khan.

Data tan-nomina tan-NU: 04.10.2011.

Informazzjoni addizzjonali mis-sinteżi tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Malik Noorzai huwa negozjant ibbażat fil-Pakistan li pprovda appoġġ finanzjarju lit-Taliban. Malik u ħuh, Faizullah Noorzai Akhtar Mohammed Mira Khan (TI.M.153.11), investew miljuni ta' dollari f'diversi negozji għat-Taliban. Tard fl-2008, ir-rappreżentanti tat-Taliban ikkuntattjaw lil Malik bħala negozjant li miegħu jinvestu fondi Talibani. Sa mill-inqas l-2005, Malik ikkontribwixxa personalment ukoll għexieren ta' eluf ta' dollari u qassam mijiet ta' eluf ta' dollari lit-Taliban, li uħud minnhom inġabru minn donaturi fir-reġjun tal-Golf u l-Pakistan u uħud minnhom kienu l-flus ta' Malik stess. Malik kien responsabbli għal kont hawala fil-Pakistan li rċieva għexieren ta' eluf ta' dollari trasferiti mill-Golf kull ftit xhur biex jiġu appoġġati l-attivitajiet Talibani. Malik iffaċilita wkoll attivitajiet Talibani. Mill-2009, Malik kien serva bħala l-kap gwardjan ta' madrassa (skola reliġjuża), għal 16-il sena fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan/Pakistan, li ntużat mit-Taliban għall-indottrinazzjoni u t-taħriġ ta' rekluti. Fost affarijiet oħra, Malik ta l-fondi li appoġġaw il-madrassa. Malik, flimkien ma' ħuh, kellu rwol fil-ħżin ta' vetturi li jintużaw fl-operazzjonijiet suwiċida bil-bombi Talibani u għen biex imexxi ġellieda Talibani madwar il-Provinċja ta' Helmand, fl-Afganistan. Malik għandu negozji fil-Ġappun u ta' spiss iżur id-Dubai u l-Ġappun għan-negozju. Sa mill-bidu tal-2005, Malik kellu negozju tal-importazzjoni tal-vetturi fl-Afganistan li importa vetturi minn Dubai u l-Ġappun. Huwa importa karozzi, parts tal-karozzi u ħwejjeġ minn Dubai u l-Ġappun għan-negozji tiegħu, li fihom investew żewġ kmandanti Talibani. F'nofs l-2010, Malik u ħuh assiguraw ir-rilaxx ta' mijiet ta' kontejners tal-merkanzija, irrappurtati li jiswew miljuni ta' dollari, li l-awtoritajiet Pakistani ssekwestraw iktar kmieni dik is-sena għax kienu tal-fehma li r-riċevituri kellhom konnessjoni mat-terroriżmu.

(3)

Abdul Aziz Abbasin (magħruf bħala: Abdul Aziz Mahsud).

Data tat-twelid: 1969.

Post tat-Twelid: Sheykhan Village, Żona Pirkowti, Distrett Orgun, Provinċja ta' Paktika, fl-Afganistan.

Informazzjoni oħra: Kmandant ewlieni fin-Netwerk Haqqani taħt Sirajuddin Jallaloudine Haqqani (TI.H.144.07.). Shadow Governor Taliban mid-Distrett Orgun, Provinċja ta' Paktika, fl-Afganistan mill-bidu tal-2010. Opera kamp ta' taħriġ għal ġellieda mhux Afgani fil-Provinċja ta' Paktika. Involut fit-trasport ta' armi lejn l-Afganistan.

Data tan-nomina min-NU: 04.10.2011.

Informazzjoni addizzjonali mis-sinteżi tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdul Aziz Abbasin huwa kmandant ewlieni fin-Netwerk ta' Haqqani, grupp ta' militanti affiljati mat-Taliban li jopera mil-Lvant tal-Afganistan u l-Aġenzija tat-Tramuntana tal-Waziristan fiż-Żoni Tribali Amministrati Federalment tal-Pakistan. Sa minn kmieni fl-2010, Abbasin irċieva ordnijiet minn Sirajuddin Haqqani (TI.H.144.07) u ġie maħtur minnu biex iservi bħala shadow governor Taliban tad-Distrett Orgun, Provinċja ta' Paktika, fl-Afganistan. Abbasin huwa kmandant ta' grupp ta' ġellieda Talibani u għen fit-tmexxija ta' kamp ta' taħriġ għall-ġellieda barranin ibbażati fil-Provinċja ta' Paktika. Abbasin kien involut ukoll fl-attakk b'imbuskata ta' vetturi li jfornu l-forzi tal-gvern Afgan u fit-trasport ta' armi lejn l-Afganistan.


Top