EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0693

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Diċembru 2005 dwar il-pjan ta’ ristrutturar tal-industrija Spanjola tal-faħam u l-għajnuna statali għas-snin 2003-2005, implementata minn Spanja għas-snin 2003 u 2004 (notifikata bid-dokument numru C(2005) 5410) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 271, 18.10.2011, p. 50–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/693/oj

18.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Diċembru 2005

dwar il-pjan ta’ ristrutturar tal-industrija Spanjola tal-faħam u l-għajnuna statali għas-snin 2003-2005, implementata minn Spanja għas-snin 2003 u 2004

(notifikata bid-dokument numru C(2005) 5410)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/693/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu msemmi (1) u filwaqt li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2002, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, pjan ta’ ristrutturar tal-industrija Spanjola tal-faħam skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament(KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (2).

(2)

Permezz tal-ittri tad-19 ta’ Frar 2003 u tal-31 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali. Spanja ppreżentat din l-informazzjoni fl-ittri mibgħuta fit-18 ta’ April 2003 u fit-3 ta’ Ottubru 2003.

(3)

Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Ġunju 2003, Spanja introduċiet l-EKO-Ordni Ministerjali 768/2003 tas-17 ta’ Marzu, li tirregola l-għajnuna lill-industrija tal-minjieri tal-faħam għas-sena 2003.

(4)

Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Awwissu 2003, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, Spanja rrappurtat l-ammont ta’ għajnuna pprovduta lill-kumpanija tal-minjieri għas-sena 2003.

(5)

Permezz tal-ittri tat-18 ta’ Awwissu 2003 u tat-18 ta’ Settembru 2003, Spanja bagħtet informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni, skont kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/871/KE tas-17 ta’ Ottubru 2002 li tistabbilixxi qafas konġunt għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bżonnjuża għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (3).

(6)

Permezz tal-ittra tal-10 Frar 2004, Spanja ppreżentat l-Ordni Ministerjali li tirregola l-għajnuna lill-industrija tal-minjieri tal-faħam għas-sena 2004.

(7)

Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Marzu 2004 l-Kummissjoni infurmat lil Spanja li, wara li analizzat l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4).

(8)

Permezz tal-ittri tat-30 ta’ Ġunju 2004 u tas-16 ta’ Lulju 2004, Spanja pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-pjan ta’ ristrutturar.

(9)

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2005, Spanja ppreżentat l-Ordni Ministerjali li tirregola l-għajnuna lill-industrija tal-minjieri tal-faħam għas-sena 2005.

(10)

Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali. Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Ottubru 2005, Spanja rrispondiet billi pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-pjan ta’ ristrutturar.

(11)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata minn Spanja, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar ir-ristrutturar tal-industrija Spanjola tal-faħam u, f’każ li dik l-opinjoni fuq il-pjan tkun favorevoli, ukoll dwar l-għajnuna għas-snin 2003, 2004 u 2005.

(12)

Għall-pjan ta’ ristrutturar u l-miżuri finanzjarji jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-konformità tal-pjan ta’ ristrutturar mal-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikoli 4 sa 8 u dwar ir-rilevanza tagħhom skont l-għanijiet tar-Regolament imsemmi. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tagħti opinjoni favorevoli dwar il-pjan, għandha tivverifika wkoll, skont l-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament, jekk il-miżuri nnotifikati għas-snin 2003-2005 humiex konformi mal-pjan ta’ ristrutturar u, b’mod ġenerali, jekk l-għajnuna hix kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA FID-DETTALL

(13)

Fit-3 ta’ Ġunju 1998 il-Kummissjoni approvat il-pjan ta’ ristrutturar tal-industrija Spanjola tal-faħam għall-perjodu 1998-2002 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/637/KEFA tat-3 ta’ Ġunju 1998, dwar l- għajnuna minn Spanja għall-industrija tal-faħam fl-1998 (5). Dan il-pjan kien ibbażat fuq il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-Industrija tal-Faħam u l-Iżvilupp Alternattiv tar-Reġjuni tal-Minjieri (1998-2005), li ġie ffirmat fil-15 ta’ Lulju 1997. Il-pjan kien ir-riżultat ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-partijiet interessati fis-settur tal-faħam, u jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpaniji li jirċievu għajnuna. Il-Kummissjoni ħarġet opinjoni pożittiva dwar il-pjan ta’ ristrutturar għall-perjodu 1998-2002 wara li eżaminat il-konformità tiegħu mal-għanijiet ġenerali u speċifiċi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3632/93/KEFA, tat-28 ta’ Diċembru 1993, li tistabbilixxi r-regoli Komunitarji għall-għajnuna mill-Istati Membri lill-industrija tal-faħam (6).

(14)

Peress li l-Gvern Spanjol kellu l-intenzjoni li jagħti għajnuna lill-industrija tal-faħam wara li jiskadi t-Trattat tal-KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, u skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(10) tiegħu, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2002 dwar Pjan proviżorju ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam u l-għeluq ta’ unitajiet tal-produzzjoni għall-perjodu 2003-2005.

(15)

Dan il-pjan ta’ ristrutturar jirreferi għall-intenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jkomplu jappoġġjaw lill-industrija tal-faħam tul il-perjodu mill-2003 sal-2005 billi tingħata għajnuna kemm għall-produzzjoni kif ukoll biex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali tal-proċess ta’ ristrutturar. Din il-proposta għall-perjodu li jispiċċa fl-2005 tassumi li jinżamm l-isforz magħmul mill-impriżi u mill-ħaddiema biex jirristrutturaw lill-industrija tul il-perjodu 1998-2002, fuq il-bażi tal-pjan Spanjol għar-ristrutturar tal-industrija 1998-2005, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, jiġifieri, volum iżgħar prodott b’inqas għajnuna u inqas persunal, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni.

(16)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li r-realtà soċjali għandha tkun waħda mill-kriterji sabiex jiġi deċiż liema unitajiet ta’ produzzjoni għandhom jinżammu f’livell minimu ta’ attività sabiex ikun żgurat aċċess għar-riservi tal-faħam. Kriterji oħra għandhom ikunu l-eżistenza ta’ suq tal-faħam, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-liġijiet ambjentali, li jiddeterminaw liema impjanti tal-enerġija jistgħu jkomplu joperaw.

(17)

Minbarra l-kriterji msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet Spanjoli kkunsidraw li t-tnaqqis ġenerali tal-għajnuna proposta fil-pjan 2003-2005 se jikkawża li l-kumpaniji jitolbu tnaqqis fil-kapaċità volontarja. Il-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-għeluq ta’ unitajiet tal-produzzjoni awtomatikament tfisser tnaqqis fil-kapaċità, b’tali mod li, sat-tmiem tal-2005, dan se jkun ta’ madwar it-12-il miljun tunnellata proposti bħala l-mira. L-awtoritajiet Spanjoli assiguraw lill-Kummissjoni li l-għajnuna għall-għeluq tal-kapaċità ta’ produzzjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, se tintuża biss biex tkopri l-ispejjeż ta’ dan l-għeluq ta’ unitajiet.

(18)

L-ekonomija u l-impjiegi fiż-żoni tal-minjieri għadhom ferm taħt il-livell li kien hemm qabel ir-ristrutturar tas-settur. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Spanjoli ħabbru li għandhom bżonn iktar żmien sabiex jimplimentaw politiki ta’ żvilupp ekonomiku u impjieg alternattiv għall-minjieri tal-faħam. Mhux possibbli li jiġi aċċellerat il-proċess tal-konverżjoni tal-minjieri tal-faħam f’livell akbar milli dak antiċipat fil-pjanijiet. L-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-proċess ta’ ristrutturar ilu jopera biss ħames snin, ħafna inqas minn f’pajjiżi oħra li kellhom industrija tal-faħam sinifikanti.

(19)

L-awtoritajiet Spanjoli użaw l-għażla prevista fl-Artikolu 9(8) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, fejn l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni, għal raġunijiet ġustifikati, rigward l-identifikazzjoni ta’ kull waħda mill-unitajiet ta’ produzzjoni li jagħmlu parti mill-pjanijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 6 ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn Ġunju 2004.

(20)

Skont id-Deċiżjoni 2002/871/KE, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw ukoll lill-Kummissjoni rigward l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni fis-sena finanzjarja 2001-2002 u l-perjodu 2003-2005.

(21)

Skont id-definizzjoni ta’ “unità ta’ produzzjoni” fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/871/KE, il-kumpaniji kollha tas-settur tal-industrija tal-faħam, ħlief Hunosa, iddefinixxew l-oqsma tagħhom ta’ minjieri ta’ taħt l-art u l-infrastruttura relatata bħala “unità ta’ produzzjoni ta’ taħt l-art” waħda, u l-postijiet tagħhom ta’ minjieri fil-wiċċ u l-infrastrutturi relatati, bħala “unità ta’ produzzjoni opencast” waħda.

L-unitajiet ta’ produzzjoni rrappurtati u l-produzzjoni għas-sena ta’ referenza (2001/2002) huma dawn li ġejjin:

Unità ta’ produzzjoni

S: ta’ taħt l-art

CA: opencast

Kapaċità ta’ produzzjoni tas-sena ta’ referenza

(tef: tunnellati ta’ ekwivalenti f’faħam)

Alto Bierzo, S.A.

S

104 405

Antracitas de Arlanza, S.L.

S

10 360

Antracitas de Guillón, S.A.

S

57 100

Antracitas La Granja, S.A.

S

51 550

CA

8 930

Antracitas de Tineo, S.A.

S

50 100

Campomanes Hermanos, S.A.

S

43 320

CARBONAR, S.A.

S

320 000

Carbones de Arlanza, S.A.

S

25 332

Carbones de Linares, S.L.

S

12 817

Carbones del Puerto. S.A.

S

3 400

Carbones El Túnel, S.L.

S

17 420

Carbones de Pedraforca, S.A.

S

75 110

Carbones San Isidro y María, S.L.

S

31 920

Compañía General Minera de Teruel, S.A.

S

21 000

CA

71 000

Coto Minero del Narcea, S.A.

Monasterio

S

9 000

Brañas

S

69 000

Coto Minero Jove, S.A.

S

82 334

E.N. Carbonífera del Sur, S.A.

Pozo María

S

18 210

Peñarroya

CA

381 240

Emma, Puerto Llano

CA

464 040

ENDESA, S.A. (TERUEL)

Andorra

S

55 070

Andorra

CA

354 310

González y Díez, S.A.

Tineo

S

113 098

Buseiro

CA

16 605

Hijos de Baldomero García, S.A.

S

60 340

Hullas de Coto Cortes, S.A.

S

282 120

CA

48 340

Hullera Vasco-Leonesa, S.A.

S

713 533

CA

320 882

INCOMISA, S.A.

S

9 370

La Carbonífera del Ebro, S.A.

S

38 426

MALABA, S.A.

S

26 310

Mina Adelina, S.A.

S

8 200

Mina Escobal, S.L.

S

3 079

Mina La Sierra, S.A.

S

5 560

Mina Los Compadres, S.L.

S

5 610

Minas de Navaleo, S.L.

S

19 636

Minas de Valdeloso, S.L.

S

9 870

Minas del Principado, S.A.

S

16 903

MINEX, S.A.

S

59 520

Minera del Bajo Segre, S.A.

S

25 164

Minero Siderurgia de Ponferrrada S.A.

S

643 000

CA

154 000

Muñoz Solé Hermanos, S.A.

S

23 141

Promotora de Minas del Carbón

CA

50 580

S.A. Catalano-Aragonesa

S

324 550

CA

504 800

Unión Minera del Norte, S.A. (UMINSA)

S

736 430

CA

86 850

Unión Minera Ebro-Segre, S.A. (UMESA)

S

14 090

Viloria Hermanos, SA.

S

73 964

CA

29 844

Virgilio Riesco S.A.

S

24 680

Mina La Camocha

S

 

HUNOSA – Aller

S

314 000

HUNOSA – Figaredo

S

89 000

HUNOSA – San Nicolás

S

110 000

HUNOSA – Montsacro

S

107 000

HUNOSA – Carrio

S

105 000

HUNOSA – Sotón

S

86 000

HUNOSA – María Luisa

S

172 000

HUNOSA – Candil

S

94 000

HUNOSA – Pumarabule

S

73 000

Total (Tef)

 

8 023 203

(22)

Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2003, l-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-unitajiet ta’ produzzjoni ta’ taħt l-art ta’ Endesa, u Antracitas de Guillón Encasur SA kienu se jagħlqu fl-2005 u li l-kumpanija Promotora de Minas de C SA. (PMC) kellha tagħlaq l-unità opencast tagħha.

2.1.   Tnaqqis ta’ għajnuna operattiva

(23)

Għall-kumpaniji tal-minjieri tal-faħam, it-tnaqqis tal-għajnuna li tkopri d-defiċit tal-operat previst huwa ta’ 4 % fis-sena għas-snin 2003, 2004 u 2005, ħlief fil-każ ta’ Hunosa, li se jkollu medja ta’ tnaqqis annwali ta’ 5.75 %.

2.2.   Kapaċità ta’ produzzjoni

(24)

Fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni, il-Gvern Spanjol ippropona li jagħti għajnuna għal kapaċità ta’ bejn wieħed u ieħor 12-il miljun tunnellata fl-2005. Fl-2002 il-produzzjoni kienet qrib it-13 400 000 tunnellata.

2.3.   Baġit

(25)

L-ammont totali ta’ għajnuna operattiva u l-ispejjeż tekniċi u soċjali rappurtati huma:

(f’EUR)

Sena

Għajnuna operattiva (7)

Spejjeż tekniċi (8)

Kostijiet soċjali (9)

2003

568 647 000

81 299 000

469 072 000

2004

539 854 000

82 987 000

490 112 000

2005

513 046 000

96 739 000

484 866 000

(26)

Għal dak li jirrigwarda s-snin 2006-2007, l-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw li preżentement mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti miri speċifiċi għal dak il-perjodu. Għalhekk, huma jipproponu li titkompla titnaqqas l-għajnuna għal rata annwali ta’ 4 %. Ladarba jintlaħaq qbil dwar il-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam, għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni d-dettalji tad-distribuzzjoni tal-għajnuna u tal-produzzjoni (f’tunnellati).

2.4.   Il-pjan ta’ Hunosa

(27)

L-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw f’aktar dettall il-pjan għall-kumpanija pubblika tal-minjieri Hunosa. Għall-perjodu 2002-2005 huwa mistenni tnaqqis fil-kapaċità, li jinżel minn 1 800 000 tunnellata fl-2001 għal 1 340 000 tunnellata fl-2005. L-għajnuna biex tkopri d-defiċit operattiv titnaqqas minn 321 091 000 EUR fl-2001 għal 239 281 000 EUR fl-2005.

(28)

L-għanijiet ewlenin tal-Pjan ta’ Hunosa 2002-2005 kienu, l-ewwel nett, ir-ristrutturar tal-kumpanija u t-tnaqqis tat-telf, b’tali mod li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Hunosa fil-baċir ċentrali Asturjan mill-miżuri ta’ tnaqqis ta’ attività meħtieġa skont il-pjan nazzjonali tal-minjieri u l-leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, kien meħtieġ li jiġu stabbiliti s-sisien għall-iżvilupp futur taż-żona li jinsab fiha l-baċir ċentrali Asturjan, billi jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġġeneraw l-impjiegi alternattivi fil-minjieri tal-faħam. Il-pjan finalment jinvolvi t-tnaqqis tat-telf kurrenti ta’ Hunosa b’aktar minn 30 % u tnaqqis ta’ 33,6 % fil-persunal tagħha, u b’hekk ikun hemm żieda ta’ 21,4 % fil-produttività.

(29)

Il-Pjan ta’ Hunosa jipprovdi għall-implimentazzjoni ta’ sett ta’ miżuri mfassla sabiex jiżguraw li jitnaqqsu l-livelli ta’ produzzjoni. L-ewwel nett, ġie deċiż li jingħalqu tnejn mid-disa’ unitajiet ta’ produzzjoni eżistenti. Ma’ dawn se jiżdied ukoll l-għeluq tal-post tal-ħasil. L-għeluq ta’ dawn it-tliet ċentri tal-produzzjoni jirrappreżenta 25 % tal-kapaċità produttiva. It-tieni nett, ittieħdu passi għat-titjib massimu tal-produttività, li jiffokaw fuq l-għażla tad-depożiti, il-livell ta’ modernizzazzjoni u l-proċess tal-ħasil. L-isforzi kienu ffukati fuq il-bjar li joffru l-akbar produttività, l-inqas spejjeż totali u l-ogħla kwalità. Fil-bidu, parti mill-produzzjoni għandha tkun irriservata għall-impjant ta’ enerġija fil-qrib u Hunosa kellha tipprovdi ammont annwali ta’ faħam fis-sena ekwivalenti għal 100 jum ta’ konsum. It-tielet nett, dan it-tnaqqis ippjanat fl-attività jagħmel meħtieġ li jitnaqqas il-persunal. Fl-aħħar nett, bħala riżultat tal-miżuri mwettqa, il-produzzjoni matul il-perjodu ta’ eżistenza tal-Pjan se tonqos b’26,1 % globalment minn 1 800 000 tunnellata fl-2001 għal 1 340 000 tunnellata fl-2005.

(30)

Il-Pjan ta’ Hunosa ppreveda l-impjieg ta’ 550 ħaddiem ġdid matul il-perjodu 2002-2005. L-awtoritajiet Spanjoli żguraw li dawn il-ħaddiema ġodda, f’każ li jkun meħtieġ li jiġu impjegati, ikunu jikkonsistu f’persuni qiegħda minn kumpaniji oħra tal-minjieri magħluqa preċedentement, ħlief f’żewġ każijiet speċifiċi: ir-reklutaġġ ta’ speċjalisti u ta’ dixxendenti fl-ewwel grad ta’ ħaddiema ta’ Hunosa li mietu f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

(31)

L-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw l-ispejjeż għal kull tef li ġejjin tal-unitajiet ta’ produzzjoni ta’ Hunosa li pproponew li jżommu miftuħa matul il-perjodu ta’ ristrutturar:

Unità ta’ produzzjoni

Ħlas medju (EUR/tef)

Tnaqqis (%)

Sena 2001

Sena 2005

Aller

271

237

12,5

San Nicolás

429

317

26,1

Montsacro

342

251

26,6

Carrio

261

223

14,5

Sotón

376

304

19,1

Mo Luisa

371

331

10,8

Candil

411

340

17,3

Medja

344

278

19,2

(32)

L-awtoritajiet Spanjoli kkunsidraw li dan it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, stmat għal madwar 20 % matul il-perjodu 2002-2005, juri l-possibiltajiet ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ Hunosa, u li din ix-xejra tista’ tkompli tissaħħaħ fil-futur. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, dan it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ 25 % fl-għajnuna lill-kumpanija, u li din it-tendenza tista’ tiżdied fil-ġejjieni.

(33)

Skont l-għanijiet tal-Pjan, huwa propost li tiġi mwettqa sensiela ta’ inizjattivi sabiex jiġi inkoraġġit il-ħolqien ta’ struttura ekonomika li tipprovdi alternattiva għall-industrija tal-faħam fiż-żona ġeografika ta’ attività ta’ Hunosa. F’dan is-sens, l-awtoritajiet Spanjoli u t-trade unions laħqu kompromess sabiex, permezz ta’ politiki varji ta’ dan il-Pjan, jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ 650 impjieg fil-baċir ċentrali Asturjan matul il-perjodu 2002-2005.

(34)

F’dak li jirrigwarda għajnuna sabiex jiġu koperti l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturar u d-djun li jintirtu li jakkumpanjaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi dwar il-konċentrazzjoni u l-għażla ta’ depożiti u l-aġġustamenti korrispondenti tal-kapaċità, l-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li huma meħtieġa miżuri soċjali, b’mod partikolari sabiex jiffinanzjaw l-iskema ta’ rtirar kmieni. L-għajnuna li permezz tagħha se jintlaħqu dawn il-miżuri u oħrajn proposti se tonqos gradwalment.

(35)

It-tabella li ġejja turi t-tnaqqis tal-persunal u l-ammonti totali ta’ għajnuna li għandha tingħata skont il-Pjan ta’ Hunosa, kif propost fil-pjan ta’ ristrutturar.

Sena

Persunal fl-aħħar tas-sena

Għajnuna għat-tnaqqis tal-attività (10)

(f’EUR)

Għajnuna għal spejjeż eċċezzjonali (11)

(f’EUR)

2003

4 902

271 593 000

302 557 000

2004

4 437

254 682 000

298 983 000

2005

4 079

239 281 000

286 203 000

(36)

Permezz tal-ittra tat-22 ta’ April 2003, l-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-Pjan ta’ Hunosa kellu l-għan, fost affarijiet oħra, li jżomm produzzjoni minima ta’ faħam, bħala miżura ta’ prekawzjoni, sabiex jiġi żgurat l-aċċess għar-riżervi.

(37)

F’din l-ittra, l-awtoritajiet Spanjoli ġġustifikaw li l-produzzjoni minima ta’ Hunosa għas-sena 2005 tilħaq il-figura ta’ 1 340 000 tunnellata, sabiex jintlaħqu 30 % tal-ħtiġijiet (100 jum) tal-impjanti elettriċi qrib il-minjieri tal-kumpanija, u pproponew li jiġi applikat l-istess kriterju wara l-2005. Huma kkunsidraw ukoll li ż-żamma ta’ produzzjoni strateġika fil-viċinanza tal-impjanti kien għan ta’ prijorità tal-pjan ta’ aċċess għar-riservi.

2.5.   Tul tal-iskema

(38)

L-għajnuna se tkun disponibbli matul il-perjodu 2003-2005.

2.6.   Forma ta’ għajnuna

(39)

L-għajnuna se tieħu l-forma ta’ għotjiet.

2.7.   Benefiċjarji

(40)

Unitajiet ta’ produzzjoni tal-kumpaniji Spanjoli tal-minjieri tal-faħam imsemmija fil-premessa 21.

2.8.   Bażi legali

(41)

L-Ordni ministerjali ECO/2731/2003, l-Ordni ministerjali ECO/768/2003, l-Ordni ministerjali ECO/180/2004 u l-Ordni ministerjali ITC/626/2005.

2.9.   Is-Sitwazzjoni tal-enerġija u l-ambjent fi Spanja

(42)

Skont it-tbassir tal-ġenerazzjoni tal-elettriku magħmul minn Spanja għall-perjodu 2000-2011, is-sehem tal-faħam se jitnaqqas minn 35,9 % fl-2000 għal 15 % fl-2011. L-elettriku ġġenerat mill-gass naturali se jiżdied minn 9,7 % għal 33,1 % fl-istess perjodu. L-enerġiji rinnovabbli se jżidu s-sehem tagħhom minn 16,9 % fl-2000 għal 28,4 % fl-2011. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku tammonta biss għal 28 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2. Spanja ma tikkunsidrax li huwa loġiku li torbot l-għoti ta’ għajnuna nazzjonali għall-faħam mal-emissjonijiet tas-CO2. Ir-relazzjoni għandha tiġi stabbilita bejn il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-emissjonijiet. L-impjanti tal-elettriku se jaħdmu sakemm ikunu vijabbli teknikament u ekonomikament, li m’għandu x’jaqsam xejn mal-faħam ikkunsmat li huwa prodott nazzjonalment jew importat.

2.10.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(43)

Fit-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha rigward il-konformità tal-pjan innotifikat mal-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 kif ukoll rigward il-livell ta’ twettiq tal-għanijiet ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pjan ma kienx ippreżenta biżżejjed dettall. Għaldaqstant, permezz tal-ittra tat-30 ta’ Marzu 2004 talbet lill-awtoritajiet Spanjoli biex:

(a)

jindikaw l-ammont totali tal-produzzjoni tal-faħam totali mistenni fis-sena tal-faħam u l-ammont ta’ għajnuna pprovduta għat-tnaqqis ta’ attività għal kull sena tal-faħam, skont kif stabbilit fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002;

(b)

jiċċaraw il-kriterji ta’ għażla li għandhom jintlaħqu mill-unitajiet tal-produzzjoni sabiex jiġu inklużi fil-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam u jissottomettu l-ammonti totali ta’ produzzjoni stmata ta’ faħam għal kull sena tal-faħam u l-ammont stmat ta’ għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam, kif jitlob l-Artikolu 9(6) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002;

(c)

jiċċaraw jekk l-għajnuna għat-tnaqqis tal-attività għal kull sena tal-faħam, kif previst fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, għandhiex tkun mill-inqas l-għajnuna li Spanja kienet ippjanat li tagħti lill-kumpaniji/unitajiet ta’ produzzjoni msemmija fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/826/KEFA, tat-2 ta’ Lulju 2002 dwar l-interventi finanzjarji minn Spanja għall-industrija tal-faħam fl-2001 u fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-23 ta’ Lulju 2002 (12)

(d)

jipprovdu l-informazzjoni disponibbli kollha dwar l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ tnaqqis gradwali tal-għajnuna, u biex iwieġbu l-mistoqsijiet dwar jekk dawn jikkunsidrawx il-fatturi kompetittivi bħall-bidliet fl-ispejjeż tal-produzzjoni u jekk l-inklużjoni tal-unità ta’ produzzjoni fi pjan ta’ għeluq tkunx ikkunsidrata bħala fattur għat-tnaqqis ulterjuri ta’ għajnuna;

(e)

jiċċaraw jekk, qabel il-31 ta’ Diċembru 2005, humiex se jingħalqu l-unitajiet tal-produzzjoni ekwivalenti għal kapaċità ta’ 1 660 000 tunnellata;

(f)

jiċċaraw jekk l-unitajiet ta’ produzzjoni ta’ Antracitas de Guillón, ENDESA-ta’ taħt l-art u ENCASUR-ta’ taħt l-art irċivewx għajnuna operattiva fl-2003; jirrappurtaw jekk l-għajnuna rċevuta minn dawn l-unitajiet ta’ produzzjoni bejn l-1998 u l-2002 sabiex ikopru l-ispejjeż eċċezzjonali skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA jaqbżux dawk l-ispejjeż, u jiċċaraw jekk, f’każ li l-għajnuna teċċedi l-ispejjeż, Spanja hix se tirkupra d-differenza;

(g)

jindikaw l-ammont totali ta’ għajnuna lil Hunosa fl-2003, 2004 u 2005, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż imnaqqsa tal-produzzjoni rrapurtati mill-kumpanija;

(h)

jiċċaraw l-għadd massimu ta’ impjiegi meħtieġa f’Hunosa għall-ħaddiema b’ħiliet tekniċi speċifiċi;

(i)

jispjegaw fid-dettall il-bidliet tal-Ordni Ministerjali ECO/2731/2003 sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, u jikkonfermaw li huma intitolati li jagħżlu l-għajnuna lill-unitajiet ta’ produzzjoni notifikati skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/871/KE.

3.   KUMMENTI MINN SPANJA

(44)

Dawn li ġejjin huma kummenti li waslu mingħand l-awtoritajiet Spanjoli wara l-bidu tal-proċeduri mill-Kummissjoni. Ebda kummenti ma ġew sottomessi minn partijiet terzi.

3.1.   Għajnuna għat-tnaqqis tal-attività (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002) u għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam (l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament)

(45)

L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw rapporti dwar l-għajnuna mħallsa fl-2003 u fl-2004 u l-previżjonijiet ta’ ħlasijiet għall-2005, li kklassifikaw l-għajnuna filwaqt li ġie kkunsidrat jekk ingħatawx skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. L-għajnuna mogħtija u li se tingħata lil HUNOSA hija kklassifikata skont jekk hix iffinanzjata mill-baġit statali jew mis-SEPI (13).

3.1.1.   Produzzjoni fil-perjodu 2003-2005

(46)

It-tendenza tal-produzzjoni li tirriżulta mill-għeluq tal-kapaċità ta’ produzzjoni li l-industrija impenjat ruħha li twettaq, hija din li ġejja:

(Unità: kilotunnellati)

 

2001

2002

2003

2004

2005

Produzzjoni

13 993

13 372

12 576

12 400

12 000

3.1.2.   Kriterji

(47)

L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw il-kriterji li ġew applikati biex jistabbilixxu kategoriji ta’ unitajiet ta’ produzzjoni bħala benefiċjarji ta’ għajnuna skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Bħala l-kriterju prinċipali ġie stabbilit il-ħlas tal-produzzjoni għal kull tunnellata ta’ faħam ekwivalenti (tef). U bħala kriterji sekondarji ġew stabbiliti dawn li ġejjin:

(a)

l-eżistenza ta’ suq, jiġifieri li għandu jkun hemm impjant ta’ enerġija li jaħdem f’raġġ ta’ 100 kilometru;

(b)

solvenza tal-kumpanija li tippossjedi l-unità ta’ produzzjoni; f’dan ir-rigward, jista’ jkun meħtieġ proporzjon minimu bejn il-fondi tal-kumpanija u l-assi totali.

(48)

Fl-aħħar nett, wieħed għandu jikkunsidra r-realtà soċjali u reġjonali tal-post tal-unità ta’ produzzjoni. Skont il-Gvern Spanjol, il-ħtieġa li jinżamm il-kriterju soċjali u reġjonali hija realtà li ma tistax tiġi injorata. Madankollu, huwa jkun ippreparat biex jikkunsidra l-metodi li, meta jiġu applikati, jindikaw is-servizzi tal-Kummissjoni.

(49)

Id-definizzjoni ta’ “unità ta’ produzzjoni” ġiet verifikata mal-kumpaniji ta’ kapaċità ta’ produzzjoni akbar u li, għalhekk, jista’ jkollhom iktar minn unità ta’ produzzjoni waħda. Sa issa, ħlief fil-każ ta’ HUNOSA, l-analiżi tal-għajnuna ġiet imwettqa fil-livell tal-kumpanija, flimkien mal-unitajiet operattivi ta’ minjieri ta’ taħt l-art u opencast.

3.1.3.   Għajnuna għat-tnaqqis fl-attività

(50)

L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li, kif muri fir-rapport, il-kumpaniji kollha li fl-2002 ġew ikklassifikati bħala benefiċjarji ta’ għajnuna skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA bħalissa huma klassifikati bħala intrapriżi li jirċievu għajnuna skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002.

3.1.4.   Tnaqqis gradwali fl-għajnuna

(51)

L-awtoritajiet Spanjoli jiddikjaraw li sa tmiem l-2005, it-tnaqqis tal-għajnuna għandu jkun komprensiv u ta’ 4 % fis-sena.

3.2.   Għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali

(52)

L-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni li l-Ordni ECO/2731/2003 ġiet emendata sabiex taġġusta l-kontenut tagħha skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. L-Ordni tista’ tapplika biss għall-unitajiet ta’ produzzjoni li jagħlqu effettivament qabel il-31 ta’ Diċembru 2005, u ma tistax tapplika għal programmi ta’ għeluq qabel dak il-limitu ta’ żmien. Barra minn hekk, il-kumpens ta’ EUR 13 għal kull 1 000 unità termali ta’ faħam ikkanċellata permezz tal-għeluq tal-unità ta’ produzzjoni li pprovdiet il-fjuwil huwa stabbilit bħala għajnuna massima li tkopri t-tipi ta’ spejjeż elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Se jitħallsu biss l-ispejjeż attwali tal-għeluq ġustifikati kif xieraq.

3.3.   Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni

3.3.1.   Għeluq li sar sal-31 ta’ Diċembru 2005

(53)

Il-Gvern Spanjol juri l-impenn tiegħu li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2002/826/KEFA mal-għeluq definittiv tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 1 660 000 tunnellata korrispondenti għall-kumpaniji msemmija fil-premessa qabel il-31 ta’ Diċembru 2005. Xi wħud minn dawn il-kumpaniji diġà bdew inaqqsu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom fl-2002.

3.3.2.   Unitajiet ta’ produzzjoni li rċevew għajnuna għall-ispejjeż eċċezzjonali tal-għeluq

(54)

Kif rifless fir-rapporti ta’ għajnuna tal-2003, l-2004 u l-2005, l-għajnuna mogħtija fl-2003 lil Antracitas de Gijón, ENCASUR, ENDESA u PMC (qabel l-għeluq fl-2004) u dawk ippjanati għall-2004 u l-2005, hija għajnuna għat-tnaqqis fl-attività. L-għajnuna mogħtija għall-finanzjament tal-ispejjeż eċċezzjonali ta’ għeluq bejn l-1998 u l-2002 fil-każ ta’ ENDESA u ENCASUR kienet ġustifikata dak iż-żmien bħala għajnuna biex tkopri d-differenzi fil-perċezzjonijiet fost l-irtirar kmieni ġenerali u l-100 % mħallsa minn dawn il-kumpaniji. L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw ittri ta’ impenn li jirratifikaw l-għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni bil-wiegħda li jagħlqu mill-kumpaniji fi tmiem l-2005.

3.4.   Il-pjan ta’ HUNOSA

3.4.1.   Kummenti dwar l-isforz tar-ristrutturar ta’ HUNOSA

(55)

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew dettalji dwar il-livell notevoli ta’ ristrutturar mibdi fis-snin riċenti u l-livell ta’ twettiq tal-Pjan 2002-2005. Dan il-Pjan jinvolvi l-għeluq ta’ żewġt ibjar, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 700 000 tunnellata fil-kapaċità ta’ estrazzjoni.

3.4.2.   Għajnuna tul il-perjodu 2003-2005 lil HUNOSA

(56)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar għandu jinżamm fil-limiti stretti tal-ispejjeż li jikkorrispondu għall-esternalizzazzjoni tal-impenji soċjali u pprovdew l-ispjegazzjonijiet xierqa.

(57)

Il-kontradizzjoni evidenti bejn l-isforz sinifikanti fit-tnaqqis tal-ispejjeż u t-tnaqqis inqas drastiku tal-għajnuna għall-produzzjoni, kienet prinċipalment minħabba l-evoluzzjoni tad-dħul bħala riżultat tal-prezz internazzjonali tal-faħam importat u r-rata ta’ skambju bejn id-dollaru u l-ewro. L-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew informazzjoni dettaljata dwar il-kalkolu tad-dħul u spjegaw għaliex dan huwa ġeneralment aktar baxx mill-prezz internazzjonali tal-faħam impurtat.

(58)

Barra minn hekk, ipprovdew ukoll spjegazzjonijiet dettaljati dwar l-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali tal-proċess ta’ ristrutturar.

3.4.3.   Informazzjoni dwar ir-reklutaġġ ta’ tekniċi speċjalizzati

(59)

L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li dan ir-reklutaġġ huwa soġġett għall-ħtieġa stretta li jimtlew impjiegi ta’ natura essenzjali, speċjalment għal raġunijiet ta’ sigurtà. Madankollu, għandu jiġi nnutat li s’issa, fl-ewwel sentejn tal-pjan, ma kien hemm ebda reklutaġġ ġdid. Minkejja dan, bħala prekawzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli jżommu stima massima ta’ żidiet skont dan il-kunċett, li ma tkunx taqbeż il-100 ħaddiem.

4.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

4.1.   Modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1)

(60)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri tal-pjan jikkostitwixxux għajnuna li hija applikabbli għall-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għandu jiġi stabbilit jekk l-għajnuna tkunx mogħtija mill-Istati Membri jew permezz ta’ fondi statali, jekk hix favur ċerti kumpaniji, jekk tfixkilx jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jekk tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(61)

L-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 87 tirreferi għall-għajnuna li tkun ġiet mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ fondi statali. F’dan il-każ partikolari, l-eżistenza ta’ riżorsi statali tintwera billi tiġi ffinanzjata effettivament l-għajnuna mill-baġit statali u, sa ċertu punt inqas prominenti, minn SEPI, kumpanija pubblika kkontrollata kompletament mill-Istat.

(62)

It-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 87(1) tirreferi għall-possibbiltà li l-miżuri jiffavorixxu ċerti kumpaniji. Huwa meħtieġ li, l-ewwel nett, jiġi stabbilit jekk l-intrapriżi benefiċjarji jiħdux benefiċċju ekonomiku u, it-tieni nett, jekk dan il-benefiċċju jingħatax lil tip speċifiku ta’ kumpaniji. L-għajnuna tagħti b’mod ċar vantaġġ ekonomiku lill-kumpaniji tal-minjieri tal-faħam sal-punt li tikkostitwixxi sussidju dirett li jkopri l-ispejjeż attwali li kieku kien ikollhom iħallsu huma stess. Dawn l-ispejjeż huma d-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-dħul prevedibbli flimkien mal-ispejjeż ta’ ristrutturar tal-prodott, u l-kumpaniji tal-minjieri tal-faħam jibbenefikaw peress li jiġu parzjalment ikkumpensati għal dawn l-ispejjeż. Barra minn hekk, dawn il-miżuri huma indirizzati biss għall-kumpaniji tal-minjieri tal-faħam fi Spanja. Għalhekk, jiffavorixxu ċerti intrapriżi aktar milli l-kompetituri tagħhom, jiġifieri huma selettivi.

(63)

Skont it-tielet u r-raba’ kundizzjoni tal-Artikolu 87(1), l-għajnuna m’għandhiex tfixkel jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni jew taffettwa jew tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-każ preżenti, il-miżuri jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni peress li jsaħħu l-pożizzjoni finanzjarja u l-qasam ta’ azzjoni tal-kumpaniji benefiċjarji fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, li ma jingħatawx dawn il-benefiċċji. Għalkemm il-kummerċ intra-Komunitarju tal-faħam huwa żgħir ħafna u l-kumpaniji inkwistjoni ma jesportawx, il-kumpaniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn għandhom inqas ċans li jesportaw il-prodotti tagħhom fis-suq Spanjol.

(64)

Għal dawn ir-raġunijiet, il- miżuri jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat u jistgħu jiġu kkunsidrati kumpatibbli mas-suq komuni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jirċievu waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fit-Trattat.

4.2.   Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002

(65)

Billi t-Trattat tal-KEFA u d-Deċiżjoni Nru 3632/1993/KEFA skadew fit-23 ta’ Lulju 2002, u meta jiġi kkunsidrat l-Artikolu 87(3)(e) tat-Trattat, il-kumpatibbiltà tal-miżuri nnotifikati għandha tiġi evalwata skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002.

(66)

Ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 jistabbilixxi r-regoli għall-għoti ta’ għajnuna statali lill-industrija tal-faħam bl-għan li tikkontribwixxi għar-ristrutturar tagħha. Dawn ir-regoli jqisu l-aspetti soċjali u reġjonali tar-ristrutturar tas-settur u l-ħtieġa li jinżamm livell minimu ta’ produzzjoni tal-faħam li jiggarantixxi aċċess għar-riservi tal-faħam. Il-proċess ta’ ristrutturar tal-industrija tal-faħam għandu jitkompla peress li hemm żbilanċ fil-kompetizzjoni bejn il-faħam tal-Komunità u dak importat.

(67)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-produzzjoni tal-faħam issussidjat għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-għan ta’ tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista enerġetika. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-Komunikazzjoni tagħha msejħa “L-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa għal Dinja Aħjar: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli”, imsejħa wkoll “L-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Gothenburg”, li tistabbilixxi bħala l-għan tagħha “it-tnaqqis fit-tibdil fil-klima u ż-żieda fl-użu ta’ enerġija nadifa” (14).

(68)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna biex titnaqqas l-attività. Waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu huwa li l-operat ta’ dawn l-unitajiet ta’ produzzjoni għandu jifforma parti minn pjan ta’ għeluq.

(69)

Barra minn hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, tista’ tingħata għajnuna lill-produzzjoni ta’ kumpanija maħsuba speċifikament għal xi unitajiet tal-produzzjoni jew grupp ta’ unitajiet tal-produzzjoni. F’dan il-każ, waħda mill-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati hija li l-operat tal-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati jew tal-grupp ta’ unitajiet tal-produzzjoni tal-istess kumpanija jkun jifforma parti minn pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam.

(70)

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali li jinħolqu waqt ir-razzjonalizzazzjoni u r-ristrutturar tas-settur tal-faħam li ma tkunx relatata mal-produzzjoni kurrenti, jekk l-ammont ma jkunx akbar minn dawn l-ispejjeż. Il-kategoriji tal-ispejjeż li jirriżultaw mir-razzjonalizzazzjoni u r-ristrutturar tal-industrija tal-faħam huma stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(71)

Fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 u jekk kienx jissodisfa, fl-istess ħin, l-għanijiet tiegħu. Il-Kummissjoni ħasset li kien meħtieġ pjan aktar dettaljat. Wara din l-ittra, Spanja pprovdiet lill-Kummissjoni, diversi drabi, l-informazzjoni dettaljata dwar il-pjan ta’ ristrutturar. Minn issa ’l quddiem, il-Kummissjoni se tevalwa l-pjan u l-għajnuna għar-ristrutturar għas-snin 2003, 2004 u 2005, mogħtija fuq il-bażi tal-pjan ta ristrutturar, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni ġdida.

4.3.   Konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni

(72)

Fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux stabbilew b’mod ċar li għandhom jiġu rispettati l-kundizzjonijiet mitlubin mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tat-Trattat tal-KEFA, b’mod partikolari fid-Deċiżjoni 2002/826/KEFA. Din id-Deċiżjoni tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna sakemm l-unitajiet ta’ produzzjoni inkwistjoni jiffurmaw parti minn pjan ta’ għeluq u li, sal-2005, inaqqsu l-kapaċità ta’ produzzjoni b’1 660 000 tunnellata. Spanja għandha tirrispetta dawn il-kundizzjonijiet. Il-fatt li t-Trattat tal-KEFA skada u li daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 ma jaffettwax l-impenji ta’ qabel. Dawn għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ u l-Kummissjoni għandha tiżgura konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjonijiet ibbażati fuq it-Trattat tal-KEFA.

(73)

Il-pjan preċedenti ta’ għeluq/tnaqqis fl-attività, ibbażat fuq id-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA, ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni 2002/826/KEFA. F’diversi okkażjonijiet u bil-miktub, f’diversi ittri lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli aċċettaw li għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ l-impenji tal-passat u kkonfermaw espliċitament li d-deċiżjonijiet dwar l-għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni elenkati fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2002/826/KEFA għandhom jiġu infurzati skont ir-regoli fis-seħħ. Dan jimplika l-għeluq, mhux iktar tard mill-2005, ta’ kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 1 660 000 tunnellata. Mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni setgħet tivverifika jekk it-tnaqqis ta’ din il-kapaċità tal-produzzjoni kienx effettivament miksub.

(74)

Il-Kummissjoni tqis li l-unitajiet ta’ produzzjoni li naqqsu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom huma l-istess bħall-unitajiet ta’ produzzjoni bħal dawk diġà inklużi fil-pjan ta’ għeluq/tnaqqis fl-attività bbażati fuq id-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA. Dawn huma l-unitajiet ta’ produzzjoni elenkati fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2002/826/KEFA.

(75)

Skont il-pjan Spanjol preċedenti ta’ għeluq/tnaqqis fl-attività, l-unitajiet ta’ produzzjoni Antracitas de Guillón, Endesa ta’ taħt l-art u Encasur ta’ taħt l-art għandhom ikunu għalqu sa tmiem l-2002. Madankollu, irriżulta li fl-2003 u, parzjalment, fl-2004 dawn l-unitajiet ta’ produzzjoni kienu għadhom qed joperaw.

(76)

Wara diversi talbiet mill-Kummissjoni, ingħalqu l-unitajiet ta’ taħt l-art ta’ ENDESA u ENCASUR u l-unità ta’ produzzjoni ta’ Antracitas ta’ Guillón. L-unità ta’ produzzjoni opencast tal-Promotora de Minas de 31 ta’ Marzu 2004. Il-Kummissjoni rċeviet ittri ta’ impenn li jikkonfermaw l-għeluq ta’ unitajiet ta’ produzzjoni li jikkonfermaw li se jingħalqu minn dawn il-kumpaniji fl-2005.

(77)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni vverifikat li l-għajnuna mogħtija lil dawn il-kumpaniji, skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA, li tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ għeluq ta’ dawn l-unitajiet ta’ produzzjoni ma taqbiżx l-ispejjeż tal-produzzjoni.

(78)

Peress li t-tnaqqis tal-kapaċità tal-produzzjoni meħtieġa ġiet miksuba mill-unitajiet ta’ produzzjoni elenkati fil-premessa 18 tad-Deċiżjoni 2002/826/KEFA u l-unitajiet ta’ produzzjoni li, skont din id-Deċiżjoni, kellhom jingħalqu finalment ingħalqu, il-Kummissjoni tikkonkludi li Spanja rrispettat id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

4.4.   Għajnuna għal tnaqqis fl-attività (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002) u għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam (l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament)

(79)

Fl-ittra tagħha tat-30 Marzu 2004, il-Kummissjoni nnutat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu rrappurtaw l-ammont totali ta’ għajnuna operattiva li għandha tingħata. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli ma nnotifikawx l-ammont totali ta’ għajnuna għat-tnaqqis fl-attività skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, u lanqas l-ammont totali ta’ għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam skont l-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament. L-awtoritajiet Spanjoli lanqas ma spjegaw il-kriterji li għandhom jissodisfaw l-unitajiet ta’ produzzjoni sabiex issir applikazzjoni għall-għajnuna.

(80)

Dubju ieħor tal-Kummissjoni kien jirrigwarda l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli ma ddefinewx il-kapaċità tal-produzzjoni totali li għandha tagħlaq qabel il-31 ta’ Diċembru 2005 jew qabel il-31 ta’ Diċembru 2007 bħala riżultat tal-pjan ta’ għeluq, skont kif mitlub fl-Artikolu 4(a) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 bħala waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji biex tikkwalifika għall-għajnuna għal tnaqqis fl-attività. L-għajnuna prevista tista’ tingħata biss jekk jiġi rappurtat it-tnaqqis globali fil-kapaċità.

(81)

F’dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-produzzjoni u fil-livell minimu ta’ produzzjoni sabiex jiġi żgurat l-aċċess għar-riservi tal-faħam, il-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ittra tagħha lil Spanja fit-30 ta’ Marzu 2004, li ma jidhirx li din il-ġustifikazzjoni laħqet l-għan tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Il-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam u l-għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam għandhom ikunu ġustifikati permezz tal-bżonn li jinżamm ammont minimu ta’ produzzjoni ta’ faħam li jiggarantixxi aċċess għar-riservi. L-aspetti soċjali u reġjonali ta’ ristrutturar tas-settur jistgħu jservu biss bħala ġustifikazzjoni għall-pjan ta’ għeluq u tal-għajnuna għal tnaqqis fl-attività.

(82)

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-unitajiet ta’ produzzjoni. Għal kull kumpannija, ħlief HUNOSA, Spanja ddefiniet l-unitajiet tal-estrazzjoni ta’ taħt l-art u l-infrastruttura konnessi bħala unità waħda ta’ produzzjoni ta’ taħt l-art, u segwiet approċċ simili fil-każ ta’ unitajiet ta’ estrazzjoni opencast. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “unità ta’ produzzjoni”. Fit-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk din l-informazzjoni kinitx dettaljata biżżejjed skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002.

4.4.1.   Id-distinzjoni bejn l-għajnuna għat-tnaqqis fl-attività u l-għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam

(83)

Wara l-bidu tal-proċedura, Spanja kklassifikat l-għajnuna skont jekk din ingħatatx b’mod konformi mal-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Matul il-perjodu 2003–2005, ingħatat għajnuna skont l-Artikolu 4 lill-unitajiet ta’ produzzjoni li ġejjin: Antracitas de Guillón S.A., Coto Minera Jove S.A., l-unità ta’ produzzjoni ta’ taħt l-art ta’ Endesa, l-unità ta’ produzzjoni ta’ taħt l-art ta’ Encasur, González y Díez S.A., Industria y Comercial Minera S.A.(INCOMISA), Mina Escobal S.L., Mina la Camocha, Minas de Valdeloso S.L., Promotora de Minas de Carbón S.A. u Virgilio Riesco S.A. Mina Escobal S.L. li għalqet fl-2004 u Promotora de Minas de Carbón S.A. li għalqet fl-2005. Unitajiet oħra ta’ produzzjoni li rċevew għajnuna għat-tnaqqis fl-attività huma ż-żewġ unitajiet ta’ produzzjoni tal-kumpanija pubblika tal-minjieri HUNOSA li għalqu, jiġifieri Pumarabule u Figaredo. Unitajiet oħra ta’ produzzjoni rċevew għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam. Dawn l-unitajiet huma msemmija fil-premessa 21.

(84)

Għalhekk, fuq il-bażi tal-aħħar informazzjoni rċevuta, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Spanjoli qasmu ġustament l-għajnuna għall-produzzjoni f’għajnuna għat-tnaqqis fl-attività u għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam. Barra minn hekk, ġie kkonfermat li se tiġi sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, li tistabbilixxi li l-unitajiet ta’ produzzjoni li jirċievu għajnuna għat-tnaqqis fl-attività għandhom jagħlqu, mhux aktar tard mill-2007.

4.4.2.   Kriterji applikabbli

(85)

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna għall-produzzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ddikjaraw li l-kriterju ewlieni li se japplikaw huwa l-ispiża tal-produzzjoni għal kull tef. Dan il-kriterju huwa konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni ċara li l-għajnuna se tingħata lill-unitajiet li jkollhom l-aħjar prospetti ekonomiċi.

(86)

Bħala kriterji addizzjonali, l-awtoritajiet Spanjoli japplikaw l-eżistenza ta’ suq, jiġifieri għandu jkun hemm impjant ta’ enerġija li jaħdem f’raġġ ta’ 100 kilometru, u s-solvenza tal-kumpanija li tippossjedi l-unità tal-produzzjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jkun meħtieġ proporzjon minimu bejn il-fondi tal-kumpanija u l-assi totali. Dan il-kriterju tal-aħħar se jgħin biex jingħata appoġġ lill-unitajiet bl-aħjar prospetti ekonomiċi. Il-kriterju preċedenti għandu jiġi applikat b’natura purament komplimentari. Bil-ħsieb tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kif ukoll għal raġunijiet ekonomiċi, sakemm tkun teżisti relazzjoni mal-ispejjeż tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat il-post, iżda dan ma jistax ikun l-uniku fattur li jiġi evalwat. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li l-kriterji applikati mill-awtoritajiet Spanjoli jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002.

(87)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni analizzat id-definizzjoni ta’ “unità ta’ produzzjoni” kif użata fil-pjan ta’ ristrutturar. Preċedentement, Spanja għamlet l-analiżi tal-għajnuna fil-livell tal-kumpanija, billi żidet l-unitajiet operattivi ta’ taħt l-art ma’ dawk operattivi opencast. Attwalment, biddlet din l-analiżi u kkalkulat l-għajnuna għal kull unità ta’ produzzjoni kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ipprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa mid-Deċiżjoni 2002/871/KE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni ta’ “unità ta’ produzzjoni” li Spanja implimentat fil-pjan ta’ ristrutturar tagħha hija konformi mar-Regolament imsemmi qabel.

(88)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta’ ristrutturar se jirriżulta f’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 12-il miljun tunnellata. Fid-dawl tas-sitwazzjoni globali tal-enerġija fi Spanja, speċjalment meta wieħed iqis li l-Gvern Spanjol qed jippjana li jnaqqas is-sehem tal-faħam fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn 35,9 % għal 15 % fl-2011, it-tnaqqis fil-kapaċità għal 12-il miljun tunnellata jista’ jiġi kkunsidrat bħala miżura xierqa li se twassal biex jintlaħaq dak l-għan. Għalhekk, dan il-livell ta’ kapaċità ta’ produzzjoni, li għandu jintlaħaq sa tmiem l-2005, huwa meqjus bħala riserva strateġika skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Konsegwentement, l-unitajiet ta’ produzzjoni għall-parti tal-pjan ta’ ristrutturar li jirreferi għall-aċċess għar-riservi tal-faħam huma meqjusa eliġibbli għall-għajnuna għal aċċess pubbliku għar-riservi tal-faħam, sakemm ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi Regolament.

(89)

Barra minn hekk, ġie milħuq il-kriterju prinċipali u l-bażi tar-Regolament, jiġifieri l-prinċipju li l-għajnuna għandha tonqos b’mod progressiv. L-għajnuna, mogħtija skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 ġiet imnaqqsa b’4 % fis-sena. Il-Kummissjoni tqis li dan it-tnaqqis jista’ jiġi aċċettat. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli ħabbru li, ukoll għas-snin 2006 u 2007, huwa meħtieġ li tkompli titnaqqas l-għajnuna b’4 % fis-sena.

(90)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Spanjoli ċċaraw biżżejjed il-kriterji għall-unitajiet ta’ produzzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jagħżlu, jew għall-għajnuna għat-tnaqqis fl-attività, jew għall-għajnuna għal aċċess għar-riservi tal-faħam. Dawn il-kriterji huma konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, b’mod partikolari l-Artikolu 4(a) u l-Artikolu 9(6)(a).

(91)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar lill-awtoritajiet Spanjoli li s-sitwazzjoni soċjali u reġjonali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tar-riserva strateġika li għandha tinżamm. Il-kundizzjonijiet soċjali u reġjonali jistgħu jiġu kkunsidrati biss meta jiġu applikati l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għat-tnaqqis fl-attività u għajnuna biex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali tal-proċess ta’ ristrutturar.

4.4.3.   Kalkolu tad-dħul

(92)

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni dettaljata fuq il-prezzijiet tal-faħam. Fl-informazzjoni supplimentari pprovduta mill-Gvern Spanjol, ġie spjegat li, fil-fatt, l-għajnuna pubblika mħallsa minnu kienet id-differenza bejn l-ispiża tal-produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ medju tal-faħam Spanjol, li kien aktar baxx mill-prezz medju tal-faħam importat minn pajjiżi terzi. Dan il-prezz aktar baxx huwa dovut għall-kwalità inferjuri tal-faħam Spanjol u, sa ċertu punt, ukoll peress li l-prezzijiet huma stabbiliti f’kuntratti fit-tul filwaqt li l-prezz tal-faħam impurtat huwa l-prezz tas-suq f’jum partikolari.

(93)

L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li, fil-prattika, l-impatt tal-varjazzjoni bejn il-prezz internazzjonali u l-prezz tal-faħam domestiku jittardja b’madwar tliet trimestri. Min-naħa l-oħra, il-kwalità tal-faħam tirriżulta ħafna aktar baxxa minn dik innegozjata fis-suq internazzjonali, li jwassal għal prezz ħafna iktar baxx għall-faħam lokali. Il-prezz imħallas ivarja skont l-impjanti għax hemm differenza fil-kwalità bejn l-faħam li ġej minn unitajiet differenti. Pereżempju, il-valur kalorifiku tal-faħam jista’ jvarja bejn 7 % u 35 % skont il-post minn fejn ġie estratt.

(94)

B’mod ġenerali, il-faħam Spanjol huwa ta’ kwalità inferjuri minħabba li jkun fih ħafna rmied u ilma, u ftit materjal volatili, jew minħabba ż-żewġ ċirkustanzi. M’hemm ebda suq globali għall-faħam ta’ kwalità baxxa, peress li l-pajjiżi kollha li jipproduċuh jikkunsmawh fil-viċinanza tal-impjanti tal-minjieri. L-użu ta’ dawn it-tipi ta’ faħam fl-impjanti elettriċi jiġġenera spejjeż ta’ investiment u ta’ manutenzjoni ogħla għas-sidien tagħhom, peress li mhux biss għandhom jinstallaw berners speċjali, li l-manutenzjoni u l-użu tagħhom hija aktar għolja, iżda barra minn hekk, il-prestazzjoni ta’ dawn l-impjanti hija inqas minn dik li jikkonsma l-faħam standard.

(95)

L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li ma jkunx ekonomikament vijabbli li tittejjeb il-kwalità tal-faħam sa tali punt li jkun kumparabbli ma’ dak importat, billi l-proċess ta’ produzzjoni jkun ħafna aktar għali u inqas kompetittiv.

(96)

Mill-1998 ’l hawn, il-prezz tal-bejgħ tal-faħam huwa stabbilit permezz ta’ negozjati diretti bejn l-unitajiet tal-produzzjoni tal-minjieri u l-impjanti tal-faħam, mingħajr intervent mill-amministrazzjoni, li tista’ tintervjeni biss fil-każ ta’ kunflitt serju. L-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew il-kuntratti bejn uħud mill-kumpaniji tal-elettriku li għandhom impjanti tal-faħam, sabiex jiġi stabbilit il-prezz imħallas lill-kumpaniji tal-minjieri. Il-kalkolu tal-prezz tal-faħam jinkludi formola dwar il-kwalità tal-faħam li tqis, fost affarijiet oħra, il-kontenut tal-materjal volatili, l-irmied, l-umdità u l-kubrit, kif ukoll il-valur kalorifiku.

(97)

Il-prezzijiet tal-faħam fi Spanja huma bbażati fuq kuntratti fit-tul bejn il-kumpaniji tal-faħam u l-klijenti tagħhom. Il-kuntratti fis-seħħ bħalissa huma validi sal-31 ta’ Diċembru 2005. Il-prezzijiet huma bbażati fuq il-parametri li ġejjin:

prezzijiet CIF (15) f’dollari Amerikani (USD) għal kull perjodu ta’ importazzjoni tal-faħam minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni Ewropea, espressi f’USD/tef u ppubblikati mill-Unjoni Ewropea;

ir-rata tal-kambju bejn id-dollaru Amerikan (USD) u l-EUR matul l-istess perjodu sabiex il-prezz CIF bil-USD jinqaleb fl-ekwivalenti tiegħu f’EUR; ir-rata tal-kambju USD/EUR żdiedet minn 0,8955 fl-2001 għal 1,25 fl-2005;

sabiex jiġi stabbilit il-prezz fl-impjant, mill-prezz li jirriżulta f’EUR titnaqqas l-ispiża tat-trasport bejn il-port u l-impjant, peress li l-prezz CIF huwa dak li jitħallas mal-kunsinna fil-port;

fl-aħħar nett, tapplika korrezzjoni, spjegata aktar tard, fir-rigward tal-kwalità.

(98)

Spanja tikkalkula l-prezzijiet medji tal-importazzjoni tal-faħam lejn Spanja. Il-kalkolu ta’ dawn il-prezzijiet medji ta’ importazzjoni huma bbażati fuq informazzjoni tal-istatistika pprovduta mill-kumpaniji Spanjoli li jimpurtaw il-faħam u l-kumpaniji ta’ esportazzjoni fil-pajjiżi terzi.

(99)

Sabiex din is-sistema taħdem kif suppost, huwa kruċjali li l-prezzijiet ikkalkulati għall-faħam jirriflettu b’mod preċiż il-prezz tal-faħam fis-suq dinji. Sabiex jiġi vverifikat dan l-għan, il-Kummissjoni qabblet dan il-prezz mal-“MCIS Steam Coal Market Prices”, li jservu ta’ referenza fis-suq għall-prezzijiet fuq il-post tal-faħam.

(100)

L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw id-differenza bejn il-prezz tal-“MCIS Steam Coal Marker Price” u l-prezz medju kkalkulat għalihom, filwaqt li jinnotaw li dak tal-ewwel huwa bbażat biss fuq kuntratti ffirmati f’ġurnata partikolari fis-suq fuq il-post, filwaqt li l-prezz ikkalkolat minnhom huwa bbażat fuq il-kuntratti eżistenti kollha f’ġurnata partikolari, inklużi l-kuntratti fit-tul. Għalhekk il-prezz Spanjol għandu tendenza li jkun aktar baxx mill-prezz fuq il-post fil-perjodi meta l-prezzijiet jogħlew fis-suq fuq il-post u aktar għoljin fil-perjodi meta dawn jaqgħu. Il-medja fit-tul taż-żewġ indiċijiet tirriżulta li tkun l-istess: għas-snin 1996 sa 2004, il-prezz medju tal-“MCIS Steam Coal Marker Price” kien ta’ EUR 43,3/tef. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kalkolu Spanjol tal-prezz tal-faħam jirrifletti b’mod preċiż il-prezz tal-faħam termali fis-suq dinji.

(101)

Mill-parametri msemmija hawn fuq, fl-2001 il-prezz medju kien ta’ EUR 45,85 u l-previżjoni għall-2005 kienet ta’ EUR 36. Id-dħul fl-2001 kien eċċezzjonalment għali, prinċipalment minħabba l-kontabbiltà tad-dħul gross ta’ xi dħul eċċezzjonali u atipiku f’dik is-sena. Konsegwentement, tnaqqis ta’ 20 % fl-ispiża tal-produzzjoni ma rriżultax fi tnaqqis ugwali tat-total tal-għajnuna għall-produzzjoni totali għall-perjodu 2003-2005.

(102)

L-ammont totali tal-għajnuna jiġi stabbilit wara l-preżentazzjoni għal kull unità ta’ produzzjoni ta’ rapport ta’ verifika, li jagħti l-figuri għall-ispejjeż tal-produzzjoni u d-dħul. Meta, sussegwentement, fi tmiem is-sena tal-faħam jirriżulta li d-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-dħul kien aktar baxx milli mistenni, jitnaqqas it-total tal-għajnuna u jiġi rritornat l-ammont imħallas żejjed.

(103)

B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Spanja spjegat fid-dettall kif ikkalkulat id-dħul tal-kumpaniji tal-minjieri. L-informazzjoni mogħtija kkonvinċiet lill-Kummissjoni li hija użat il-prezzijiet korretti tal-faħam meta kkalkolat id-dħul. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, speċjalment il-kuntratti bejn l-impjanti elettriċi u l-kumpaniji tal-minjieri, il-Kummissjoni tikkonkludi li ġew rispettati l-paragrafi c) u b) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, fis-sens li l-għajnuna għall-produzzjoni ma qabżitx id-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-dħul għall-perjodi rispettivi, u l-għajnuna mhux ser ikollha l-effett li l-prezzijiet tal-faħam Komunitarju mogħti jkun inqas minn dak ta’ faħam simili ta’ kwalità tajba minn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib li fil-kuntratti l-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2006, innegozjati bejn l-impjanti tal-elettriku u kumpaniji tal-minjieri, tingħata kunsiderazzjoni kif xieraq fil-kalkolu tal-prezz tal-faħam fis-suq dinji, li bħalissa huwa għali. Finalment, il-Kummissjoni tinnota li ġew rispettati wkoll il-kundizzjonijiet fil-paragrafi (d) u (e) tal-Artikolu 4 tar-Regolament imsemmi.

4.5.   Għajnuna biex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali (l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002)

(104)

Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli ma ċċarawx il-kriterji li għandhom jiġu applikati għall-għoti tal-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali mhux relatati mal-produzzjoni kurrenti (djun li ntirtu fil-passat), fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2003, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li din l-għajnuna tingħata esklużivament lill-unitajiet ta’ produzzjoni li se jagħlqu tul il-perjodu 2003–2005, u li l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx l-ispejjeż. Madankollu, l-Ordni Ministerjali ECO/2731/2003 tal-24 ta’ Settembru 2003, ma nkludietx b’mod espliċitu dawn il-kundizzjonijiet. Din l-Ordni ma kienx fiha biżżejjed garanziji li l-għajnuna biex tkopri l-ispejjeż tal-għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni ma taqbiżx dawn l-ispejjeż u li l-unitajiet ta’ produzzjoni inkwistjoni se jingħalqu qabel il-31 ta’ Diċembru 2005. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterji stabbiliti minn Spanja għall-kalkolu tal-għajnuna biex tkopri l-ispejjeż tal-għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni, ibbażati fuq it-tnaqqis tal-kunsinni tal-faħam stabbiliti fil-kuntratti mal-impjanti elettriċi u f’għajnuna ta’ madwar EUR 13 għal kull elf unità tas-sħana mnaqqsa, ma jiżgurawx konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-ammonti ta’ għajnuna bbażata fuq dan l-Artikolu dehru kbar wisq, u qajmet il-kwistjoni ta’ jekk l-għajnuna proposta għal dan l-għan hix għolja wisq rigward l-intensità tal-proċess ta’ ristrutturar.

(105)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ġdida li waslet, il-Kummissjoni tinnota li l-Ordni Ministerjali ECO/2731/2003 ġiet emendata sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Preżentement, din l-Ordni tapplika biss għall-unitajiet ta’ produzzjoni li jagħlqu qabel il-31 ta’ Diċembru 2005. F’dak li jirrigwarda l-kumpens ta’ EUR 13 għal kull elf unità tas-sħana tal-kuntratti tal-faħam ikkanċellati bħala riżultat tal-għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni, l-Ordni ma tħalli ebda dubju li dan huwa l-ammont massimu u li jitħallsu biss l-ispejjeż attwali tal-għeluq, li jkunu ġġustifikati. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Spanjoli qalu li matul l-2004 taw inqas għajnuna. Meta mqabbel mal-2004, l-għajnuna biex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali effettivament mogħtija żiedet għal EUR 518 986, minflok l-ammont mistenni ta’ EUR 555 227.

(106)

Il-Kummissjoni tqis li Spanja pprovdiet spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar l-ispejjeż eċċezzjonali marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar li huma koperti. Spanja speċifikat l-ammonti se jingħataw skont il-kategoriji elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tivverifika li l-ammonti, primarjament marbuta mal-iskemi ta’ rtirar kmieni, ma jaqbżux l-ispejjeż, filwaqt li setgħet tapprova l-għajnuniet biex tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturar. Minħabba t-tnaqqis fid-daqs tal-persunal, l-għeluq tal-kapaċità ta’ estrazzjoni u t-tendenza għal tnaqqis tal-għajnuna għall-produzzjoni, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli kkonvinċiet lill-Kummissjoni li l-ispejjeż li se jkunu koperti mhumiex għoljin wisq fir-rigward tal-intensità tal-proċess ta’ ristrutturar. Fil-kapitolu li ġej se ssir evalwazzjoni separata tal-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturar, mogħtija lill- kumpanija pubblika Hunosa.

4.6.   Il-pjan ta’ Hunosa

(107)

Fir-rigward ta’ Hunosa, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2004 l-Kummissjoni għamlet enfasi li din il-kumpanija ġiet irreġistrata fil-pjan ta’ għeluq fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA. Minħabba raġunijiet soċjali u reġjonali, l-għeluq seħħ, madankollu, wara l-2002. L-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ din il-kumpanija huma għoljin ħafna meta mqabbla mal-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ kumpaniji oħra fis-settur tal-faħam tal-Komunità. Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tnaqqis fil-persunal u l-produzzjoni kienu taħt il-medja Ewropea. Il-pjan talab li jingħalqu tnejn mid-disa’ unitajiet ta’ produzzjoni. Fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2003, Spanja ħabbret tnaqqis ulterjuri ta’ 20 %, tal-ispejjeż tal-produzzjoni, li jikkorrispondi għal tnaqqis fl-għajnuna ta’ 25 % fl-2005. Għalhekk, it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ produzzjoni mħabbar minn Spanja permezz tal-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2003 jirriżulta fi tnaqqis ulterjuri tal-għajnuniet lil Hunosa għal ammont ta’ EUR 179 460 750 fl-2005.

(108)

Fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni stmat li kien hemm il-possibbiltà li, fir-rigward tal-kumpanija Hunosa, tiġi kkunsidrata inkompatibbli mas-suq komuni l-proposta li jitwarrbu 30 % tal-konsum tal-faħam (ekwivalenti għal madwar 100 jum ta’ konsum) għall-impjanti tal-elettrikui fir-reġjun.

4.6.1.   Il-proċess ta’ ristrutturar ta’ Hunosa

(109)

L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jkomplu l-proċess ta’ ristrutturar ta’ Hunosa skont ir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-ammonti ta’ għajnuna u l-kapaċità ta’ produzzjoni, kif ukoll il-persunal fil-miżura korrispondenti. Dawn il-miżuri ta’ ristrutturar għandhom jiġu evalwati filwaqt li tiġi kkunsidrata l-importanza soċjali u reġjonali ta’ Hunosa fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias.

(110)

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar ir-ristrutturar tal-proċess ta’ ristrutturar ta’ Hunosa, l-evoluzzjoni tad-dħul u l-infiq, il-prospetti u l-ammonti tal-għajnuna li għandhom jingħataw.

(111)

Il-pjan jinkludi l-elementi li ġejjin:

tnaqqis tal-persunal ta’ 33,6 %,

tnaqqis ta’ 25 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni u l-għeluq taż-żewġ unitajiet ta’ produzzjoni (Pumarabule u Figaredo), li jfisser tnaqqis ta’ 700 000 tunnellata,

għeluq ta’ post tal-ħasil,

żieda fil-produttività b’21,4 %,

tnaqqis fil-produzzjoni ta’ 26,1 %,

tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ 20 %,

tnaqqis ta’ 25 % tal-għajnuna totali matul il-perjodu 2003–2005, meta mqabbla mat-tnaqqis ta’ 12 % tal-4 snin preċedenti.

(112)

Mill-1986, meta Spanja ssieħbet fil-Komunità, id-dejta relatata mal-proċess ta’ ristrutturar hija:

tnaqqis ta’ 71,9 % tal-persunal fil-kumpaniji Hunosa u Minas de Figaredo, bi tnaqqis minn 21 911-il ħaddiem fl-1986 għal 6 151 fl-2001,

tnaqqis ta’ 47,3 % fil-kapaċità tal-produzzjoni fir-rigward tal-minjieri ta’ taħt l-art,

tnaqqis ta’ 53,3 % fil-produzzjoni,

tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont totali tal-għajnuna għall-produzzjoni mill-1992 ’l hawn fil-valur attwali u 56 % fil-valur kostanti.

(113)

Matul il-perjodu 1998–2004, l-għajnuna lil Hunosa naqset bi 32 % fil-valur aġġustat, li huwa ogħla mill-medja fis-settur Spanjol tal-minjieri, fejn it-tnaqqis ġenerali kien ta’ 25,7 %. Mill-1992 ’l hawn, l-ammonti totali tal-għajnuna lil Hunosa waqgħu b’54 % fil-valuri aġġustati u b’69 % fil-valur kostanti.

(114)

Barra minn hekk, irriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli żammew il-proċess ta’ ristrutturar ta’ Hunosa lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturar 2003–2005. Fl-2003, l-għajnuna għall-produzzjoni effettivament mogħtija ammontat għal EUR 264 480 000, filwaqt li l-previżjoni kienet ta’ 271 593 000, li jfisser tnaqqis addizzjonali ta’ 2,6 %. L-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturar kienet tammonta għal EUR 240 689 000, meta mqabbla ma’ previżjoni ta’ EUR 302 557 000, li jfisser tnaqqis ta’ 20,4 %.

(115)

F’dak li jirrigwarda s-sena 2004, il-produzzjoni naqset sa 1 070 000 tunnellata, li jirrappreżenta tnaqqis addizzjonali ta’ 20 % fir-rigward tal-pjan. Fi tmiem l-2004, il-persunal kien naqas għal 4 137 persuna. L-ammont totali tal-għajnuna għall-produzzjoni effettivament mogħtija fl-2004 naqas, minflok il-EUR 254 682 mbassra, għal EUR 247 483, jiġifieri, tnaqqis ulterjuri ta’ 2,8 %.

(116)

Fi tmiem l-2005, huwa previst li l-persunal ikun jikkonsisti fi 3 500 persuna, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 14 % iktar milli mbassar fil-pjan.

(117)

Il-fatt li l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ Hunosa huma tant għoljin huwa dovut prinċipalment għall-karatteristiċi fiżiċi tal-minjieri. Id-densità tal-faħam hija baxxa ħafna, u twassal biex l-estrazzjoni ssir f’żona wiesgħa u teħtieġ livell għoli ta’ infrastruttura. Id-densità, apparti minn baxxa, hija irregolari, li jagħmel il-mekkanizzazzjoni diffiċli. Lanqas il-proċess ta’ ristrutturar, b’mod partikolari t-tnaqqis qawwi fil-persunal u n-numru għoli ta’ ħaddiema li jirtiraw kmieni, ma jikkontribwixxu għall-aħjar titjib fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Madankollu, Hunosa naqqset l-ispejjeż tal-produzzjoni permezz tat-titjib fil-ġestjoni u l-konċentrazzjoni tal-produzzjoni fl-unitajiet li kienu aktar faċli u li kellhom spejjeż aktar baxxi ta’ mekkanizzazzjoni u estrazzjoni teknika. Permezz tal-użu ta’ għodod oħra, il-mekkanizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni fis-seħħ u l-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-proċessi ta’ produzzjoni, komplew itejbu l-produttività. B’dan il-mod, se jinkiseb aktar tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni fil-futur.

(118)

Il-Kummissjoni, madankollu, tinnota li t-tnaqqis ta’ 20 % fl-ispiża tal-produzzjoni matul il-perjodu 2001-2005 ma rriżultax f’20 % oħra tnaqqis tal-għajnuna għall-produzzjoni. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, dan huwa minħabba d-differenzi fid-dħul bejn l-2001 u l-2005. Id-dħul medju tal-2001 kien ferm ogħla minn dak tal-2005, li ammonta għal EUR 37/tef.

(119)

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew spjegazzjonijiet dettaljati dwar dan id-dħul ta’ Hunosa. Il-prezz huwa stabbilit f’kuntratti fit-tul, li jinnegozjaw b’mod liberu Hunosa u l-klijenti tagħha, f’suq liberu.

(120)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ġdida rċevuta, il-Kummissjoni tqis li l-kontradizzjoni evidenti bejn l-isforz sinifikanti biex jitnaqqsu l-ispejjeż u tnaqqis, inqas ċar, tal-għajnuna għall-produzzjoni hija prinċipalment minħabba l-varjazzjonijiet fid-dħul li jirriżulta mill-prezz internazzjonali tal-faħam importat u r-rata ta’ kambju dollaru/ewro. Kif spjegat fit-taqsima 4.4.3 dwar il-kalkolu tad-dħul, id-dħul li jikkorrispondi għall-perjodu 2003-2005 kien inqas minn dak tas-sena 2001. Fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar dan ipprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikolari fil-kuntratti bejn Hunosa u l-ħames impjanti tal-elettriku li jużaw il-faħam tagħha, il-Kummissjoni setgħet tivverifika jekk intużawx il-figuri korretti fil-kalkolu tad-dħul ta’ Hunosa.

4.6.2.   Għajnuna lil Hunosa għal tnaqqis fl-attività

(121)

L-għajnuna mogħtija fil-passat għat-tnaqqis fl-attività tirreferi għall-unitajiet ta’ produzzjoni ta’ Hunosa li ġew magħluqa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonsidra li, fir-rigward ta’ Hunosa wkoll, ġew imħarsa d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

4.6.3.   Għajnuna għall-aċċess għar-riservi tal-faħam

(122)

Il-pjan ta’ Hunosa jipprevedi l-għeluq tal-minjieri Pumarabule u Figaredo, li jfisser tnaqqis irriversibbli fil-kapaċità ta’ 700 000 tunnellata. Il-Kummissjoni tifhem li wieħed jista’ jassumi li l-pjanijiet l-oħra ta’ produzzjoni huma parti mill-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li jista’ jkun hemm bidliet wara l-2005. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta din il-fehma, u tħalli l-possibiltà miftuħa li jistgħu jitnaqqsu iktar l-ammonti totali tal-għajnuna li għandha tingħata wara l-2005.

(123)

Sabiex jispjegaw għala l-produzzjoni ta’ Hunosa tifforma parti mill-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam, l-awtoritajiet Spanjoli jirreferu għall-aċċessibbiltà tar-riservi mil-lat tekniku, id-domanda tal-impjanti tal-elettriku li jinsabu fiż-żona, il-kwalità tal-faħam u l-ħtiġijiet tal-impjanti mgħammra b’faċilitajiet tekniċi skont il-kwalità tal-faħam prodott minn Hunosa. Il-Kummissjoni tinnota li Spanja abbandunat il-kriterju ta’ provvista ta’ 100 jum għall-impjant tal-elettriku l-aktar fil-qrib. Skont l-ispjegazzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli, kien biss eżempju ipotetiku li qatt ma kien maħsub li jintuża bħala kriterju. Madankollu, dak li huwa eżempju ma jikkontestax il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli ħadu d-deċiżjoni li r-riservi ta’ Hunosa għandhom ikopru ċertu perċentwal tad-domanda tal-impjanti tal-elettriku allokati fl-istess żona. Minħabba l-flessibbiltà ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni tinnota li wieħed jista’ jassumi li l-awtoritajiet Spanjoli ma jiksrux il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija.

(124)

B’mod konformi mar-raġunament tal-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni tqis li jirriżulta li l-produzzjoni ta’ madwar miljun tunnellata fl-2005 hija parti mir-riserva strateġika tal-produzzjoni tal-faħam li l-awtoritajiet Spanjoli jixtiequ jżommu. Il-Kummissjoni taqbel mal-analiżi tal-awtoritajiet Spanjoli li l-Pjan ta’ Hunosa 2003-2005 huwa mezz tranżitorju, iżda indispensabbli, sabiex jiffaċilita iktar l-identifikazzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni li għandhom jiġu inklużi fil-pjan il-ġdid għall-perjodu 2006-2010 rigward l-aċċess għar-riservi tal-faħam. Minħabba t-tnaqqis sinifikanti kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-ammont ta’ għajnuna, il-pjan huwa konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 u jipprovdi bażi utli għal iktar ristrutturar. Minħabba li r-riservi ta’ Hunosa kienu meħtieġa sabiex tinkiseb produzzjoni totali tal-faħam ta’ 12-il miljun tunnellata fl-2005, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li r-riservi Hunosa jiffurmaw parti, matul il-perjodu 2003-2005, tal-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar lill-awtoritajiet Spanjoli li l-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam, u b’mod partikolari l-post li tokkupa Hunosa, minħabba l-ispejjeż għoljin tagħha tal-produzzjoni, għandu jiġi rivedut għall-perjodu 2006-2010. Il-produzzjoni ta’ Hunosa u s-sussidju possibbli għandhom jitnaqqsu sostanzjalment matul dan il-perjodu.

4.6.4.   Għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali fil-proċess ta’ ristrutturar Hunosa

(125)

L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali fil-proċess ta’ ristrutturar, li huma msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, fejn dawn l-ispejjeż ġew maqsuma fi spejjeż tekniċi u spejjeż soċjali, skont it-tabella li ġejja:

EUR (1000)

 

2003

2004

2005

Xogħol ta’ sigurtà, spejjeż relatati mar-rijabilitazzjoni tal-minjieri preċedenti tal-faħam

11 684

11 984

13 766

Deprezzament intrinsiku eċċezzjonali

9 514

10 902

22 905

Spejjeż tekniċi totali

21 198

22 886

36 638

Spejjeż ta’ rtirar kmieni

277 969

273 019

247 300

Indennizzi

3 005

2 705

2 404

Provvista tal-faħam

385

373

361

Spejjeż soċjali totali

281 359

276 097

250 065

Total

302 557

298 983

286 203

(126)

Għall-perjodu 2002–2005, Hunosa tipprevedi rtirar kmieni ta’ 2 622 ħaddiem, bi spiża ta’ madwar EUR 417 000 kull wieħed. Dawn l-ispejjeż jistgħu jvarjaw, kif muri fir-rigward tas-sena 2003. L-għajnuna attwalment mogħtija kienet ta’ 20 % anqas milli kien mistenni.

(127)

B’mod konformi mal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li fiż-żona kkonċernata, Hunosa tikkontribwixxi 20 % tal-impjieg dirett, u huwa diffiċli li jinħoloq impjieg alternattiv, peress li diġà nħolqu 18 000 impjieg mill-1986 ’l hawn. Hunosa għandha importanza kbira ekonomika u soċjali fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias. Il-Kummissjoni tifhem li Spanja għandha bżonn iż-żmien biex tiżviluppa attivitajiet ekonomiċi alternattivi oħra fir-reġjun.

(128)

Il-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, li din l-għajnuna tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. L-għotjiet ikopru l-miżuri elenkati fl-Anness tiegħu u ma jaqbżux l-ispejjeż.

4.6.5.   Reklutaġġ ta’ impjegati ġodda

(129)

Skont l-informazzjoni mogħtija minn Spanja, matul il-perjodu 2003-2005 ma saret ebda żieda ġdida. Il-Kummissjoni tilqa’ dan u tfakkar lill-awtoritajiet Spanjoli li huwa element importanti fl-istima tal-kompatibilità tal-miżuri ta’ ristrutturar, kemm preżentement kif ukoll fil-futur.

4.6.6.   Konklużjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Hunosa

(130)

Il-Kummissjoni tqis li Hunosa għamlet sforz sinifikanti ta’ ristrutturar u li, f’dan il-mument, u meta tiġi kkunsidrata l-importanza soċjali u reġjonali tagħha, ma jkunx raġonevoli li jiġu applikati miżuri iktar stretti. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta’ ristrutturar ta’ Hunosa huwa konformi mal-iskop u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002. L-għajnuna ngħatat biex tikkontribwixxi għall-proċess ta’ ristrutturar u ġew ikkunsidrati l-aspetti soċjali u reġjonali tal-pożizzjoni ta’ Hunosa fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias. Id-dubji espressi mill-Kummissjoni biex tibda l-proċeduri, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammonti allokati u l-kriterji applikabbli, ġew eliminati mill-awtoritajiet Spanjoli, filwaqt li pprovdew informazzjoni dettaljata addizzjonali u adottaw miżuri ta’ ristrutturar oħra li jmorru lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturar notifikati oriġinarjament. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar lill-awtoritajiet Spanjoli li l-pożizzjoni ta’ Hunosa għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid fid-dawl tal-miżuri l-ġodda ta’ ristrutturar u tal-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam għall-perjodu 2006-2010, u li huma meħtieġa miżuri ġodda għar-ristrutturar.

4.7.   Evalwazzjoni ġenerali tal-pjan ta’ ristrutturar 2003-2005

(131)

Il-pjan ta’ ristrutturar fih l-elementi tal-pjan ta’ aċċess għar-riservi tal-faħam imsemmija fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 u tal-pjan ta’ għeluq imsemmi fl-Artikolu 9(4). Il-Kummissjoni, għalhekk, tista’ tieħu deċiżjoni pożittiva dwar il-pjanijiet proposti skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, fuq il-bażi tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament imsemmi, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjonijiet dwar l-għajnuna annwali mogħtija jew il-konċessjoni mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lill-industrija tal-faħam għas-snin 2003, 2004 u 2005. Meta tittieħed deċiżjoni dwar il-konformità tagħhom, il-Kummissjoni għandha tqis il-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli minn 4 sa 8 u r-rispett għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

(132)

Il-Kummissjoni tqis li, b’mod konformi mal-miżuri ta’ ristrutturar notifikati minn Spanja, it-tnaqqis tal-għajnuna Statali se jwassal għal tnaqqis permanenti ġdid fil-produzzjoni tal-faħam. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, il-volum globali tal-għajnuna jsegwi tendenza ’l isfel u fi kwalunkwe sena wara l-2003 ma jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat mill-Kummissjoni għas-sena 2001. F’dak li jirrigwarda l-aċċess għar-riservi tal-faħam, kif previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament imsemmi, Spanja tipproponi li, fl-2005, jiġi garantit l-aċċess għar-riservi tal-faħam b’kapaċità totali ta’ 12-il miljun tef. Għal dan l-għan, il-kapaċità tal-produzzjoni ġiet imnaqqsa għal 1 600 000 tunnellata.

(133)

Għalkemm l-ispejjeż medji tal-produzzjoni tas-settur Spanjol tal-faħam naqsu ftit, l-ispejjeż tal-produzzjoni jibqgħu għoljin. Għalkemm il-prezzijiet tas-suq dinji żdiedu, is-sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli Spanjola tal-faħam fuq l-importazzjonijiet mhix se jkollha tibdil sinifikanti matul is-snin li ġejjin.

(134)

Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni ppreżentata u l-qafas ġenerali għas-snin 2006 u 2007 huma linji gwida tajba li fihom il-kundizzjonijiet meħtieġa kollha. Spanja żgurat li se tkompli tnaqqas kemm il-produzzjoni kif ukoll l-ammont totali tal-għajnuna matul dawn is-snin bl-istess rata li hija għamlet fl-2003–2005. Il-Kummissjoni, konsegwentement, taċċetta l-livell attwali u r-rilevanza tal-informazzjoni mogħtija minn Spanja għall-2006 u l-2007. Aktar ’il quddiem Spanja għandha tippreżenta l-informazzjoni dettaljata dwar il-volum totali ta’ għajnuna skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002 għall-perjodu 2006–2007, flimkien mal-miżuri ta’ ristrutturar għall-perjodu li jintemm fl-2010. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li din l-iskeda hija ġġustifikata, minħabba l-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-għeluq tal-unitajiet ta’ produzzjoni, filwaqt li tqis li Spanja ddikjarat espliċitament li se tissodisfa l-kundizzjoni li l-għajnuna tkompli jkollha tendenza li titnaqqas fil-perjodu wara l-2005. Dan tal-aħħar huwa punt kruċjali għall-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, peress li l-aħħar raġuni tal-qafas stabbilit mir-Regolament huwa li jiġi żgurat tnaqqis sinifikanti tal-għajnuna mogħtija lis-settur tal-faħam.

(135)

Spanja ddeċidiet li żżomm is-sistema ta’ għoti ta’ għajnuna li użat qabel. Il-miżuri ta’ ristrutturar minn naħa waħda jiffavorixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, jippermettu l-kontinwazzjoni tal-proċess ta’ ristrutturar. L-ammont tal-għajnuna nnotifikat huwa meħtieġ, peress li jiggarantixxi aċċess għar-riservi tal-faħam u tnaqqis fl-attività ta’ estrazzjoni, li hija meqjusa essenzjali. Mingħajr l-għajnuna, il-produzzjoni fi Spanja jkollha titwaqqaf, peress li l-industrija tal-faħam mhix kompetittiva.

(136)

Il-Kummissjoni tqis li huwa ġustifikabbli li l-volum stmat tal-kapaċità ta’ produzzjoni, stabbilit għal 12-il miljun tef għall-2005 fil-provvista tal-enerġija fi Spanja, meta wieħed jikkunsidra dan fid-dawl tal-politika tagħha ta’ sigurtà tal-provvista u tal-politika tal-enerġija globali tagħha. F’din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li Spanja ser iżżid il-perċentwal korrispondenti għall-enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni tal-enerġija minn issa sal-2010.

(137)

Peress li, mill-perspettiva tal-impjiegi, il-miżuri ta’ ristrutturar notifikati se jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti għas-suq tax-xogħol, fl-evalwazzjoni tal-pjan il-Kummissjoni kkunsidrat il-bżonn li jitnaqqsu għall-minimu possibbli l-effetti soċjali u reġjonali tar-ristrutturar tas-settur tal-faħam Spanjol.

(138)

Il-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi tan-notifika, li l-ippjanar fis-settur tal-faħam fi Spanja huwa bbażat fuq l-għanijiet li ġejjin: tnaqqis progressiv tal-għajnuna finanzjarja meħtieġa, tnaqqis tal-produzzjoni u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, provvista garantita lill-konsumaturi bil-kwalità adattata u fil-ħin dovut, tnaqqis soċjalment aċċettabbli fin-numru ta’ impjiegi u kunsiderazzjoni tal-effett reġjonali tal-miżuri.

(139)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-pjan Spanjol ta’ ristrutturar għall-perjodu 2003–2005 huwa dettaljat u jipprovdi linji gwida tajba skont il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-2006 u l-2007. Barra minn hekk, il-pjan jippreżenta stampa korretta tar-rwol tal-faħam fil-politika tal-enerġija u tal-ambjent fil-kuntest tal-provvista tal-enerġija primarja sal-2010.

(140)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u meta wieħed iqis li ġew adottati miżuri li jmorru lil hinn mill-pjan ta’ ristrutturar notifikat oriġinarjament, il-Kummissjoni tifhem li l-pjan ippreżentat minn Spanja huwa kumpatibbli mal-għanijiet u l-kriterji tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, u b’mod partikolari l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 4 u 6 tal-Artikolu 9 tiegħu. Minħabba li l-għajnuna korrispondenti għas-snin 2003, 2004 u 2005 ġew mogħtija jew se jingħataw fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar u b’mod konformi miegħu, il-Kummissjoni tikkonkludi, fuq il-bażi tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament, li dawn is-sussidji ngħataw b’konformità ma’ dan ir-Regolament.

5.   KONKLUŻJONI

(141)

Il-Kummissjoni tqis li Spanja tat għajnuna Statali b’mod illegali lis-settur tal-faħam fir-rigward tas-snin 2003 u 2004, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Madankollu, wara li analizzat il-miżuri u l-informazzjoni sottomessa minn Spanja fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1407/2002, il-Kummissjoni temmen li l-pjan tar-ristrutturar tal-industrija tal-faħam għall-perjodu 2003–2005 u l-għajnuna Statali korrispondenti għas-snin 2003–2005, ibbażati fuq dan il-pjan, huma kumpatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, hija tawtorizza lil Spanja tħallas dawn l-għajnuniet.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pjan ta’ ristrutturar tal-industrija tal-faħam u l-għajnuna Statali għas-snin 2003-2005, implimentati minn Spanja għas-snin 2003 u 2004, huma kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) tat-Trattat KE. Għalhekk, Spanja hija awtorizzata li tħallas din l-għajnuna.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmula fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 182, 15.7.2004, p. 3.

(2)  ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1. Regolament emendat permezz tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(3)  ĠU L 300, 5.11.2002, p. 42.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(5)  ĠU L 303, 13 11.1998, p. 57.

(6)  ĠU L 329, 30.12.1993, p. 12.

(7)  L-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) nru 1407/2002.

(8)  L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) nru 1407/2002.

(9)  L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) nru 1407/2002.

(10)  L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) nru 1407/2002.

(11)  L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) nru 1407/2002.

(12)  ĠU L 296, 30.10.2002, p. 73.

(13)  Kumpanija Statali tal-Ekonomija u l-Finanzi, maħluqa fl-1996 taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi.

(14)  COM(2001)264 finali, p. 1l.

(15)  Ħlas, assigurazzjoni u trasport.


Top