EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0072

Direttiva 2011/72/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għat-tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema ta' flessibbiltà Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 246, 23.9.2011, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 030 P. 48 - 51

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0167

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/72/oj

23.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/1


DIRETTIVA 2011/72/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Settembru 2011

li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għat-tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema ta' flessibbiltà

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-azzjoni li għandha tittieħed kontra l-emissjonijiet ta' inkwinanti ta' gass u partikolati minn magni għat-tmexxija ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija (3) tirregola l-emissjonijiet tal-egżost mill-magni li jkunu installati fit-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija bil-ħsieb li jkomplu jiġu ssalvagwardjati s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Id-direttiva 2000/25/KE pprovdiet li l-limiti tal-emissjonijiet applikabbli fl-2010 għall-approvazzjoni tat-tip tal-maġġoranza tal-magni bit-tqabbid bil-kompressjoni, imsejħa limiti tal-Istadju III A, kellhom jiġu sostitwiti bil-limiti aktar stretti tal-Istadju III B, li jidħlu fis-seħħ b'mod gradwali mill-1 ta' Jannar 2011 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq, u mill-1 ta' Jannar 2010 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip għal dawk il-magni. L-Istadju IV, li jipprevedi limiti tal-emissjonijiet aktar stretti mill-Istadju III B, ser jidħol fis-seħħ b'mod gradwali mill-1 ta' Jannar 2013 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip għal dawk il-magni u mill-1 ta' Jannar 2014 fir-rigward tat-tqegħid fis-suq.

(2)

It-tranżizzjoni għall-Istadju III B tinvolvi bidla fit-teknoloġija li teħtieġ spejjeż sinifikanti għall-implimentazzjoni għat-tfassil mill-ġdid tal-magni u għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi avvanzati. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali attwali jew kwalunkwe tnaqqis fir-ritmu ekonomiku m'għandux iwassal għal tnaqqis fl-istandards ambjentali. Din ir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/25/KE għandha għaldaqstant titqies bħala eċċezzjoni. Barra minn hekk, l-investimenti fit-teknoloġiji li ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent huma importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir, tal-impjiegi u tas-sigurtà tas-saħħa fil-ġejjieni.

(3)

Id-Direttiva 2000/25/KE tipprevedi skema ta' flessibbiltà li tippermetti lill-manifatturi tat-tratturi li jixtru, waqt stadju indikat, numru limitat ta' magni li ma jikkonformawx mal-limiti tal-emissjonijiet applikabbli matul dan l-istadju, iżda li huma approvati f'konformità mar-rekwiżiti tal-istadju li jippreċedi immedjatament dak applikabbli.

(4)

Mill-2005, id-Direttiva 2000/25/KE pprovdiet l-evalwazzjoni tal-ħtieġa possibbli għal flessibbiltajiet addizzjonali fir-rigward tal-limiti tal-emissjonijiet għall-Istadji III B u IV. Sabiex jiġi provdut serħan temporanju lill-industrija meta tkun għaddejja għall-istadju li jmiss, huwa meħtieġ li jiġu adattati l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema ta' flessibbiltà.

(5)

Matul l-Istadju III B, in-numru ta' tratturi li jitqiegħdu fis-suq u li jidħlu fis-servizz għandhom, f'kull kategorija tal-magna, ma jeċċedux l-40 % tan-numru ta' tratturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur tat-tratturi f'dik il-kategorija tal-magna. L-għażla alternattiva li numru stabbilit ta' tratturi jitħallew jitqiegħdu fis-suq u li jiddaħħlu fis-servizz taħt l-iskema ta' flessibbiltà għandha tiġi addatta b'dan il-mod.

(6)

Il-manifatturi ta' tratturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jibbenefikaw minn programmi Ewropej ta’ appoġġ finanzjarju jew minn kwalunkwe programm ta’ appoġġ rilevanti pprovduti mill-Istati Membri. Dawk il-programmi ta' appoġġ jistgħu jiffavorixxu proġetti li jimpjegaw l-aħjar teknoloġiji disponibbli bl-ogħla standards ta' emissjonijiet.

(7)

Id-Direttiva 2000/25/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva jirriflettu diffikultà temporanja li tiffaċċja l-industrija. Effettivament, l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri għandha tiġi ristrettagħat-tul ta' żmien tal-Istadju III B.

(9)

Il-limiti tal-emissjonijiet attwali għandhom isiru aktar stretti, inkluż fir-rigward tal-partiċelli ultrafini tal-karbonju iswed speċifikament billi jiġu introdotti limiti fuq in-numru tal-partiċelli fil-leġiżlazzjoni futura jekk dan ikun iġġustifikat mill-istimi rilevanti ta’ impatt,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2000/25/KE

Id-Direttiva 2000/25/KE b’dan hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, għandhom jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“—

‘skema ta' flessibbiltà’ tfisser il-proċedura ta' eżenzjoni li permezz tagħha Stat Membru jippermetti t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta' numru limitat ta' tratturi f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3a,

‘kategorija tal-magna’ tfisser il-klassifikazzjoni tal-magni li tgħaqqad il-medda tal-qawwa mal-istadju tal-limiti tal-emissjonijiet tal-egżost,

‘magħmula disponibbli fis-suq’ tfisser kwalunkwe forniment ta' trattur jew magna għad-distribuzzjoni jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas u kemm jekk mingħajr ħlas,

‘tqegħid fis-suq’ tfisser l-ewwel darba li trattur jew magna jkunu magħmula disponibbli fis-suq,

‘dħul fis-servizz’ tfisser l-ewwel użu, għall-iskop maħsub għalihom, fl-Unjoni ta’ trattur jew magna. Id-data li fiha jiġu reġistrati, jekk ikun applikabbli, jew jitqiegħdu fis-suq għandha titqies bħala d-data tad-dħul fis-servizz.”;

(2)

L-Artikolu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

Skema ta' flessibbiltà

B’deroga mill-Artikolu 3(1) u (2), l-Istati Membri għandhom jipprovdu li, fuq talba tal-manifattur tat-trattur, u bil-kondizzjoni li l-awtorità ta' approvazzjoni tkun tat il-permess rilevanti għat-tqegħid fis-suq f'konformità mal-proċeduri stipulati fl-Anness IV, numru limitat ta’ tratturi mgħammra b'magni approvati f'knofrmità mar-rekwiżiti tal-istadju tal-limiti tal-emissjonijiet li jippreċedi immedjatament dak applikabbli jistgħu jidħlu fis-servizz.

L-iskema ta' flessibbiltà għandha tibda meta stadju speċifikat isir applikabbli u għandu jkollha l-istess tul daqs l-istadju nnifsu. L-iskema ta' flessibbiltà stipulata fit-Taqsima 1.2 tal-Anness IV għandha, madankollu, tkun ristretta għat-tul tal-Istadju III B jew għal 3 snin meta ma jkun jeżisti l-ebda stadju sussegwenti.”;

(3)

L-Anness IV huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-24 ta' Settembru 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta’ Settembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 26.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2011.

(3)  ĠU L 173, 12.7.2000, p. 1.


ANNESS

“ANNESS IV

DISPOŻIZZJONIJIET GĦAT-TRATTURI U L-MAGNI MQIEGĦDA FIS-SUQ TAĦT L-ISKEMA TA' FLESSIBBILTÀ STIPULATA FL-ARTIKOLU 3a

1.   AZZJONIJIET MILL-MANIFATTURI TA’ TRATTURI

1.1.

Ħlief matul l-Istadju III b, manifattur tat-tratturi li jixtieq jagħmel użu mill-iskema ta' flessibbiltà għandu jitlob permess mill-awtorità ta' approvazzjoni biex iqiegħed it-tratturi fis-suq f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti stipulati f'dan l-Anness. In-numru ta' tratturi m’għandux jeċċedi l-limiti stipulati fit-taqsimiet 1.1.1 u 1.1.2. Il-magni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3a.

1.1.1.

In-numru ta’ tratturi li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema ta’ flessibbiltà m'għandhomx, f’kull kategorija tal-magna, jaqbżu l-20 % tan-numru annwali ta’ tratturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur tat-tratturi b’magni f’dik il-kategorija tal-magna (ikkalkulata bħala l-medja tal-bejgħ tal-aħħar 5 snin fis-suq tal-Unjoni). Fil-każ li manifattur tat-tratturi jkun ikkumerċjalizza tratturi fl-Unjoni għal perijodu ta' inqas minn 5 snin il-medja tiġi kklakulata abbażi tal-perijodu reali li matulu l-manifattur tat-tratturi ikun ikkumerċjalizza t-tratturi fl-Unjoni.

1.1.2.

Bħala għażla alternattiva għat-taqsima 1.1.1, in-numru ta' tratturi li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema ta' flessibbiltà ma għandux, f'kull medda tal-qawwa, jeċċedi l-limiti li ġejjin:

Medda tal-qawwa tal-magna

P (kW)

Numru ta’ tratturi

19 ≤ P < 37

200

37 ≤ P < 75

150

75 ≤ P < 130

100

130 ≤ P ≤ 560

50

1.2.

Matul l-Istadju III B, manifattur tat-tratturi li jixtieq jagħmel użu mill-iskema ta' flessibbiltà għandu jitlob permess mill-awtorità ta' approvazzjoni biex iqiegħed it-tratturi fis-suq f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti stipulati f'dan l-Anness. In-numru ta' tratturi ma għandux jeċċedi l-limiti stipulati fit-taqsimiet 1.2.1 u 1.2.2. Il-magni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3a.

1.2.1.

In-numru ta’ tratturi li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema ta' flessibbiltà ma għandhomx, f’kull kategorija tal-magna, jeċċedu l-40 % tan-numru annwali ta’ tratturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur tat-tratturi b’magni f’dik il-kategorija tal-magna (ikkalkulata bħala l-medja tal-bejgħ tal-aħħar 5 snin fis-suq tal-Unjoni). Fil-każ li manifattur tat-tratturi jkun ikkumerċjalizza tratturi fl-Unjoni għal perijodu ta' inqas minn 5 snin il-medja tiġi kklakulata abbażi tal-perijodu reali li matulu l-manifattur tat-tratturi ikun ikkumerċjalizza t-tratturi fl-Unjoni.

1.2.2.

Bħala għażla alternattiva għat-taqsima 1.2.1, in-numru ta' tratturi li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema ta' flessibbiltà ma għandux, f'kull medda ta' qawwa, jeċċedi l-limiti li ġejjin:

Medda tal-qawwa tal-magna

P (kW)

Numru ta’ tratturi

37 ≤ P < 56

200

56 ≤ P < 75

175

75 ≤ P < 130

250

130 ≤ P ≤ 560

125

1.3.

Il-manifattur tat-tratturi għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu lill-awtorità ta’ approvazzjoni dan it-tagħrif:

(a)

kampjun tat-tikketti li għandhom jitwaħħlu ma’ kull trattur li fih ser tiġi installata magna mqiegħda fis-suq taħt l-iskema ta' flessibbiltà. It-tikketti għandu jkollhom il-kliem li ġej: ‘Nru TAT-TRATTUR … (sekwenza tat-tratturi) TA' … (numru totali ta' tratturi fil-medda ta' qawwa rispettiva) B’MAGNA Nru … BL-APPROVAZZJONI TAT-TIP (Direttiva 2000/25/KE) Nru …’; u

(b)

kampjun tat-tikketta supplimentari li għandha titwaħħal fuq il-magna li fiha l-kliem imsemmi fit-taqsima 2.2.

1.4.

Il-manifattur tat-tratturi għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ approvazzjoni bi kwalunkwe tagħrif meħtieġ relatat mal-implimentazzjoni tal-iskema ta' flessibbiltà li l-awtorità ta’ approvazzjoni tista' titlob sabiex tieħu deċiżjoni.

1.5.

Il-manifattur tat-tratturi għandu jagħmel rapport kull 6 xhur lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ kull Stat Membru, fejn it-trattur jitqiegħed fis-suq dwar l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-flessibbiltà li qiegħed juża. Ir-rapport għandu jinkludi data kumulattiva dwar in-numru ta’ tratturi mqiegħda fis-suq taħt l-iskema ta' flessibbiltà, in-numri tas-serje tal-magni u t-tratturi, u l-Istati Membri fejn it-trattur ikun iddaħħal fis-servizz. Din il-proċedura għandha titkompla sakemm l-iskema ta' flessibbiltà tkun għadha tintuża, mingħajr l-ebda eċċezzjoni.

2.   AZZJONIJIET MILL-MANIFATTUR TAL-MAGNA

2.1.

Manifattur ta' magni jista' jqiegħed fis-suq magni taħt l-iskema ta' flessibbilità approvata f'konformità mat-taqsimiet 1 u 3 ta' dan l-Anness.

2.2.

Il-manifattur tal-magna għandu jimmarka b'tikketta dawk il-magni b’dan il-kliem: ‘Magna mqiegħda fis-suq taħt l-iskema ta’ flessibbilità’ f'konformità mar-rekwiżiti msemmija fit-taqsima 5 tal-Anness I.

3.   AZZJONIJIET MILL-AWTORITÀ TA' APPROVAZZJONI

L-awtorità ta' approvazzjoni għandha tivvaluta l-kontenut tat-talba għall-iskema ta' flessibbiltà u tad-dokumenti inklużi magħha. Għaldaqstant, għandha tgħarraf lill-manifattur tat-tratturi bid-deċiżjoni tagħha jekk tħallix jew le l-użu tal-iskema ta’ flessibbiltà kif mitlub.”.


Top