EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2011_163_R_0001_01

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/361/PESK tal- 20 ta’ Diċembru 2010 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

OJ L 163, 23.6.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/361/PESK

tal-20 ta’ Diċembru 2010

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 218, paragrafi 5 u 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-RGħ”),

Billi:

(1)

Il-kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-ġejjieni, aktar milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti abbażi ta’ każ b’każ għal kull operazzjoni konċernata.

(2)

Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fis-26 ta’ April 2010 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ġie nnegozjat,mir-RGħ, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SCHAUVLIEGE


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAS-SERBJA

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

(2)

L-Unjoni Ewropea tiddeċiedi jekk Stati terzi jkunux mistiedna jipparteċipaw f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ taċċetta l-istedina tal-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F’tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost tar-Repubblika tas-Serbja.

(3)

Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Serbja f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-ġejjieni, iktar milli jiġu definiti dawn il-kondizzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ għal kull operazzjoni konċernata.

(4)

Tali ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-Unjoni Ewropea fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u ma għandux jippreġudika in-natura każ b’każ tad-deċiżjonijiet tar-Repubblika tas-Serbja li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

(5)

Tali ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-futur u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim eżistenti, li jirregola l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjoni, li tkun diġà nbdiet, tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi,

QABLU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tistieden lir-Repubblika tas-Serbja biex tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, u ladarba r-Repubblika tas-Serbja tkun iddeċidiet li tipparteċipa, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut tar-Repubblika tat-Serbja għandha ssir b’konsultazzjoni mar-Repubblika tas-Serbja.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Repubblika tas-Serbja b’indikazzjoni bikrija ta’ kontribut probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lir-Repubblika tas-Serbja fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.

4.   L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni lir-Repubblika tas-Serbja permezz ta’ ittra bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ma’ kwalunkwe deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv meħtieġ.

2.   Il-kontribut tar-Repubblika tas-Serbja għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi ikun mingħajr ħsara għall-awtonomija tal-Unjoni Ewropea fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Artikolu 3

Status ta’ persunal u forzi

1.   L-istatus ta’ persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u/jew tal-forzi kontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi mir-Repubblika tas-Serbja għandhom jiġu regolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni.

2.   L-istatus ta’ persunal kontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta’ kmand li jinstabu barra l-Istat jew Stati li fihom isseħħ l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandu jiġi regolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta’ kmand konċernati u r-Repubblika tas-Serbja.

3.   Mingħajr ħsara għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, ir-Repubblika tas-Serbja għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

4.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun responsabbli sabiex twieġeb għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, minn jew dwar kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun responsabbli sabiex tressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

5.   Ir-Repubblika tas-Serbja tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li fiha tipparteċipa r-Repubblika tas-Serbja, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

6.   L-Unjoni Ewropea tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ drittijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tar-Repubblika tas-Serbja f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun imħarsa skont ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill tal-UE, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (1), u skont gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE dwar operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jew il-Kap tal-Missjoni tal-UE dwar operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Fejn l-UE u r-Repubblika tas-Serbja jkunu kkonkludew ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jidħol għall-missjoni tiegħu b’mod konformi:

(a)

mad-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1).

(b)

mal-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

mal-miżuri implementattivi.

2.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tinforma fiż-żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

3.   Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandu jiġi sottopost għal eżami mediku, vaċċinazzjoni u għandu jiġi ċertifikat b’mod mediku li huwa jinsab b’saħħtu għax-xogħol minn awtoritá kompetenti mir-Repubblika tas-Serbja. Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandu jipproduċi kopja ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta’ kmand

1.   Il-persunal issekondat mir-Repubblika tas-Serbja għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu bl-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi biss f’moħħu.

2.   Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fuq il-post.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tagħha ta’ kuljum.

6.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qegħdin jipparteċipaw fl-operazzjoni, skont l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim.

7.   Il-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili ta’l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. Meta jkun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtoritá nazzjonali konċernata.

8.   Għandu jiġi maħtur Punt ta’ Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mir-Repubblika tas-Serbja sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi dwar materji nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

9.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mar-Repubblika tas-Serbja jekk hija tkun għadha qed tikkontribwixxi lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tas-Serbja għandha, ladarba r-responsabbiltá tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-budget operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tas-Serbja lill-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-formuli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza li jikkorrispondi proporzjonalment għall-proporzjon tal-GNI (Dħul Nazzjonali Gross) tar-Repubblika tas-Serbja fit-total tal-GNIs tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operattiv li jikkorrispondi proporzjonalment għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tar-Repubblika tas-Serbja parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Repubblika tas-Serbja ma għandha tagħmel l-ebda kontribut għall-finanzjament ta’ għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika tas-Serbja minn kontributi finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi meta:

(a)

l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li r-Repubblika tas-Serbja jipprovdi kontribut sinifikattiv li jkun essenzjali għall-operazzjoni; jew

(b)

ir-Repubblika tas-Serbja għandha GNI per capita li ma jaqbiżx dak ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

5.   Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tar-Repubblika tas-Serbja għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, bejn il-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi u s-servizzi amministrattivi rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont konċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribut finanzjarju;

(c)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni f’operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tiżgura li l-forzi tagħha u l-persunal parteċipanti f’operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jimpenjaw ruħhom fil-missjoni tagħhom f’konformità:

(a)

mad-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)

mal-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

mal-miżuri implementattivi.

2.   Il-persunal issekondat mir-Repubblika tas-Serbja għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu bl-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi biss f’moħħu.

3.   Ir-Repubblika tas-Serja għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fiż-żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta’ kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha parteċipanti fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operattiv u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika tas-Serbja, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tar-Repubblika tas-Serbja.

5.   Għandu jiġi maħtur rappreżentant Militari Anzjan (SMR) mir-Repubblika tas-Serbja sabiex jirrappreżenta l-kontinġent Serb fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-materji kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent Serbjan.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (2).

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tas-Serbja għandha, ladarba r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 12

Kontribut għall-ispejjeż komuni

1.   Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tas-Serbja għall-ispejjeż komuni għandha tiġi kkalkolata abbażi ta’ waħda miż-żewġ formuli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jikkorrispondi proporzjonalment għall-proporzjon tal-GNI tar-Repubblika tas-Serbja fit-total tal-GNIs tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jikkorrispondi proporzjonalment għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Repubblika tas-Serbja parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) tal-paragrafu 2 u r-Repubblika tas-Serbja tikkontribwixxi biss persunal għall-Operazzjoni jew għall-Kwartieri Ġenerali tal-Forza, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tagħha għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F’każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mir-Repubblika tas-Serbja għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika tas-Serbja minn kontributi finanzjarji lill-ispejjeż komuni ta’ operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi meta:

(a)

l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li r-Repubblika tas-Serbja tipprovdi kontribut sinifikattiv għall-assi u/jew għall-kapaċitajiet li jkunu essenzjali għall-operazzjoni; jew

(b)

ir-Repubblika tas-Serbja għandha GNI per capita li ma jaqbiżx dak ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

4.   Għandu jiġi konkluż arranġament bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni 2008/975/PESK u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja. Dan l-arranġament għandu jinkludi dispożizzjonijiet inter alia dwar:

(a)

l-ammont konċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribut finanzjarju;

(c)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti implimentattivi

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja.

Artikolu 14

Nonkonformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta’ xahar.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mid-data tal-firma.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal reviżjoni regolari.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

5.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

Magħmul fi Belgrad, dan it-tmien jum ta’ Ġunju tas-sena 2011 duplikatament, bl-Ingliż.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tas-Serbja


(1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1 (Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap 1, Vol 3, p. 263).

(2)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 96.

TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li fiha tipparteċipa r-Repubblika tas-Serbja, jagħmlu dak li jistgħu, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, sabiex jirrinunzjaw, safejn ikun possibbli, pretensjonijiet kontra r-Repubblika tas-Serbja għal korriment, mewt ta’ persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kienu kkawżati minn persunal mir-Repubblika tas-Serbja fit-twettiq tad-doveri tiegħu marbuta mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ diliġenza jew ta’ kondotta skorretta volontarja,

jew irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi fil-proprjetà tar-Repubblika tas-Serbja, sakemm l-assi ġew użati b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ nuqqas serju ta’ diliġenza jew ta’ kondotta skorretta volontarja ta’ persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi mir-Repubblika tas-Serbja li kien qiegħed juża dawk l-assi.”.

Test għar-Repubblika tas-Serbja:

“Ir-Repubblika tas-Serbja waqt li tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi tagħmel dak li tista’, safejn is-sistema legali interna tagħha hekk tippermetti, sabiex tirrinunzja, safejn ikun possibbli, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi għal korriment, mewt ta’ persunal tagħha, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kienu kkawżati mill-persunal fit-twettiq tad-doveri tiegħu b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ diliġenza jew ta’ kondotta skorretta volontarja,

jew irriżultaw mill-użu ta’ kwalunkwe assi tal-Istati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, sakemm l-assi kienu użati b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ diliġenza jew ta’ kondotta skorretta volontarja tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi li kien qiegħed juża dawk l-assi.”.


Top