EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0584

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2011 tas- 17 ta’ Ġunju 2011 li japprova emendi mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Grana Padano (DPO)]

OJ L 160, 18.6.2011, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 065 P. 252 - 257

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/584/oj

18.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/65


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 584/2011

tas-17 ta’ Ġunju 2011

li japprova emendi mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Grana Padano (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat it-talba mressqa mill-Italja għall-approvazzjoni tal-emendi fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Grana Padano”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2).

(2)

Minħabba li l-emendi kkonċernati mhumiex minuri fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għall-emendi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament imsemmi.

(3)

Intbagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni indirizzata lill-Kummissjoni, konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, mill-kumpanija Chäs & Co Käsehandel GmbH, Inhaber Urs Reichen, Grubenstr 39, 8045 Zürich, l-Isvizzera permezz.tal-awtoritajiet Svizzeri. Fl-ittra tagħha tas-6.4.2010, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu l-konsultazzjonijiet xierqa.

(4)

Jekk jintlaħaq ftehim fi żmien sitt xhur li jinkludu emendi minuri għall-ispeċifikazzjoni, il-Kummissjoni issa għandha tieħu deċiżjoni.

(5)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-emendi għandhom jiġu approvati u d-dokument uniku emendat għandu jiġi ppubblikat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet ppreżentati fl-Anness dwar l-isem fl-Anness I għal dan ir-Regolament u b’hekk approvat.

Artikolu 2

Id-dokument uniku emendat fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandu jiġi applikat.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.

(3)  ĠU C 199, 25.8.2009, p. 24.


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsubin għall-konsum mill-bniedem imniżżlin fl-Anness I għat-Trattat:

Klassifikazzjoni 1.3.   Ġobon

L-ITALJA

Grana Padano (PDO)


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“GRANA PADANO”

Nru tal-KE: IT-PDO-0217-0011-26.7.2006

IĠP ( ) DPO (X)

1.   Isem

“GRANA PADANO”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip tal-prodott [l-Anness III]

Klassi 1.3. —

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem ta’ (1)

Ġobon iebes, imsajjar u jimmatura bil-mod, prodott matul is-sena kollha u wżat sħiħ fuq il-mejda jew maħkuk, prodott bil-ħalib mhux proċessat parzjalment xkumat tal-baqra li l-alimentazzjoni tagħha tikkonsisti minn ħxejjex ħodor jew ippreservati, li ġej minn żewġ ħalbiet kuljum; jista’ jintuża ħalib ġej minn ħalba waħda jew minn żewġ ħalbiet imħalltin. Għandu forma ċilindrika bil-qoxra tal-ġenb kemmxejn kunvessa jew kważi dritta, bl-uċuħ ċatti u kemmxejn imberfla.

Għandu dijametru ta’ bejn 35 u 45 cm u l-għoli tal-qoxra tal-ġenb ivarja minn 18 sa 25 cm, b’varjazzjonijiet skont il-kundizzjonijiet tekniċi tal-produzzjoni.

Piż: minn 24 sa 40 Kg; Qoxra: iebsa u lixxa, bi ħxuna ta’ bejn 4 u 8 mm.

Il-ġobon ta’ ġewwa huwa iebes, bi struttura ramlija fina, b’kisra radjali li jsir laqx meta jitfarrak u b’toqob kemm kemm viżibbli. Il-kontenut tax-xaħam tas-sustanza xotta huwa ta’ mill-anqas 32 %. Il-kulur tal-qoxra hu skur jew ta’ kukur isfar dehbi naturali; u l-pasta hija bajda jew kulur it-tiben. Il-ġobon ta’ ġewwa għandu riħa tfuħ u togħma delikata.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti proċessati biss)

Il-ħalib mhux proċessat tal-baqra, ix-xorrox naturali, it-tames tal-għoġol.

Il-ħalib ġej mill-baqar imrobbija fiż-żona ġeografika kif definita fil-punt 4.

3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-alimentazzjoni bażi tal-baqar tal-ħalib tikkonsisti fi ħxejjex ħodor jew ippreservati, u tingħata lill-baqar fi żmien it-treddigħ, lill-annimali xotti mill-ħalib u lill-għoġġiela li għandhom aktar minn 7 xhur.

L-alimentazzjoni tal-baqar bil-ħalib hija bbażata fuq l-użu ta’ ikel miksub mill-kultivazzjonijiet azjendali jew fl-ambitu tat-territorju ta’ produzzjoni tal-GRANA PADANO D.O.P.

Fil-porzjon tal-ġurnata mhux anqas minn 50 % tas-sustanza xotta trid tkun ġejja minn ħaxix aħdar bil-proporzjon ta’ ħaxix aħdar ma’ għalf, riferit bħala sustanza xotta, ta’ mhux inqas minn 1.

Mill-anqas 75 % tas-sustanza xotta tal-ħaxix tal-porzjon tal-ġurnata għandha tkun ġejja minn ikel prodott fit-territorju tal-produzzjoni tal-ħalib.

L-ikel awtorizzat huwa mniżżel f’lista pożittiva, li tinkludi:

ħaxix: ħaxix aħdar frisk, ħuxlief, tiben, ħaxix maħżun (mhux permessi għall-produzzjoni tat-tipoloġija Trentingrana);

materja prima għall-għalf, miġbura fi gruppi skont kategoriji, bil-permess li jkunu integrati mal-ħaxix: ċereali u derivati tagħhom, żerriegħa żejtnin u derivati tagħhom, tuberi u għeruq u prodotti tagħhom, ħaxix imnixxef, derivati mill-industrija taz-zokkor, żerriegħa ta’ legumi, xaħmijiet, minerali, addittivi.

3.5.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

L-operazzjonijiet tal-produzzjoni u tal-maturazzjoni għandhom iseħħu fit-territorju tal-produzzjoni kif definit fil-punt 4.

3.6.   Regoli speċifiċi li japplikaw għat-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-operazzjonijiet ta’ taħkik u l-imballaġġ tiegħu għandhom isiru fit-territorju tal-produzzjoni definit fil-punt 4 peress li l-ġobon maħkuk frisk huwa prodott sensibbli ħafna u l-konservazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi tiegħu teħtieġ imballaġġ immedjat f’kundizzjonijiet tali li jevitaw kull tnixxif: mill-bqija, l-ippakkjar immedjat ta’ imballaġġ li għandu d-denominazzjoni tal-oriġini jista’ jiggarantixxi aħjar l-awtentiċità tal-prodott maħkuk li, fin-natura tiegħu, huwa aktar diffiċli tidentifikah meta mqabbel mal-forma sħiħa, fejn il-marka tkun viżibbli (kif konfermat mis-sentenza tal-Qori tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2003).

L-użu tal-biċċiet tal-ġobon li ġejjin mill-qtugħ u l-imballaġġ tal-“Grana Padano” D.O.P f’biċċiet b’piż varjabbli u/jew piż fiss, fi blokok, f’kaxex żgħar, f’loqom, eċċ. għall-produzzjoni tal-“Grana Padano” maħkuk, huwa permess unikament skont il-kundizzjonijiet li ġejjin: tkun rispettata l-perċentwali massima tal-qoxra ta’ 18 %; tkun garantita dejjem it-traċċabbiltà tal-forom sħaħ tal-“Grana Padano” D.P.O. li minnhom ġejjin il-biċċiet tal-ġobon; fil-każ tal-użu differenti u/jew tat-trasferiment minn stabbiliment għall-ieħor, il-biċċiet tal-ġobon għandhom jinżammu separati skont ir-reġistrazzjoni u x-xahar ta’ produzzjoni; it-trasferiment tal-biċċiet tal-ġobon huwa permess biss fl-ambitu tal-istess azjenda, jew grupp azjendali, u ġewwa ż-żona tal-oriġini biss. Għalhekk, huwa projbit it-tqegħid fis-suq tal-biċċiet tal-ġobon li huma destinati għall-produzzjoni tal-“Grana Padano” maħkuk.

3.7.   Regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-tikkettar

Il-marka ta’ identifikazzjoni uffiċjali li turi l-pussess tar-rekwiżiti li jilleġittimaw l-użu tad-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini GRANA PADANO, u li għandha għalhekk tidher kemm fuq il-forom sħaħ kif ukoll fuq il-pakketti kollha tal-ġobon GRANA PADANO D.P.O. f’porzjonijiet u maħkuk, hija magħmula minn disinn rombojdi bil-kliem miktuba fuqu “GRANA” u PADANO”, f’karattri b’ittri kapitali. Ġewwa l-irkejjen ta’ fuq u t’isfel tar-rombojd, li għandu l-kantunieri ittundjati, hemm miktuba rispettivament l-inizjali “G” u “P”.

L-istrixxi li jimmarkaw fil-kiesaħ il-marka tal-oriġini fil-forom waqt l-att tal-għoti tal-forma huma magħmula minn serje ta’ figuri rombajdali b’erbat iġnub fis-sura ta’ djamant bit-tikek li ġewwa fihom hemm b’mod alternattiv il-kliem “GRANA” u “PADANO”, u għandhom riferimenti li jidentifikaw l-impjant li pproduċa l-ġobon u l-identifikazzjoni tax-xahar u s-sena ta’ produzzjoni.

Huwa permess biss l-użu ta’ strixxi speċifiċi li jimmarkaw għat-tipoloġija “Trentingrana” għal GRANA PADANO D.P.O. biss li hu prodott fil-Provinċja awtonoma ta’ Trento, u bil-kundizzjoni li fil-produzzjoni jintuża ħalib li ġej minn baqar li jieklu ħaxix aħdar matul is-sena kollha mingħajr ma jkun fih kwalunkwe tip ta’ għalf ta’ ħaxix maħżun; L-istrixxi huma magħmula minn ringiela ta’ figuri rombajdali b’erbat iġnub fis-sura ta’ djamant magħmula permezz tal-kelma “TRENTINO”; fil-parti ċentrali, f’nofs il-forom stilizzati ta’ xi muntanji, jinqraw il-kliem “TRENTINO” miktuba vertikalment u mad-dawra tal-ġobna.

L-azzjoni li tidentifika l-origini min-naħa tal-istrixxi li jimmarkaw hija integrata fl-iffissar ta’ pjanċa tal-kaseina, li jkollha l-kliem “GRANA PADANO”, is-sena ta’ produzzjoni u kodiċi alfanumeriku, li jidentifika b’mod ċar kull forma individwali.

Il-ġobon “Grana Padano” li jkun immatura għal mill-anqas 20 xahar mill-għoti tal-forma fiż-żona ta’ produzzjoni jista’ jiġi identifikat bħala “RISERVA”. L-appartenenza għall-kategorija “Grana Padano” RISERVA hija awtorizzata permezz tat-tieni marka li tiġi mikwija fuq wiċċ il-ġobon, impoġġija fuq il-qoxra tal-ġnub tal-forom fuq talba tal-produtturi bl-istess modi maħsuba għall-iffissar tal-marka D.P.O. Il-marka inkwistjoni hija magħmula minn disinn ċirkulari, li minn ġo fih tgħaddi l-kelma “RISERVA” minn naħa għall-oħra. Ġewwa l-lunetta ta’ fuq hemm miktuba l-kelma “OLTRE” u n-numru “20”, filwaqt li f’dik ta’ isfel hemm miktuba l-kelma “MESI” [xhur].

Għall-prodotti ippakkjati huma maħsuba l-kategoriji ta’ prodott ulterjuri li ġejjin: il-“GRANA PADANO OLTRE 16 MESI” u l-“GRANA PADANO” RISERVA.

Fuq il-pakketti tal-ġobon li jaqgħu taħt il-kategorija “GRANA PADANO OLTRE 16 MESI”, il-logo GRANA PADANO huwa kompletat bil-kliem “OLTRE 16 MESI”, miktuba f’linja waħda bejn żewġ strixxi paralleli.

Fuq il-pakketti tal-ġobon li jaqgħu taħt il-kategorija “GRANA PADANO RISERVA”, minbarra l-logo GRANA PADANO tidher ukoll riproduzzjoni tal-marka RISERVA li tiġi mikwija fuq wiċċ il-ġobon.

4.   Definizzjoni Konċiża dwar iż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni u tat-tħakkik tal-GRANA PADANO D.O.P huwa t-territorju tal-provinċji ta’ Alessandria, Asti, Biella, Cuneo, Novara, Torino, Verbania, Vercelli, Bergamo, Brescia, Como, Cremona, Lecco, Lodi, Mantova fuq ix-xellug tal-Po, Milano, Monza, Pavia, Sondrio, Varese, Trento, Padova, Rovigo, Treviso, Venezia, Verona, Vicenza, Bologna fuq il-lemin tar-Reno, Ferrara, Forlì Cesena, Piacenza, Ravenna u Rimini, kif ukoll il-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ Bolzano: Iż-żona ta’ produzzjoni tikkonsisti fit-territorju tal-provinċji ta’ Bolzano: Anterivo, Lauregno, Proves, Senale-S. Felice u Trodena.

5.   Rabta maż-żona Ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Grana Padano” D.O.P. fil-biċċa l-kbira tikkorrispondi mar-reġjun tal-pjanura tal-Po, jew sewwasew iż-żona ġeografika tax-xmara Po, li hija karatterizzata minn terreni li jimtlew bl-ilma tax-xmara meta tfur, alluvjali, fluvjoglaċjali, abbundanti fl-ilma, fost l-iktar fertili tad-dinja u fost l-iktar adattati għall-produzzjoni tal-ħaxix aħdar.

B’mod partikolari, dawn il-karatteristiċi tal-ħamrija, assoċjati mal-mikroklima speċifika taż-żona, jiffavorixxu l-produzzjoni tal-qamħirrun, li jirrappreżenta l-bażi l-aktar importanti tal-għalf tal-ħaxix għall-baqar tal-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tal-“Grana Padano” D.P.O., u jista’ jkun sa 50 % tas-sustanza xotta li tittiekel.

L-attività ta’ riabbilitazzjoni u tas-sistema ta’ irrigazzjoni taż-żona tal-pjanura tal-Po bdiet fis-seklu 11 u serviet ta’ spunt għall-iżvilupp lokali tat-tkabbir tal-baqar. B’konsegwenza ta’ dan, kien hemm disponibbiltà ta’ kwantità notevoli ta’ ħalib, li kienet ta’ aktar milli kien hemm bżonn għall-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-popolazzjoni rurali, u dan stimula u għamel neċessarju li l-ħalib ikun mibdul f’ġobon li jista’ jiġi preservat. Anke llum, id-disponibbiltà kbira ta’ ħaxix tal-għalf lokali, speċjalment il-qamħirrun, marbuta mad-disponibbiltà kbira ta’ ilma, hija element fundamentali għaż-żamma tat-trobbija tal-baqar u konsegwentement, għad-disponibbiltà tal-ħalib.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

L-ispeċifiċità tal-GRANA PADANO D.P.O tista’ tiġi attribwita mill-elementi li ġejjin:

id-daqs u l-piż tal-forma;

il-karatteristika morfoloġika partikolari tal-ġobon, marbuta mat-teknika ta’ produzzjoni, karatterizzata minn nisġa ramlija li twassal għall-kisra tipika li tħalli l-laqx tal-ġobon imfarrak;

il-kulur tal-ġobon abjad jew lewn it-tiben b’togħma delikata u riħa tfuħ, li ġej mill-użu kbir ta’ qamħirrun lewn ix-xema fl-alimentazzjoni tal-baqar;

il-kontenut ta’ ilma u xaħam li huwa sostanzjalment l-istess bħall-kontenut ta’ proteini;

id-degradazzjoni naturali għolja tal-proteini f’peptoni, peptiti u amminoaċidi liberi,

ir-reżistenza li tippermetti maturazzjoni fit-tul, anke iktar minn 20 xahar.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP).

Ir-rabta kawżali bejn il-GRANA PADANO D.P.O u ż-żona ta’ oriġini hija attribwita lill-elementi li ġejjin:

il-potenzjal għoli ta’ irrigazzjoni fil-pjanura tal-Po u, b’konsegwenza, id-disponibbiltà ta’ ħaxix aħdar, fosthom prinċipalment il-qamħirrun lewn ix-xema, li miegħu marbutin il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kulur abjad jew lewn it-tiben, it-togħma u r-riħa tal-ġobon kif imsemmija fil-punt 5.2.

Fil-fatt, l-użu ta’ qamħirrun – jew qamħirrun lewn ix-xema – maħżun, jwassal għal dieta li tinkludi inqas koloranti, bħall-karoteni, anthocyanins, klorofilla, fi kwantità anqas minn dik li tittieħed minn alimentazzjonijiet abbażi ta’ ħuxlief jew essenzi ta’ ħaxix aħdar. Dan fil-fatt huwa konsegwenza diretta tal-fażi tal-ħażna;

l-użu ta’ ħalib mhux proċessat, li konsegwentement jikkontribwixxi għall-produzzjoni ta’ batterji tal-ħalib tipiċi tat-territorju;

l-użu ta’ xorrox naturali, li joħloq rabta mikrobijoloġika mhux interrota mat-territorju tal-produzzjoni. Fil-fatt, il-ħalib li jsir xorrox, minn naħa huwa effettivament il-ħolqa li torbot il-proċess ta’ kif isir il-ġobon mat-territorju ta’ produzzjoni, minn oħra jiggarantixxi l-kontribuzzjoni kontinwa u kostanti ta’ batterji tal-ħalib tipiċi taż-żona ta’ oriġini, li huwa responsabbli mill-karatteristiċi prinċipali speċifiċi tal-ġobon “GRANA PADANO D.P.O”.

Barra minn hekk, ir-rabta kawżali bejn il-karatteristiċi tal-prodott u ż-żona ta’ produzzjoni tiegħu hija mogħtija mill-“casaro” (dak li jagħmel il-ġobon), li minn dejjem kellu importanza ċentrali u fundamentali fil-produzzjoni tal-“GRANA PADANO D.P.O”.

Sal-lum, il-bidla tal-ħalib fi “Grana Padano” D.P.O. għadha fdata f’idejn min jagħmel il-ġobon u mhux f’idejn tekniċi jew xjenzati.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

Din l-amministrazzjoni attivat il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni għall-proposta ta’ emenda tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Grana Padano”.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli:

fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.politcheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/335

jew

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru (www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” [(fuqnett fuq il-lemin tal-iskrin) (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE (Reg (CE) n. 510/2006)”.


Top