EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0493

Regolament (UE) Nru 493/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta’ netwerk bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

OJ L 141, 27.5.2011, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 013 P. 195 - 198

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/08/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R1240

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/493/oj

27.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/13


REGOLAMENT (UE) Nru 493/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ April 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 dwar il-ħolqien ta’ netwerk bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(c) u l-Artikolu 74 tiegħu,

Wara li kkonsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 (2) jistipula l-obbligu li jiġu stabbiliti forom ta’ kooperazzjoni fost l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri, l-għanijiet ta’ tali kooperazzjoni, il-funzjonjiet u l-kwalifiki xierqa ta’ tali uffiċjali ta’ komunikazzjoni, kif ukoll ir-responsabiltajiet fil-konfront tal-pajjiż ospitanti u l-Istat Membru li jibgħat.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (3) stabbiliet Netwerk sigur ibbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Kordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni tal-Istati Membri għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari, id-dħul u l-immigrazzjoni illegali u t-treġġigħ lura ta’ residenti illegali. Skont dik id-Deċiżjoni l-elementi tal-iskambju tal-informazzjoni għandhom jinkludu n-netwerks tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (4) stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex). Frontex għandha l-kompitu li tipprepara analiżi tar-riskju kemm ġenerali kif ukoll magħmul apposta li għandu jiġi ppreżentat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(4)

L-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni għandhom jiġbru l-informazzjoni li tikkonċerna l-immigrazzjoni illegali għall-użu jew fuq livell operattiv jew fuq livell strateġiku, jew it-tnejn li huma. Tali informazzjoni tista’ sostanzjalment tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Frontex relatati mal-analiżi tar-riskju, u għal dan l-iskop għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni eqreb bejn in-netwerks differenti tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni u l-Aġenzija Frontex.

(5)

L-Istati Membri kollha għandhom ikunu f’pożizzjoni li jsejħu laqgħat, meta jkun xieraq, bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni stazzjonati f’pajjiż terz jew f’reġjun partikolari, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Frontex għandhom jipparteċipaw f’dawk il-laqgħat. Għandu jkun possibbli li jiġu mistiedna korpi u awtoritajiet oħra, bħalma huma l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 il-Fond għall-Fruntieri Esterni bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, sabiex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja u jiġi applikat il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għandu jkun possibbli li jintużaw ir-riżorsi disponibbli tal-Fond għall-Fruntieri Esterni sabiex jissaħħu l-attivitajiet organizzati mis-servizzi konsolari u servizzi oħrajn tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi u sabiex jiġi sostnut ir-rinforz tal-kapaċità operattiva tan-netwerks differenti tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni, u b’hekk tiġi promossa kooperazzjoni iktar effikaċi permezz ta’ dawk in-netwerks, bejn l-Istati Membri.

(7)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiġu infurmati b’mod regolari dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali tal-komunikazzjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżi u/jew reġjuni speċifiċi ta’ interess partikolari għall-Unjoni u dwar is-sitwazzjoni f’dawk il-pajjiżi u/jew reġjuni fi kwistjonjiet li għandhom x’jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali. L-għażla tal-pajjiżi u/jew ir-reġjuni speċifiċi ta’ interess partikolari għall-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq indikaturi migratorji oġġettivi, bħal statistiċi dwar l-immigrazzjoni illegali, u l-analiżi tar-riskju u informazzjoni jew rapporti rilevanti oħra ppreparati minn Frontex u mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u għandha tqis il-politika ġenerali tar-relazzjonjiet esterni tal-Unjoni.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 għandu, għalhekk, jiġi emendat kif meħtieġ.

(9)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-adattament tad-dispożizzjonjiet attwali tal-Unjoni dwar il-ħolqien u l-funzjonament tan-netwerks tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni sabiex iqisu t-tibdil fil-liġi tal-Unjoni u l-esperjenza prattika miksuba f’dak il-kuntest, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu jinkisbu aħjar fuq livell ta’ Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jikseb dak l-għan.

(10)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, f’konformità mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(11)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonjiet tal-acquis ta’ Schengen (6).

(12)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonjiet tal-acquis ta’ Schengen (7).

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jissejjes fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(14)

F’dak li jirrigwarda lill-Islanda u lin-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(15)

F’dak li jirrigwarda lill-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(16)

F’dak li jirrigwarda lil-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fl-ambitu tat-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (12),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-pargrafu 1, titħassar it-tieni sentenza;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu disponibbli fuq in-Netwerk sigur ibbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Kordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni tal-Istati Membri stabbilit bid-Deċiżjoni 2005/267/KE (*) (ICONet) taħt it-taqsima ddedikata għan-netwerks tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi dik l-informazzjoni lill-Kunsill.

(*)  ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.”;"

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

jiskambjaw informazzjoni u esperjenza prattika, b’mod partikolari f’laqgħat u permezz tal-ICONet,

skambju ta’ informazzjoni, meta jkun xieraq, dwar l-esperjenza rigward l-aċċess għall-protezzjoni ta’ dawk li jfittxu asil,”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (**) jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat organizzati fl-ambitu tan-netwerks tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-immigrazzjoni, għalkemm, jekk ikun il-konsiderazzjonjiet operattivi jeħtieġu dan, il-laqgħat jistgħu jsiru fl-assenza ta’ dawk ir-rappreżentanti. Korpi u awtoritajiet oħra jistgħu jiġu mistiedna, kif xieraq.

(**)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.”;"

(ċ)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu l-inizjattiva biex jagħmel laqgħat bħal dawn. Jekk l-Istat Membru li għandu l-Presidenza mhuwiex rappreżentat fil-pajjiż jew fir-reġjun konċernat, huwa l-Istat Membru li qiegħed jagħmilha bħala aġent President li għandu jieħu l-inizjattiva biex jagħmel il-laqgħa. Tali laqgħat jistgħu wkoll isiru fuq inizjattiva ta’ Stati Membri oħra.”;

(3)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   L-Istat Membru li għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew, fejn dak l-Istat Membru mhuwiex rappreżentat fil-pajjiż jew fir-reġjun konċernat, l-Istat Membru li qiegħed iservi bħala aġent President, fl-aħħar ta’ kull semestru għandu jipprepara rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni f’pajjiżi u/jew reġjuni speċifiċi ta’ interess partikolari għall-Unjoni, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni f’dawk il-pajjiżi u/jew ir-reġjuni, fi kwistjonjiet li għandhom x’jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali, u jqis l-aspetti rilevanti kollha, inklużi d-drittijiet tal-bniedem. L-għażla, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, ta’ pajjiżi u/jew reġjuni speċifiċi ta’ interess partikolari għall-Unjoni, għandha tkun ibbażata fuq indikaturi migratorji oġġettivi, bħal statistiċi dwar l-immigrazzjoni illegali, u l-analiżi tar-riskju u informazzjoni jew rapporti relevanti oħra ppreparati mill-Frontex u mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, u għandha tqis il-politika ġenerali tar-relazzjonjiet esterni tal-Unjoni.

2.   Ir-rapporti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitffasslu skont il-mudell stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/687/KE tad-29 ta’ Settembru 2005 dwar il-format għar-rendikont dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali tal-kollegamenti tal-immigrazzjoni u dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ospitant fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali (***) u għandhom jindikaw il-kriterji ta’ għażla rilevanti.

3.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li tqis aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fejn dan ikun rilevanti, tipprovdi sommarju fattwali u, fejn hu xieraq, rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq bażi annwali, dwar l-iżvilupp tan-netwerks tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni tal-immigrazzjoni.

(***)  ĠU L 264, 8.10.2005, p. 8.”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ April 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċizjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2011.

(2)  ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48.

(4)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.

(6)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.


Top