EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0327

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 327/2011 tat- 30 ta' Marzu 2011 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' ekodisinn għal fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 90, 6.4.2011, p. 8–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 004 P. 78 - 91

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/01/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/327/oj

6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 327/2011

tat-30 ta' Marzu 2011

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' ekodisinn għal fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-Kummissjoni għandha tiffissa r-rekwiżiti ta' ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta' bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f'termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(2)

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/125/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum ta' Konsultazzjoni, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżura implimentattiva għal prodotti li jużaw sistemi b'muturi tal-elettriku.

(3)

Il-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW jikkostitwixxu parti importanti ta' diversi prodotti li jikkondizzjonaw il-gassijiet. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 tat-22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' ekodisinn għal muturi tal-elettriku (2) stabbilixxa rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fosthom għal muturi tal-elettriku mgħammrin bi trażmissjonijiet b'veloċità varjabbli. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għal dawk il-muturi li huma parti minn sistema b'fann bil-mutur. Madankollu, bosta fannijiet koperti minn dan ir-Regolament jintużaw b'muturi li mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 640/2009.

(4)

Il-konsum elettriku totali tal-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW huwa 344 TWh kull sena, li sas-sena 2020, jekk it-tendenzi tas-suq tal-Unjoni jibqgħu l-istess, mistenni jitla' għal 560 TWh. Il-potenzjal ta' titjib fl-effiċjenza f'termini ta' nfiq permezz tad-disinn, għas-sena 2020, huwa ta' madwar 34 TWh fis-sena, li jikkorrispondi għal 16 Mt ta' emissjonijiet ta' CO2. Konsegwentement, il-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW jirrappreżentaw prodott li għalih għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' ekodisinn.

(5)

Bosta fannijiet jiġu integrati fi prodotti oħra bla ma jitqiegħdu fis-suq jew jitħaddmu separatament skont it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/125/KE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (3). Sabiex jinkiseb il-biċċa l-kbira tal-potenzjal kollu ta' ffrankar ta' enerġija b'effiċjenza f'termini ta' nfiq u sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-miżura, il-fannijiet kollha b'muturi ta' potenza elettrika bejn 125 W u 500 kW li huma integrati fi prodotti oħra għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ukoll.

(6)

Bosta fannijiet jagħmlu parti minn sistemi ta' ventilazzjoni installati f'binjiet. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun ibbażata fuq id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (4), tista' tiffissa rekwiżiti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija aktar stretti għal dawn is-sistemi ta' ventilazzjoni, billi tuża l-metodi għall-kejl u l-kalkoli definiti f'dan ir-regolament fir-rigward tal-effiċjenza tal-fann.

(7)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta' tħejjija li stħarreġ l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-fannijiet. L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet interessati mill-UE u minn pajjiżi terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Ħidmiet u konsultazzjonijiet oħra wrew li l-ambitu jista' jiġi estiż aktar, suġġett għal eżenzjonijiet li jsiru għal xi applikazzjonijiet partikolari fejn ir-rekwiżiti ma jkunux xierqa.

(8)

L-istudju ta' tħejjija wera li l-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet kbar, fejn il-konsum tal-elettriku fil-fażi ta' użu tagħhom ikun l-iktar aspett ambjentali sinifikanti fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

(9)

L-istudju ta' tħejjija juri li l-konsum tal-elettriku fl-użu huwa l-uniku parametru ta' ekodisinn sinifikanti relatat mad-disinn tal-prodott kif stipulat fid-Direttiva 2009/125/KE.

(10)

It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW għandu jinkiseb bl-użu ta' teknoloġiji eżistenti ta' dominju pubbliku li jkunu effiċjenti f'termini ta' nfiq u li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż totali tax-xiri u tat-tħaddim tagħhom.

(11)

Ir-rekwiżiti ta' ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW fl-Unjoni, u b'hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib fil-prestazzjoni ambjentali ta' dawn il-prodotti.

(12)

Il-fannijiet żgħar (indirettament) b'muturi ta' potenza elettrika bejn 125 W u 3 kW li l-funzjoni primarja tagħhom hija differenti ma jaqgħux taħt dan l-ambitu. Bħala eżempju, fann żgħir li jintuża biex ikessaħ mutur tal-elettriku ta' lupa ma jaqax taħt dan l-ambitu, anke jekk il-mutur tal-lupa stess (li jkun qiegħed idawwar il-fann ukoll) ikollu potenza ta' aktar minn 125 W.

(13)

Għandu jingħata qafas ta' żmien xieraq lill-manifatturi sabiex dawn jiddisinjaw mill-ġdid il-prodotti u jaddattaw il-linji tal-produzzjoni tagħhom. L-iffissar ta' żmien għandu jsir b'tali mod li l-impatti negattivi fuq il-funzjonalità tal-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW jiġu evitati, u li l-impatti fuq in-nefqa għall-manifatturi, partikolarment fl-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, jiġu meqjusa, filwaqt li jiġi żgurat il-ksib f'waqtu tal-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

(14)

Ir-reviżjoni ta' dan ir-Regolament hija ppjanata li ssir sa erba' snin minn meta jiddaħħal fis-seħħ. F'każ li l-Kummissjoni tirċievi prova li tkun meħtieġa reviżjoni, il-proċess ta' reviżjoni jista' jinbeda qabel. B'mod partikolari, ir-reviżjoni għandha tivvaluta l-iffissar ta' rekwiżiti indipendenti mit-teknoloġija, il-potenzjal tal-użu ta' muturi bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli (VSD) u l-ħtieġa tal-kwantità u tal-ambitu tal-eżenzjonijiet kif ukoll l-inklużjoni ta' fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input inqas minn 125 W.

(15)

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW għandu jiġi determinat permezz ta' metodi ta' kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta' kejl l-aktar żviluppati rikonoxxuti inkluż, fejn dawn huma disponibbli, standards armonizzati adottati mill-korpijiet ta' standardazzjoni Ewropej, kif imniżżla fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (5).

(16)

Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni fis-suq ta' teknoloġiji li jillimitaw l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW, li hu stmat li għandu jwassal għal iffrankar ta' elettriku ta' 34 TWh kull sena sal-2020, imqabbel mas-sitwazzjoni fejn ma tittieħed l-ebda miżura.

(17)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

(18)

Sabiex il-kontrolli ta' konformità jiġu ffaċilitati, il-manifatturi għandhom jiġu mitluba jipprovdu l-informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V għad-Direttiva 2009/125/KE.

(19)

Sabiex jiġi llimitat iktar l-impatt ambjentali tal-fannijiet b'muturi ta' potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW, il-manifatturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti fuq iż-żarmar, ir-riċiklaġġ u r-rimi fl-aħħar tal-ħajja ta' dawn il-fannijiet.

(20)

Għandhom jiġu identifikati punti ta' referenza għat-tipi ta' fannijiet b'effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija li huma attwalment disponibbli. Dan għandu jgħin sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà wiesgħa u l-aċċessibbiltà faċli tal-informazzjoni, partikolarment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, u dan għandu jiffaċilita aktar l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji ta' disinn u jiffaċilita l-iżvilupp ta' prodotti aktar effiċjenti biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.

(21)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' ekodisinn għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta' fannijiet, inkluż dawk li huma integrati fi prodotti oħra relatati mal-enerġija koperti mid-Direttiva 2009/125/KE.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal fannijiet li jkunu integrati fi:

(i)

prodotti b'mutur tal-elettriku wieħed ta' 3 kW jew inqas, li l-fann tagħhom ikun installat fuq l-istess xaft li jintuża għat-trażmissjoni tal-funzjoni ewlenija;

(ii)

londri u magni li jaħslu u jnixxfu, b'muturi ta' potenza elettrika input massima ≤ 3 kW;

(iii)

hoods tal-kċejjen b'potenza elettrika input massima ≤ 280 kW li tintuża għall-fann(ijiet).

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-fannijiet li:

(a)

huma ddisinjati speċifikament biex jaħdmu f'atmosferi potenzjalment esplożivi kif definiti fid-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(b)

huma ddisinjati biex jaħdmu f'każ ta' emerġenza biss, għal perjodu ta' ħin qasir, fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KE (7);

(c)

huma ddisinjati speċifikament biex jaħdmu:

(i)

(a)

fejn it-temperatura ta' operat tal-gass attivat waqt it-tħaddim tkun ogħla minn 100 °C;

(b)

fejn it-temperatura tal-ambjent tal-mutur li jħaddem il-fann, jekk dan il-mutur ma jkunx fil-fluss tal-gass, waqt it-tħaddim tkun ogħla minn 65 °C;

(ii)

fejn il-medja annwali tat-temperatura tal-gass attivat u/jew it-temperatura tal-ambjent tal-mutur waqt it-tħaddim, jekk dan il-mutur ma jkunx fil-fluss tal-gass, tkun inqas minn – 40 °C;

(iii)

bi provvista ta' vultaġġ > 1 000 V AC jew > 1 500 V DC;

(iv)

f'ambjenti tossiċi, korrużivi ħafna jew li jieħdu n-nar malajr, jew f'ambjenti li jkollhom sustanzi li joborxu;

(d)

jitqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2015 biex jissostitwixxu fannijiet integrati identiċi fi prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Jannar 2013;

iżda l-ippakkjar, l-informazzjoni dwar il-prodott u d-dokumentazzjoni teknika għandhom jindikaw b'mod ċar; għal (a), (b) u (c), li l-fann għandu jintuża biss għall-għan li huwa ddisinjat għalih u, għal (d), il-prodott(i) li huwa maħsub li jintuża fihom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2009/125/KE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)   “Fann”: magna b'paletti li jduru li tintuża biex iżżomm fluss kontinwu ta' gass, x'aktarx arja, li jgħaddi minnha u li għaliha l-valur ta' enerġija għal kull unità ta' massa ma jkunx ogħla minn 25 kJ/kg, u li:

hija ddisinjata biex tintuża ma' mutur tal-elettriku, jew mgħammra b'wieħed, li jkollu potenza elettrika input bejn 125 W u 500 kW (≥ 125 W u ≤ 500 kW) biex idawwar l-iskrun fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu;

hija fann assjali, fann ċentrifugu, fann bi fluss tanġenzjali jew fann bi fluss mist;

meta titqiegħed fis-suq jew meta tibda tintuża tista' tkun mingħajr mutur jew mgħammra b'wieħed;

(2)   “Skrun”: il-parti tal-fann li titfa' l-enerġija fil-fluss tal-gass;

(3)   “Fann assjali”: fann li jitfa' l-gass f'direzzjoni assjali għall-fus li jdur ta' skrun wieħed jew aktar b'moviment ta' brim tanġenzjali li jinħoloq mit-tidwir tal-iskrun/tal-iskrejjen. Il-fann assjali jista' jkollu kisi estern ċilindriku, aletti li jiggwidaw id-dħul jew il-ħruġ tal-gass jew panell b'fetħa jew ċirku b'fetħa, inkella jista' jkun mingħajr dan it-tagħmir;

(4)   “Aletti li jiggwidaw id-dħul”: aletti pożizzjonati quddiem l-iskrun biex jiggwidaw il-fluss tal-gass lejn l-iskrun u li jistgħu jkunu aġġustabbli jew le;

(5)   “Aletti li jiggwidaw il-ħruġ”: aletti pożizzjonati wara l-iskrun biex jiggwidaw il-fluss tal-gass mill-iskrun u li jistgħu jkunu aġġustabbli jew le;

(6)   “Pannell b'fetħa”: pannell b'fetħa li fiha jitqiegħed il-fann u li jippermetti t-twaħħil tal-fann ma' strutturi oħra;

(7)   “Ċirku b'fetħa”: ċirku b'fetħa li fiha jitqiegħed il-fann u li jippermetti t-twaħħil tal-fann ma' strutturi oħra;

(8)   “Fann ċentrifugu”: fann li l-gass jidħol fuq l-iskrun/l-iskrejjen tiegħu prattikament fid-direzzjoni tal-fus u joħroġ f'direzzjoni perpendikulari għal dak il-fus. L-iskrun jista' jkollu dħul wieħed jew tnejn, u jista' jkollu kisi estern jew le;

(9)   “Fann ċentrifugu b'paletti radjali”: fann ċentrifugu li d-direzzjoni 'l barra tal-paletti tal-iskrun/tal-iskrejjen fit-tarf tagħhom tkun radjali għal dik tal-fus li jdur;

(10)   “Fann ċentrifugu b'paletti mibruma 'l quddiem”: fann ċentrifugu li d-direzzjoni 'l barra tal-paletti tal-iskrun/tal-iskrejjen fit-tarf tagħhom tkun mibruma 'l quddiem meta mqabbla mad-direzzjoni tar-rotazzjoni;

(11)   “Fann ċentrifugu mingħajr kisi estern, b'paletti mibruma lura”: fann ċentrifugu li d-direzzjoni 'l barra tal-paletti tal-iskrun/tal-iskrejjen fit-tarf tagħhom tkun mibruma lura meta mqabbla mad-direzzjoni tar-rotazzjoni u li ma jkollux kisi estern;

(12)   “Kisi estern”: kisi madwar l-iskrun li jiggwida l-fluss tal-gass lejn l-iskrun, minn ġewwa fih u lil hinn minnu;

(13)   “Fann ċentrifugu b'kisi estern, b'paletti mibruma lura”: fann ċentrifugu li d-direzzjoni 'l barra tal-paletti tal-iskrun/tal-iskrejjen fit-tarf tagħhom tkun mibruma lura meta mqabbla mad-direzzjoni tar-rotazzjoni u li jkollu kisi estern;

(14)   “Fann bi fluss tanġenzjali”: fann li l-gass jgħaddi mill-iskrun tiegħu prattikament f'direzzjoni perpendikulari għall-dik tal-fus tiegħu, kemm qabel kif ukoll wara l-iskrun fit-tarf tal-paletti tiegħu.

(15)   “Fann bi fluss mist”: fann li d-direzzjoni tal-gass għaddej minn ġewwa l-iskrun hija intermedja bejn id-direzzjoni tal-gass f'fannijiet ċentrifugi u assjali;

(16)   “Jaħdem għal perjodu qasir ta' ħin”: it-tħaddim ta' mutur b'tagħbija kostanti għal perjodu ta' ħin li mhux twil biżżejjed biex jintlaħaq l-ekwilibriju termiku;

(17)   “Fann għall-ventilazzjoni”: fann li ma jintużax f'dawn il-prodotti relatati mal-enerġija:

londri u magni li jaħslu u jnixxfu, b'muturi ta' potenza elettrika input massima > 3 kW;

unitajiet ta' ġewwa ta' prodotti li jikkondizzjonaw l-arja tad-djar u kondizzjonaturi ta' ġewwa tal-arja tad-djar, b'potenza ta' kondizzjonar tal-arja output massima ≤ 12 kW;

prodotti ta' teknoloġija tal-informazzjoni;

(18)   “Proporzjon speċifiku”: il-valur tal-pressjoni ta' staġnar (stagnation pressure) imkejjel fil-ħruġ tal-fann diviż bil-valur tal-pressjoni ta' staġnar imkejjel fid-dħul tal-fann, fil-punt tal-ogħla effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-fann.

Artikolu 3

Rekwiżiti ta' ekodisinn

1.   Ir-rekwiżiti ta' ekodisinn għall-fannijiet huma stabbiliti fl-Anness I.

2.   Kull rekwiżit ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet tat-Taqsima 2 tal-Anness I għandu jkun applikabbli skont din l-iskeda ta' żmien:

(a)   L-ewwel fażi: mill-1 ta' Jannar 2013, il-fannijiet għall-ventilazzjoni ma għandux ikollhom effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija inqas minn kif definit fit-Tabella 1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)   It-tieni fażi: mill-1 ta' Jannar 2015, il-fannijiet kollha ma għandux ikollhom effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija inqas minn kif definit fit-Tabella 2 tat-Taqsima 2 tal-Anness I;

3.   Ir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-prodott għall-fannijiet u l-mod li bih jintwerew huma kif stipulati fit-Taqsima 3 tal-Anness I. Dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw mil-1 ta' Jannar 2013.

4.   Ir-rekwiżit ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet, li jidhru fit-Taqsima 2 tal-Anness I m'għandomx japplikaw għal fannijiet li jkunu ddisinjati biex jaħdmu:

(a)

bl-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija meta jkunu qed jaħdmu bi 8 000 dawra kull minuta jew aktar;

(b)

f'applikazzjonijiet fejn il-“proporzjon speċifiku” jkun ogħla minn 1.11;

(c)

bħala fannijiet li jintużaw għat-trasport ta' sustanzi mhux gassużi f'applikazzjonijiet ta' proċessi industrijali;

5.   Għal fannijiet b'użu doppju ddisinjati għall-ventilazzjoni b'kondizzjonijiet normali kif ukoll għal użu f'każ ta' emerġenza, għal perjodu ta' ħin qasir, fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sikurezza minn-nar stipulati fid-Direttiva 89/106/KE, il-valuri tal-gradi ta' effiċjenza applikabbli kif stipulati fit-Taqsima 2 tal-Anness I jitnaqqsu b'10 % għat-tabella 1 u b'5 % għat-Tabella 2.

6.   Il-konformità mar-rekwiżiti ta' ekodisinn għandha titkejjel u tiġi kkalkulata skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema interna tal-kontroll tad-disinn stabbilita fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

Artikolu 5

Proċedura ta' verifikazzjoni għall-finijiet ta' sorveljanza tas-suq

Fit-twettiq tal-kontrolli ta' sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3 (2) tad-Direttiva 2009/125/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta' verifika definita fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Punti ta' referenza indikattivi

Il-punti ta' riferiment indikattivi għall-fannijiet bl-aħjar prestazzjoni disponibbli fis-suq meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ huma stipulati fl-Anness IV.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament mhux aktar tard minn erba' snin wara li jidħol fis-seħħ u tippreżenta r-riżultat ta' din ir-reviżjoni lill-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn. B'mod partikolari, ir-reviżjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà li jitnaqqas l-għadd ta' tipi ta' fannijiet sabiex tissaħħaħ il-kompetittività abbażi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal fannijiet li jistgħu jwettqu funzjoni komparabbli. Ir-reviżjoni għandha tivvaluta wkoll jekk l-ambitu tal-eżenzjonijiet jistax jiċċekken, fosthom fir-rigward ta' derogi possibbli għal fannijiet b'użu doppju.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 191, 23.7.2009, p. 26.

(3)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(4)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

(5)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(6)  ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1.

(7)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 12.


ANNESS I

REKWIŻITI TA' EKODISINN GĦALL-FANNIJIET

1.   Definizzjonijiet għall-finijiet tal-anness I

(1)   ‘Kategorija tal-kejl’: test, kejl, jew mezz li jintuża biex jiġu definiti l-kundizzjonijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-fann ittestjat;

(2)   ‘Kategorija tal-kejl A’: test li fih il-kejl isir fuq fann bla tagħmir immuntat fid-dħul u l-ħruġ tal-fann;

(3)   ‘Kategorija tal-kejl B’: test li fih il-kejl isir fuq fann bla tagħmir immuntat fuq id-dħul tal-fann u b'tubu mmuntat fuq il-ħruġ tiegħu;

(4)   ‘Kategorija tal-kejl C’: test li fih il-kejl isir fuq fann bla tagħmir immuntat fuq il-ħruġ tal-fann u b'tubu mmuntat fuq id-dħul tiegħu;

(5)   ‘Kategorija tal-kejl D’: test li fih il-kejl isir fuq fann b'tubu mmuntat fuq id-dħul tal-fann u b'tubu mmuntat fuq il-ħruġ tiegħu;

(6)   ‘Kategorija ta' effiċjenza’: il-forma ta' enerġija tal-gass prodotta mill-fann li tintuża biex tiġi determinata l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-fann, dik statika jew dik totali, fejn;

(a)

il-‘pressjoni statika tal-fann’ (psf) tkun intużat biex tiġi determinata l-potenza tal-gass tal-fann fil-formula tal-effiċjenza għall-kejl tal-effiċjenza statika tal-fann, u

(b)

il-‘pressjoni totali tal-fann’ (pf) tkun intużat biex tiġi determinata l-potenza tal-gass tal-fann fil-formula tal-effiċjenza għall-kejl tal-effiċjenza totali tal-fann;

(7)   ‘Effiċjenza statika’: l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-fann, abbażi ta' kejl tal-‘pressjoni statika tal-fann’ (psf);

(8)   ‘Pressjoni statika tal-fann’ (psf): il-valur tal-pressjoni totali tal-fann (pf) li minnu jitnaqqas il-valur tal-pressjoni dinamika tal-fann aġġustat bil-fattur Mach;

(9)   ‘Pressjoni ta' staġnar’: il-pressjoni mkejla f'punt fi fluss ta' gass kieku kellu jiġi staġnat permezz ta' proċess isentropiku;

(10)   ‘Pressjoni dinamika’: il-pressjoni kkalkulata permezz tar-rata ta' fluss tal-massa, id-densità medja tal-gass fil-punt tal-ħruġ u l-erja tal-ħruġ tal-fann;

(11)   ‘Fattur Mach’: fattur ta' aġġustament applikat għall-pressjoni dinamika f'punt, definit bħala l-valur ta' pressjoni ta' staġnar li minnu jitnaqqas il-valur tal-pressjoni fir-rigward tal-pressjoni żero assolut li tiġi eżerċitata f'punt ta' staġnar kkomparat mal-gass ta' madwaru u diviż bil-valur tal-pressjoni dinamika;

(12)   ‘Effiċjenza statika’: l-effiċjenza tal-fann, abbażi ta' kejl tal-‘pressjoni totali tal-fann’ (pf );

(13)   ‘Pressjoni totali’ tal-fann (pf ): id-differenza bejn il-valur tal-pressjoni ta' staġnar imkejjel fil-ħruġ tal-fann u l-valur tal-pressjoni ta' staġnar imkejjel fid-dħul tal-fann;

(14)   ‘Grad ta' effiċjenza’: parametru li jintuża fil-kalkolu tal-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija ta' fann b'potenza input speċifikata fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu (indikata bħala parametru ‘N’ fil-kalkolu tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-fann);

(15)   ‘Effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija’ (ηtarget): l-effiċjenza minima fl-użu tal-enerġija li fann għandu jkollu biex jissodisfa r-rekwiżiti u li hija bbażata fuq il-potenza elettrika input fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu, fejn ηtarget huwa l-valur tal-prodott tal-formula xierqa fit-Taqsima 3 tal-Anness II, u fejn fil-formula għall-kalkolu tal-effiċjenza applikabbli jintużaw in-numru sħiħ N tal-grad ta' effiċjenza (Anness I, Taqsima 2, Tabelli 1 u 2) u l-potenza elettrika input Pe(d) tal-fann indikata f'kW fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu fil-formula applikabbli għall-kalkolu tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(16)   ‘Trażmissjoni b'veloċità varjabbli’ (Variable Speed drive – VSD): konvertur elettroniku tal-potenza integrat – jew li jiffunzjona bħala sistema waħda – mal-mutur u l-fann, li jadatta l-enerġija elettrika mogħtija lill-mutur tal-elettriku kontinwament, sabiex jikkontrolla l-output ta' potenza mekkanika tal-mutur skont il-karatteristika veloċità-torque tat-tagħbija trażmessa mill-mutur, bla ma juża kontrolluri ta' vultaġġ varjabbli li jvarjaw biss il-vultaġġ mogħti lill-mutur;

(17)   ‘Effiċjenza globali’: l-‘effiċjenza statika’ jew l-‘effiċjenza totali’, skont liema waħda tkun applikabbli.

2.   Rekwiżiti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet

Ir-rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet huma stipulati fit-Tabelli 1 u 2.

Tabella 1

Rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet, fl-ewwel fażi, sa mill-1 ta' Jannar 2013

Tipi ta' fannijiet

Kategorija tal-kejl

(A-D)

Kategorija ta' effiċjenza

(statika jew totali)

Medda ta' potenza P, f'kW

Effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija

Grad ta' effiċjenza

(N)

Fann assjali

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

36

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

50

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

Fann ċentrifugu b'paletti mibruma ’l quddiem u fann ċentrifugu b'paletti radjali

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

37

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

42

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

Fann ċentrifugu mingħajr kisi estern, b'paletti mibruma lura

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

58

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

Fann ċentrifugu b'kisi estern, b'paletti mibruma lura

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

58

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

61

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

Fann bi fluss mist

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

47

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

58

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

Fann bi fluss tanġenzjali

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 1,14 · ln(P) – 2,6 + N

13

10 < P ≤ 500

ηtarget = N


Tabella 2

Rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-fannijiet, fit-tieni fażi, sa mill-1 ta' Jannar 2015

Tipi ta' fannijiet

Kategorija tal-kejl

(A-D)

Kategorija ta' effiċjenza

(statika jew totali)

Medda ta' potenza P, f'kW

Effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija

Grad ta' effiċjenza

(N)

Fann assjali

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

40

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

58

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

Fann ċentrifugu b'paletti mibruma ’l quddiem u fann ċentrifugu b'paletti radjali

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

44

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

49

10 < P ≤ 500

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

Fann ċentrifugu mingħajr kisi estern, b'paletti mibruma lura

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

62

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

Fann ċentrifugu b'kisi estern, b'paletti mibruma lura

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

61

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

64

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

Fann bi fluss mist

A, C

statika

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

50

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

62

10 < P ≤ 500

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

Fann bi fluss tanġenzjali

B, D

totali

0,125 ≤ P ≤ 10

ηtarget = 1,14 · ln(P) – 2,6 + N

21

10 < P ≤ 500

ηtarget = N

3.   Rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-prodott għall-fannijiet

1.

L-informazzjoni dwar il-fannijiet stipulata fil-punti 2(1) sa 2(14) għandha tintwera b'mod viżibbli fuq:

(a)

id-dokumentazzjoni teknika tal-fannijiet;

(b)

siti tal-internet b'aċċess mingħajr ħlas, tal-manifatturi tal-fannijiet.

2.

Għandha tintwera din l-informazzjoni:

(1)

l-effiċjenza globali (η) , mqarrba għal punt deċimali wieħed;

(2)

il-kategorija tal-kejl użata biex tiġi determinata l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (A-D);

(3)

il-kategorija ta' effiċjenza (statika jew totali);

(4)

il-grad ta' effiċjenza fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-fann;

(5)

jekk fil-kalkolu tal-effiċjenza tal-fann ġiex assumat li ntuża VSD u jekk iva, jekk il-VSD hux integrat fil-fann jew jekk il-VSD iridx jiġi installat fil-fann;

(6)

is-sena tal-manifattura;

(7)

l-isem tal-manifattur jew it-trejdmark, in-numru ta' reġistrazzjoni kummerċjali u l-post tal-manifattur;

(8)

in-numru tal-mudell tal-prodott;

(9)

il-potenza/potenzi input nominali tal-mutur (kW), ir-rata/rati ta' fluss u l-pressjoni(jiet) fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(10)

id-dawriet kull minuta fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(11)

Il-‘proporzjon speċifiku’;

(12)

l-informazzjoni rilevanti għall-iffaċilitar taż-żarmar, tar-riċiklaġġ, jew tar-rimi fit-tmiem tal-ħajja tiegħu;

(13)

l-informazzjoni rilevanti sabiex jiġi mminimizzat l-impatt fuq l-ambjent u jiġi żgurat li l-fann jibqa' tajjeb għall-itwal żmien possibbli, fir-rigward tal-installar, l-użu u l-manutenzjoni tiegħu;

(14)

id-deskrizzjoni tal-elementi addizzjonali li ntużaw biex tiġi determinata l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-fann, bħal tubi, li mhumiex deskritti fil-kategorija tal-kejl u mhumiex fornuti mal-fann.

3.

L-informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika għandha tingħata fl-ordni li tidher fil-punti 2(1) sa 2(14). Ma hemmx għalfejn jerġa' jintuża l-istess kliem eżatt li jidher fil-lista. Jista’ jkun muri bl-użu ta’ grafika, ċifri jew simboli, iktar milli kliem.

4.

L-informazzjoni msemmija fil-punti 2(1), 2(2), 2(3), 2(4) u 2(5) għandha tiġi mmarkata b'mod li ma titħassarx fuq jew qrib il-pjanċja tal-klassifikazzjoni tal-fann, u għall-punt 2(5) għandha tintuża waħda minn dawn il-forom ta' kliem biex jiġi indikat dak li hu applikabbli:

‘Dan il-fann għandu jiġi installat bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli’;

‘Dan il-fann fih trażmissjoni b'veloċità varjabbli integrata’.

5.

Fil-manwal tal-istruzzjonijiet, il-manifatturi għandhom jagħtu informazzjoni dwar il-prekawzjonijiet speċifiċi li għandhom jittieħdu għall-immuntar, l-installar jew il-manutenzjoni tal-fannijiet. F'każ li d-dispożizzjoni 2(5) tar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-prodott tindika li l-fann għandu jiġi installat bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli (VSD), il-manifatturi għandhom jipprovdu dettalji dwar il-karatteristiċi tal-VSD biex jiġi żgurat li, wara l-immuntar, il-prodott jiġi użat bl-aħjar mod.


ANNESS II

KEJL U KALKOLI

1.   Definizzjonijiet għall-finijiet tal-Anness II

(1)   ‘Rata ta' fluss ta' volum ta' staġnar fid-dħul’ (q): il-volum ta' gass li jgħaddi minn ġewwa l-fann f'kull unità ta' ħin (f' m3/s), li jiġi kkalkulat abbażi tal-massa ta' gass attivata mill-fann (f' kg/s) diviża bid-densità ta' dan il-gass fil-ħruġ tal-fann (f' kg/m3);

(2)   ‘Fattur ta' kompressibbiltà’: numru bla unità ta' miżura li jiddeskrivi l-livell ta' kompressibbiltà li l-fluss ta' gass jgħaddi minnu waqt it-test u li jiġi kkalkulat bħala l-proporzjon bejn il-valur ta' enerġija mekkanika li l-fann jagħmel fuq il-gass u l-istess ammont ta' enerġija li l-fann jagħmel fuq fluwidu inkompressibbli bl-istess rata ta' fluss, densità fid-dħul tal-fann u proporzjoni ta' pressjoni, fejn il-pressjoni tal-fann titqies bħala “pressjoni totali” (kp) jew bħala “pressjoni statika” (kps);

(3)   kps : koeffiċjent ta' kompressibbiltà li jintuża għall-kalkolu tal-potenza ta' gass statika tal-fann;

(4)   kp : koeffiċjent ta' kompressibbiltà li jintuża għall-kalkolu tal-potenza ta' gass totali tal-fann;

(5)   ‘Immuntar finali’: immuntar lest, jew fuq il-post, ta' fann li jkollu l-elementi kollha biex jikkonverti l-enerġija elettrika f'potenza ta' gass tal-fann mingħajr il-ħtieġa ta' aktar komponenti jew partijiet addizzjonali;

(6)   ‘Immuntar mhux finali’: immuntar ta' partijiet ta' fann, li mill-inqas jikkonsisti fl-immuntar tal-iskrun, li jkun jeħtieġ komponent wieħed jew aktar fornut/i minn barra biex ikun jista' jikkonverti l-enerġija elettrika f'potenza tal-gass;

(7)   ‘Trażmissjoni diretta’: sistema ta' trażmissjoni għal fann, fejn l-iskrun jitwaħħal max-xaft tal-mutur, direttament jew permezz ta' agganċ koassjali (co-xial coupling), u fejn il-veloċità tal-iskrun tkun l-istess bħall-veloċità rotazzjonali tal-mutur;

(8)   ‘Trażmissjoni’: sistema ta' trażmissjoni għal fann li ma tkunx “trażmissjoni diretta” kif definita hawn fuq. Dawn is-sistemi ta' trażmissjoni jistgħu jinkludu trażmissjonijiet li fihom jintużaw trażmissjoni biċ-ċinga, kaxxa tal-gerijiet jew agganċ bi frizzjoni (slipping coupling);

(9)   ‘Trażmissjoni b'effiċjenza baxxa’: trażmissjoni li għaliha tintuża ċinga ta' wisa' inqas minn tliet darbiet l-għoli tagħha jew fejn tintuża xi forma oħra ta' trażmissjoni li mhix “trażmissjoni b'effiċjenza għolja”;

(10)   ‘Trażmissjoni b'effiċjenza għolja’: trażmissjoni li għaliha tintuża ċinga ta' wisa' mill-inqas tliet darbiet l-għoli tagħha, ċinga bis-snien jew fejn jintużaw gerijiet bis-snien.

2.   Metodu tal-kejl

Għall-finijiet ta' konformità u ta' verifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru permezz ta' proċeduri ta' kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta' kejl l-aktar avvanzati rikonoxxuti b'mod ġenerali, u li r-riżultati tagħhom huma meqjusa li jħallu livell baxx ta' dubju, inkluż il-metodi msemmija fid-dokumenti, li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak l-iskop f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Metodu tal-kalkolu

Il-metodoloġija li tintuża għall-kalkolu tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' fann speċifiku tiġi bbażata fuq il-proporzjon bejn il-potenza tal-gass u l-potenza elettrika input tal-mutur, fejn il-potenza tal-gass tal-mutur hija l-prodott matematiku tar-rata tal-fluss ta' volum tal-gass u d-differenza fil-pressjoni bejn id-dħul u l-ħruġ tal-fann. Il-pressjoni hija l-pressjoni statika jew il-pressjoni totali, li tkun it-total tal-pressjoni statika u l-pressjoni dinamika, skont liema tkun il-kategorija tal-kejl jew tal-effiċjenza.

3.1

Meta l-fan ikun fornut fi stat ta' ‘immuntar finali’, ikkalkula l-potenza tal-gass u l-potenza elettrika input tal-fann fil-punt tal-akbar effiċjenza tiegħu.

(a)

Meta l-fann ma jkollux trażmissjoni b'veloċità varjabbli, ikkalkula l-effiċjenza globali permezz ta' din il-formula:

ηe = Pu(s) / Pe,

fejn:

 

ηe hija l-effiċjenza globali;

 

Pu(s) hija l-potenza ta' gass tal-fann, li tiġi kkalkulata kif indikat fil-punt 3.3, meta l-fann ikun qiegħed jaħdem fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu;

 

Pe hija l-potenza mkejla fit-terminali tal-input tal-mutur tal-fann meta l-fann ikun qiegħed jaħdem fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu.

(b)

Meta l-fann ikollu trażmissjoni b'veloċità varjabbli, ikkalkula l-effiċjenza globali permezz ta' din il-formula:

ηe = (Pu(s) / Ped) · Cc,

fejn:

 

ηe hija l-effiċjenza globali;

 

Pu(s) hija l-potenza ta' gass tal-fann, li tiġi kkalkulata kif indikat fil-punt 3.3, meta l-fann ikun qiegħed jaħdem fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu;

 

Ped hija l-potenza mkejla fit-terminali tal-input tat-trażmissjoni b'veloċità varjabbli tal-fann meta l-fann ikun qiegħed jaħdem fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu;

 

Cc huwa fattur ta' kumpens ta' tagħbija parzjali li l-valur tiegħu huwa kif ġej:

għal mutur bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli u Ped ≥ 5 kW, Cc = 1,04

għal mutur bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli u Ped < 5 kW, Cc = – 0,03 ln(Ped) + 1,088.

3.2.

Meta l-fan ikun fornut fi stat ta' “immuntar mhux finali”, l-effiċjenza globali tal-fann għandha titkejjel fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-iskrun, permezz ta' din il-formula:

ηe = ηr · ηm · ηT · Cm · Cc,

fejn:

 

ηe hija l-effiċjenza globali;

 

ηr hija l-effiċjenza tal-iskrun tal-fann ikkalkulata permezz ta' Pu(s) / Pa,

fejn:

 

Pu(s) hija l-potenza ta' gass tal-fann ikkalkulata fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-iskrun u kif indikat fil-punt 3.3 hawn taħt;

 

Pa hija l-potenza tax-xaft tal-fann fil-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-iskrun;

 

ηm hija l-effiċjenza nominali tal-mutur skont ir-Regolament (KE) Nru 640/2009, fejn dan ikun applikabbli. F'każ li l-mutur ma jkunx kopert mir-Regolament (UE) Nru 640/2009 jew f'każ li l-fann jiġi fornut bla mutur, il-valur tal-effiċjenza, ηm, jiġi kkalkulat permezz ta' dawn il-valuri:

jekk il-potenza elettrika input rakkomandata ‘Pe’ tkun ≥ 0,75 kW,

ηm = 0,000278*(x3) – 0,019247*(x2) + 0,104395*x + 0,809761

fejn x = Lg (Pe)

u Pe hija kif definita fil-punt 3.1(a);

jekk il-potenza input rakkomandata tal-mutur ‘Pe’ tkun < 0,75 kW,

ηm = 0,1462*ln(Pe) + 0,8381

u Pe hija kif definita fil-punt 3.1.(a), fejn il-potenza elettrika input Pe rakkomandata mill-manifattur tal-fann għandha tkun biżżejjed biex il-fann jilħaq il-punt tal-akbar effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiegħu, fejn jitqies it-telf li jirriżulta mis-sistemi ta' trażmissjoni meta jkun il-każ;

 

ηT hija l-effiċjenza tas-sistema ta' trażmissjoni, u għall-kalkolu tagħha għandhom dejjem jintużaw dawn il-valuri:

għal trażmissjoni diretta, ηT = 1.0;

jekk it-trażmissjoni tkun trażmissjoni b'effiċjenza baxxa kif definita fil-punt 1(9) u

Pa ≥ 5 kW, ηT = 0,96 jew

1 kW < Pa < 5 kW, ηT = 0,0175 * Pa + 0,8725 jew

Pa ≤ 1 kW, ηT = 0,89

jekk it-trażmissjoni tkun trażmissjoni b'effiċjenza għolja kif definita fil-punt (10) u

Pa ≥ 5 kW, ηT = 0,98 jew

1 kW < Pa < 5 kW, ηT = 0,01 * Pa + 0,93 jew

Pa ≤ 1 kW, ηT = 0,94

 

Cm huwa l-fattur ta' kumpens li jagħmel tajjeb għall-komponenti = 0,9;

 

Cc huwa l-fattur ta' kumpens ta' tagħbija parzjali:

għal mutur bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli, Cc = 1,0

għal mutur bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli u Ped ≥ 5 kW, Cc = 1,04

għal mutur bi trażmissjoni b'veloċità varjabbli u Ped < 5 kW, Cc = – 0,03 ln(Ped) + 1,088.

3.3

Il-potenza ta' gass tal-fann, Pu(s) (kW), tiġi kkalkulata skont il-metodu ta' ttestjar tal-kategorija tal-kejl magħżul mill-fornitur tal-fann:

(a)

Meta l-fann ikun ġie mkejjel skont il-kategorija tal-kejl A, tintuża l-potenza ta' gass statika tal-fann Pus li tirriżulta mill-formula Pus = q · psf · kps;

(b)

Meta l-fann ikun ġie mkejjel skont il-kategorija tal-kejl B, tintuża l-potenza ta' gass tal-fann Pu li tirriżulta mill-formula Pu = q · pf · kp;

(c)

Meta l-fann ikun ġie mkejjel skont il-kategorija tal-kejl C, tintuża l-potenza ta' gass statika tal-fann Pus li tirriżulta mill-formula Pus = q · psf · kps;

(d)

Meta l-fann ikun ġie mkejjel skont il-kategorija tal-kejl D, tintuża l-potenza ta' gass tal-fann Pu li tirriżulta mill-formula Pu = q · pf · kp.

4.   Metodoloġija għall-kalkolu tal-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija

L-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija hija l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li fann ta' tip speċifiku għandu jkollu biex jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament (indikata bħala punti perċenrwali sħaħ). L-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija tiġi kkalkulata permezz ta' formuli ta' effiċenzja li jinkludu l-potenza elettrika input Pe(d) u l-grad ta' effiċjenza minima kif definit fl-Anness I. Il-medda totali tal-potenza hija koperta permezz ta' żewġ formuli: formula għall-fannijiet b'potenza elettrika input bejn 0,125 kW u 10 kW, 10 kW inkluż, u l-oħra għall-fannijiet b'potenza elettrika input ogħla minn 10 kW u sa 500 kW, 500 kW inkluż.

Jeżistu tliet serje ta' tipi ta' fannijiet li għalihom jiġu żviluppati formuli għall-kalkolu tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija biex jindikaw il-karatteristiċi differenti tad-diversi tipi ta' fannijiet:

4.1.

L-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija għal fannijiet assjali, fannijiet ċentrifugi b'paletti mibruma ’l quddiem u fannijiet ċentrifugi b'paletti radjali (b'fann assjali ġewwa fihom) tiġi kkalkulata permezz ta' dawn il-formuli:

Medda ta' potenza P bejn 0,125 kW u 10 kW

Medda ta' potenza P bejn 10 kW u 500 kW

ηtarget = 2,74 · ln(P) – 6,33 + N

ηtarget = 0,78 · ln(P) – 1,88 + N

fejn il-potenza input P hija l-potenza elettrika input Pe(d) u N huwa n-numru sħiħ tal-grad ta' effiċjenza fl-użu ta' enerġija meħtieġ.

4.2.

L-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija għal fannijiet ċentrifugi mingħajr kisi estern u b'paletti mibruma lura, fannijiet ċentrifugi b'kisi estern u b'paletti mibruma lura u fannijiet bi fluss mist tiġi kkalkulata permezz ta' dawn il-formuli:

Medda ta' potenza P bejn 0,125 kW u 10 kW

Medda ta' potenza P bejn 10 kW u 500 kW

ηtarget = 4,56 · ln(P) – 10,5 + N

ηtarget = 1,1 · ln(P) – 2,6 + N

fejn il-potenza input P hija l-potenza elettrika input Pe(d) u N huwa n-numru sħiħ tal-grad ta' effiċjenza fl-użu ta' enerġija meħtieġ.

4.3.

L-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija għal fannijiet bi fluss tanġenzjali tiġi kkalkulata permezz ta' dawn il-formuli:

Medda ta' potenza P bejn 0,125 kW u 10 kW

Medda ta' potenza P bejn 10 kW u 500 kW

ηtarget = 1,14 · ln(P) – 2,6 + N

ηtarget = N

fejn il-potenza input P hija l-potenza elettrika input Pe(d) u N huwa n-numru sħiħ tal-grad ta' effiċjenza fl-użu ta' enerġija meħtieġ.

5.   Applikazzjoni tal-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija

L-effiċjenza globali tal-fann ηe ikkalkulata bil-metodu xieraq li jidher fit-taqsima 3 tal-Anness II għandu jkollu valur daqs jew ogħla mill-valur tal-effiċjenza targit ηtarget stipulat permezz tal-grad ta' effiċjenza meħtieġ biex jiġu sodisfati r-rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija.


ANNESS III

PROĊEDURA TA' VERIFIKAZZJONI GĦALL-FINIJIET TA' SORVELJANZA TAS-SUQ

Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta' verifika li ġejja għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I.

1.

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw unità waħda biss.

2.

Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament meta l-valur tal-effiċjenza globali tal-fann (ηe) ikun mill-inqas daqs il-valur tal-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija*0,9 kif ikkalkulat permezz tal-formuli li jidhru fl-Anness II (taqsima 3) u l-gradi ta' effiċjenza applikabbli mill-Anness I.

3.

F'każ li r-riżultat imsemmi fil-punt 2 ma jinkisebx:

għal mudelli li jiġu prodotti fi kwantità ta' inqas minn ħamsa fis-sena, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi ma' dan ir-Regolament;

għal mudelli li jiġu prodotti fi kwantità ta' ħamsa jew aktar fis-sena, l-awtorità ta' sorveljanza tas-suq għandha tittestja tliet unitajiet addizzjonali magħżula b'mod aleatorju.

4.

Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament meta l-valur medju ta-effiċjenza globali tal-fann (ηe) tat-tliet unitajiet imsemmija fil-punt 3 ikun mill-inqas daqs il-valur tal-effiċjenza targit fl-użu tal-enerġija*0,9 kif ikkalkulat permezz tal-formuli li jidhru fl-Anness II (taqsima 3) u l-gradi ta' effiċjenza applikabbli mill-Anness I.

5.

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 4 ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi ma' dan ir-Regolament.


ANNESS IV

PUNTI TA' REFERENZA INDIKATTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6

Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq għall-fannijiet hija kif indikata fit-Tabella 1. Dawn il-punti ta' referenza mhux dejjem ikunu jistgħu jinkisbu għall-applikazzjonijiet kollha jew għall-medda sħiħa ta' potenzi koperti mir-Regolament.

Tabella 1

Punti ta' referenza indikattivi għall-fannijiet

Tipi ta' fannijiet

Kategorija tal-kejl (A-D)

Kategorija ta' effiċjenza

(statika jew totali)

Grad ta' effiċjenza

Fann assjali

A, C

statika

65

B, D

totali

75

Fann ċentrifugu b'paletti mibruma 'l quddiem u fann ċentrifugu b'paletti radjali

A, C

statika

62

B, D

totali

65

Fann ċentrifugu mingħajr kisi estern, b'paletti mibruma lura

A, C

statika

70

Fann ċentrifugu b'kisi estern, b'paletti mibruma lura

A, C

statika

72

B, D

totali

75

Fann bi fluss mist

A,C

statika

61

B,D

totali

65

Fann bi fluss tanġenzjali

B, D

totali

32


Top