EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0657

2010/657/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Ottubru 2010 dwar il-finanzjament ta’ miżuri ta’ emerġenza li jikkonċernaw l-idrofobija fil-grigal tal-Italja (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7379)

OJ L 285, 30.10.2010, p. 33–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/657/oj

30.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ottubru 2010

dwar il-finanzjament ta’ miżuri ta’ emerġenza li jikkonċernaw l-idrofobija fil-grigal tal-Italja

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7379)

(2010/657/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula li meta Stat Membru jkun direttament mhedded bl-okkorrenza jew l-iżvilupp, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew Stat Membru, ta’ waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni, jista’ jiġi deċiż li jiġu adottati miżuri xierqa għas-sitwazzjoni u li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri li jkunu meqjusa partikolarment neċessarji għas-suċċess tal-azzjonijiet meħuda.

(2)

L-idrofobija hija marda tal-annimali li tolqot prinċipalment lill-karnivori domestiċi u selvaġġi u għandha implikazzjonijiet serji għas-saħħa pubblika. Hija waħda mill-mard elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/470/KE.

(3)

Fis-snin reċenti, l-Unjoni kkofinanzjat programmi għat-tilqim orali ta’ karnivori selvaġġi, li huma l-għajn tal-marda, u dawn irriżultaw f’sitwazzjoni favorevoli fil-parti l-kbira tal-Istati Membri bi tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ każijiet ta’ idrofobija f’annimali selvaġġi u domestiċi u l-għajbien ta’ każijiet li jolqtu lill-bniedem.

(4)

L-Italja tqieset bħala pajjiż liberu mill-idrofobija sa mill-1997. Madankollu, f’Ottubru 2008 fir-reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia, instab każ wieħed ta’ idrofobija li kien segwit minn tmien każijiet ġodda fl-istess reġjun. Fl-2009, l-idrofobija silvatika nxterdet ukoll fir-reġjun tal-Veneto. Sal-aħħar tal-2009, instabu 35 każ fil-Friuli Venezia Giulia u 33 każ fil-Veneto.

(5)

Stati Membri ġirien esprimew it-tħassib li t-territorji tagħhom huma mhedda mis-sitwazzjoni tal-idrofobija fil-grigal tal-Italja.

(6)

Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ miżuri ta’ emerġenza biex ma jitħalliex li l-marda tinxtered iktar fl-Italja jew li tinxtered lejn l-Istati Membri ġirien tal-Awstrija u s-Slovenja, u biex jissaħħu l-isforzi biex il-marda tinqered kemm jista’ jkun malajr.

(7)

Fid-9 ta’ Diċembru 2009, l-Italja bagħtet pjan ta’ emerġenza għat-tilqim orali tal-volpijiet bl-isem ta’ “Programm ta’ kontroll tal-idrofobija fir-reġjuni tal-grigal tal-Italja - pjan ta’ tilqim speċjali għall-volpijiet” lill-Kummissjoni. Il-pjan instab li hu aċċettabbli u għalhekk huwa xieraq li ċerti miżuri jirċievu finanzjament mill-Unjoni. Għalhekk għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħha.

(8)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas fuq il-bażi tat-talba uffiċjali għal rimbors imressqa mill-Istati Membri u tad-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2)

(9)

Meta tqis l-urġenza biex jiġi implimentat il-pjan ta’ tilqim estiż sabiex il-marda ma titħalliex tinxtered lejn Stati Membri oħra, ikun ġustifikat li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tkun disponibbli mid-9 ta’ Diċembru 2009 meta l-pjan kien intbagħat lill-Kummissjoni għall-finanzjament,

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-“Programm ta’ kontroll tal-idrofobija fir-reġjuni tal-grigal tal-Italja — pjan ta’ tilqim speċjali għall-volpijiet” (“il-pjan”) mibgħut mill-Italja nhar id-9 ta’ Diċembru 2009 huwa b’dan approvat għall-perjodu mid-9 ta’ Diċembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni tista’ tagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-pjan bir-rata ta’ 50 % tal-ispejjeż imġarrba mill-Italja:

(a)

għat-twettiq ta’ testijiet fil-laboratorji:

(i)

għas-sejba ta’ antiġen jew antikorpi għall-idrofobija;

(ii)

għall-iżolament u l-karatterizzazzjoni tal-virus tal-idrofobija;

(iii)

għas-sejba ta’ bijomarkatur;

(iv)

għad-dożar tal-lixki tal-vaċċini,

(b)

għax-xiri u t-tqassim ta’ vaċċin orali kif ukoll lixki u x-xiri u l-amministrazzjoni lill-bhejjem ta’ vaċċini parenterali għall-pjan.

Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż imsemmija fil-punti (a) u (b) ma għandhiex taqbeż is-somma ta’ EUR 2 300 000.

2.   L-ammont massimu tal-ispejjeż li għandhom jiġu rimborsati lill-Italja għall-pjan, bħala medja ma għandhomx ikunu ogħla minn:

(a)

għal test seroloġiku

EUR 8 għal kull test;

(b)

għal test tad-detezzjoni tat-tetraċiklina fl-għadam

EUR 8 għal kull test;

(c)

għal test tal-antikorpi florexxenti (TAF)

EUR 12 għal kull test;

(d)

għal test tar-reazzjoni katina polimerażi (RKP)

EUR 10 għal kull test;

(e)

għax-xiri ta’ vaċċin orali flimkien mal-lixki

EUR 0,4 għal kull doża;

(f)

għax-xiri tal-vaċċini parenterali

EUR 1 għal kull doża;

(g)

għat-tilqim tal-bhejjem

EUR 1,50 għal kull annimal.

3.   L-ispejjeż għat-twettiq tat-testijiet fil-laboratorji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a) għandhom jinkludu:

(a)

l-ispejjeż imħallsa għax-xiri ta’ kits għat-testijiet, reaġenti u l-konsumabbli kollha użati biex isiru t-testijiet;

(b)

l-ispejjeż imħallsa għall-persunal allokati speċifikatament, interament jew parzjalment, għat-twettiq tat-testijiet;

(ċ)

massimu ta’ 7 % tal-ispejjeż ġenerali tas-somma totali tal-ispejjeż imsemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 3

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-pjan għandha tingħata sakemm l-Italja:

(a)

timplimenta l-pjan skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, inklużi r-regoli tal-kompetizzjoni u l-aġġudikazzjoni ta’ kuntratti pubbliċi u għajnuna statali;

(b)

tibgħat rapport finali lill-Kummissjoni, skont l-Annessi, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011 dwar l-eżekuzzjoni teknika tal-pjan akkumpanjat minn evidenza li tiġġustifika l-ispejjeż imħallsa u r-riżultati miksuba matul il-perjodu mid-9 ta’ Diċembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010;

(ċ)

timplimenta l-pjan b’mod effiċjenti.

2.   F’każ li l-Italja ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, wara li tqis in-natura u l-gravità tal-infrazzjoni, u t-telf finanzjarju mġarrab mill-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-9 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  OJ L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.


ANNESS I

Ir-rapport tekniku msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

A.   Tilqim

I.

Perjodu ta’ Rappurtar

II.

Għadd ta’ lixki tal-vaċċin tal-idrofobija mqassma

III.

Għadd ta’ bhejjem u merħliet imlaqqma skont ir-reġjun

IV.

Għadd ta’ lixki mqassma bl-ajru

V.

Għadd ta’ lixki mqassma manwalment

VI.

Mapep li juru l-kopertura tat-territorju bil-lixki u l-linji li tqassmu tulhom il-lixki (bl-ajru u manwalment).

B.   Monitoraġġ

 

Testijiet viroloġiċi

Testijiet seroloġiċi

Sejba ta’ markatur tat-tetraċiklin

Reġjun

Speċi

Tip ta’ test

Għadd ta’ annimali ttestjati

Pożittiv

Tip ta’ test

Għadd ta’ annimali ttestjati

Pożittiv (il-valuri jinqatgħu fi: … IU/ml)

Tip ta’ test

Għadd ta’ annimali ttestjati

Pożittiv

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

C.   Valutazzjoni teknika tas-sitwazzjoni u d-diffikultajiet li nstabu


ANNESS II

Ir-rapport finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

Miżuri eliġibbli għall-kofinanzjament

Testijiet fil-laboratorju

Reġjun

Tip ta’ testijiet

Għadd ta’ annimali ttestjati

Għadd ta’ testijiet imwettqa

Spiża tat-testijiet imwettqa

(f’EUR)

Sejba ta’ antiġen tal-idrofobija

TAF

 

0

0,00

RKP

 

 

 

oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

 

 

 

Sejba ta’ antikorpi tal-idrofobija

Newtralizzazzjoni tal-Virus

 

 

 

oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

 

 

 

Karattterizzazzjoni tal-virus tal-idrofobija

Tqegħid f’sekwenza

 

 

 

oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

 

 

 

Bijomarkatur

 

 

 

 

Dożar tal-lixki tal-vaċċini

 

 

 

 

Total

 

0

0

0,00

Vaċċini u lixki

Reġjun

Tip ta’ testijiet

Għadd ta’ annimali

Għadd ta’ dożijiet ta’ vaċċini u lixki

Spiża tax-xiri u t-tqassim/amministrazzjoni

(f’EUR)

Vaċċin orali

Xiri

 

 

 

Tqassim

 

 

 

Vaċċin parenterali

Xiri

 

 

 

Amministrazzjoni

 

 

 

Total

 

0

0

0,00

Jiena niċċertifika li:

l-infiq sar tassew, akkontat b’eżattezza u eliġibbli skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/657/UE;

id-dokumenti ta’ sostenn kollha relatati mal-infiq huma disponibbli għall-ispezzjoni, notevolment biex jiġġustifikaw il-livell ta’ kumpens għall-annimali;

ma ntalbet l-ebda kontribuzzjoni oħra mill-Unjoni għal dan il-programm u d-dħul kollu li sar minn operazzjonijiet skont il-programm huwa ddikkjarat lill-Kummissjoni;

il-programm kien eżegwit skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, partikolarment ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, l-aġġudikazzjoni ta’ kuntratti pubbliċi u għajnuna Statali;

japplikaw il-proċeduri ta’ kontroll, b’mod partikolari għall-verifika tal-eżattezza tal-ammonti dikkjarati, għall-prevenzjoni, is-sejba u t-tiswija tal-irregolaritajiet.

 

Data: …

 

Isem u firma tad-direttur operattiv: …


Top